Il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil: kubrit u ċomb
SOMMARJU TA’:
Id-Direttiva 98/70KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil
X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?
- Hija tistabbilixxi standards mal-UE kollha għall-petrol u għad-diżil użati fil-karozzi, fit-trakkijiet u f’vetturi oħra off-road għall-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, inkluż projbizzjoni fuq iċ-ċomb fil-petrol u limitu ta’ kontenut ta’ kubrit fil-karburanti tad-diżil.
- Hija titlob lill-fornituri tal-karburanti biex gradwalment inaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja minn karburant jew enerġija fornut(a) b’6 % sal-2020 meta mqabbel ma’ linja bażi tal-karburanti fossili tal-2010.
- Hija taffettwa t-taħlit ta’ karburanti alternattivi ta’ oriġini mhux mill-fossili f’taħlitiet tal-petrol u tad-diżil użati fit-trasport bit-triq, kif ukoll iż-żjut tal-gass użati f’makkinarju mobbli mhux tat-triq*, tratturi agrikoli u tal-forestrija, opri tal-baħar tal-ilmijiet interni u għar-rikreazzjoni meta ma jkunux fuq il-baħar.
PUNTI EWLENIN
Petrol
- Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jqiegħdu fis-suq biss petrol li jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet fl-Anness I tad-direttiva. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet jintużaw meta jiġi kkummerċjalizzat petrol mibjugħ fl-UE.
- Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jikkummerċjalizzaw biss petrol bi kwantitajiet żgħar ħafna ta’ ċomb għall-użu biss minn vetturi antiki. Il-kontenut ta’ ċomb ma jistax ikun ogħla minn 0.15 g/l, u jista’ jikkostitwixxi massimu ta’ 0.03 % tal-bejgħ totali.
- Ċerti pajjiżi tal-UE għandhom l-għażla li jqiegħdu fis-suq petrol bi pressjoni tal-fwar ogħla matul is-sajf jekk it-temperatura ambjentali tkun baxxa jew jekk ikun hemm taħlitiet ogħla ta’ etanol fil-petrol (li jwassal għal pressjoni tal-fwar aktar baxxa). Il-Kummissjoni Ewropea jeħtiġilha tivvaluta d-durata u kemm dawn l-eċċezzjonijiet ikunu mixtieqa.
Diżil
- Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jqiegħdu fis-suq biss diżil li jikkonforma mal-Anness II. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet jintużaw fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ diżil mibjugħ fl-UE.
- Jekk ir-rekwiżiti l-oħrajn kollha fl-Anness II ma jiġux issodisfati, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jintroduċu diżil b’aktar esteri metiliċi tal-aċidi grassi (FAME), li huma l-molekuli primarji fil-karburant tal-bijodiżil.
- Il-kontenut ta’ kubrit tad-diżil ma jridx jaqbeż l-10 mg/kg.
- Xi eċċezzjonijiet għal din ir-regola huma possibbli għal reġjuni remoti u għal pajjiżi tal-UE b’temp xitwi sever.
Tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassjiet serra
- Il-pajjiżi tal-UE ipoġġu r-responsabilità fuq il-fornituri tal-karburanti għall-monitoraġġ u għar-rapportar annwali dwar l-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ gassijiet serra* mill-karburant.
- Il-fornituri tal-karburanti iridu gradwalment inaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja sa 10 % sal-31 ta’ Diċembru 2020, meta mqabbel mal-istandard tal-linja bażi tal-karburanti (stabbilit fl-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652). Dak it-tnaqqis jikkonsisti minn mira ta’ tnaqqis obbligatorju ta’ 6 % sal-31 ta’ Diċembru 2020, mira addizzjonali indikattiva ta’ 2 % sal-31 ta’ Diċembru 2020 li għandha tinkiseb permezz tat-tip ta’ enerġija fornuta għat-trasport u/jew għall-użu ta’ kwalunkwe teknoloġija (inkluż il-qbid u l-ħżin tal-karbonju) kapaċi li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja għal kull unità ta’ enerġija mill-karburant jew mill-enerġija fornut(a); u mira addizzjonali indikattiva ta’ 2 % sal-istess data li għandha tinkiseb permezz tal-użu ta’ krediti mixtrija permezz tal-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif tal-Protokoll ta’ Kjoto.
Rapportar
- Kull sena, sal-31 ta’ Awwissu, il-pajjiżi tal-UE jeħtiġilhom jissottomettu informazzjoni rigward il-kwalità nazzjonali tal-karburanti tagħhom u t-tnaqqis tal-intensità tal-gassijiet serra tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil fornuti għat-trasport bit-triq, għall-makkinarju mobbli mhux tat-triq f’rapport li jiġbor id-data kollha rilevanti mis-sena kalendarja preċedenti. Id-data trid tinġabar minn sistema ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-karburanti f’konformità mal-istandards tal-UE rilevanti. Sal-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena, kull pajjiż tal-UE jeħtieġlu jissottometti informazzjoni skont l-Artikolu 8(1) u 7a tad-Direttiva 98/70/KE (kif emendat). L-Artikolu 8(1) jirrikjedi sommarju tad-data dwar il-monitoraġġ tal-kwalità tal-karburanti miġbura matul il-perjodu ta’ bejn Jannar u Diċembru tas-sena kalendarja preċedenti.L-Artikolu 7a jimponi rekwiżiti fuq il-fornituri tal-karburanti biex inaqqsu l-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija fornuta għat-trasport bit-triq.
- Kull sena sal-31 ta’ Diċembru, il-pajjiżi tal-UE jeħtiġilhom jissottomettu informazzjoni rigward il-progress tagħhom.
META TIBDA TAPPLIKA D-DIRETTIVA?
Din kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-1 ta’ Lulju 1999. Il-pajjiżi tal-UE kellhom japplikaw ir-regoli sal-1 ta’ Jannar 2000.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Makkinarju mobbli mhux tat-triq: numru kbir ta’ installazzjonijiet ta’ magni f’magni użati għal għanijiet li mhumiex dawk ta’ trasport ta’ oġġetti jew passiġġieri, bħal buldowżers, kumpressuri, back loaders, jew front loaders.
Ir-rapportar dwar l-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ gassijiet serra: rapportar dwar l-emissjonijiet ta’ CO2, CH4 u N2O mill-estrazzjoni, mill-ipproċessar u mid-distribuzzjoni tal-karburanti.
DOKUMENT EWLIENI
Id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Eropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (ĠU L 350, 28.12.1998, pp. 58-68)
L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 98/70/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.
DOKUMENTI RELATATI
Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, pp. 1-77)
Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (riformulazzjoni) (ĠU L 328, 21.12.2018, pp. 82-209)
Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 tal-20 ta’ April 2015 li tistabbilixxi l-metodi ta’ kalkolu u r-rekwiżiti ta’ rappurtar skont id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil (ĠU L 107, 25.4.2015, pp. 26-67)
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1307/2014 tat-8 ta’ Diċembru 2014 li jiddefinixxi l-kriterji u l-firxiet ġeografiċi ta’ artijiet bil-ħaxix ta’ bijodiversità għolja għall-finijiet tal-Artikolu 7b(3)(c) tad-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropea u l-Kunsill dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u l-Artikolu 17(3)(c) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 351, 9.12.2014, pp. 3-5)
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2005/27/KE tat-12 ta’ Jannar 2005 fuq xiex, għall-għanijiet tad-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-petrol u d-diżil, tikkostitwixxi d-disponibbiltà ta’ petrol bla ċomb u diżil b’kontenut massimu ta’ kubrit fuq bażi ġeografika bbilanċjata b’mod xieraq (ĠU L 15, 19.1.2005, p. 26-29)
l-aħħar aġġornament 19.09.2019