Il-Konvenzjoni ta’ Ħelsinki: il-prevenzjoni tat-tniġġis fil-kanali tal-ilma u l-għadajjar internazzjonali
SOMMARJU TA’:
Deċiżjoni 95/308/K dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni u l-użu tal-kanali ta’ l-ilma li jaqsmu l-fruntieri u l-għadajjar internazzjonali
Konvenzjoni fuq il-protezzjoni u l-użu ta’ passaġġi ta’ l-ilma transkonfinali u għadajjar internazzjonali
X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI U TAL-KONVENZJONI?
Permezz tad-Deċiżjoni 95/308/KE, il-Komunità Ewropea (issa l-UE) tingħaqad mal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni u l-użu tal-kanali tal-ilma li jaqsmu l-fruntieri* u l-għadajjar internazzjonali (Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti — Konvenzjoni UNECE dwar l-Ilma).
Din hija magħrufa bħala l-Konvenzjoni ta’ Ħelsinki, peress li ġiet iffirmata hemmhekk fl-1992.
PUNTI EWLENIN
- Il-konvenzjoni tipprovdi qafas legali li fih 2 partijiet jew iktar jistgħu jikkooperaw sabiex:
- jipprevjenu u jikkontrollaw it-tniġġis tal-ilma bejn il-fruntieri nazzjonali;
- jiżguraw l-użu raġonevoli u imparzjali tal-ilmijiet transkonfinali.
- Il-partijiet għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa tal-ilma transkonfinali sabiex:
- jipprevjenu, jikkontrollaw u jnaqqsu t-tniġġis attwali jew potenzjali;
- jiżguraw ġestjoni tal-ilma affidabbli b’mod ekoloġiku, il-konservazzjoni tar-riżorsi u l-protezzjoni ambjentali, inkluż ir-restawr tal-ekosistemi, fejn meħtieġ;
- jiżguraw l-użu raġonevoli u imparzjali tar-riżorsi.
- Il-partijiet għandhom:
- japplikaw il-prinċipju ta’ prekawzjoni, jiġifieri mhux ma jaġixxux minħabba li x-xjenza għadha ma wrietx kompletament li hemm rabta kawżali bejn sustanzi partikolari u t-tniġġis;
- japplikaw il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, jiġifieri l-parti responsabbli għall-ikkawżar tat-tniġġis tħallas l-ispejjeż ta’ prevenzjoni, kontroll u tnaqqis;
- jimmaniġġjaw ir-riżorsi tal-ilma sabiex il-bżonnijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri ma jiġux milquta;
- jistabbilixxu programmi għall-monitoraġġ tal-ilma li jaqsmu l-fruntieri;
- jikkooperaw ma’ xulxin, speċjalment rigward l-iskambju ta’ informazzjoni u r-riċerka biex jiġu żviluppati tekniki effettivi għall-prevenzjoni, il-kontroll u t-tnaqqis ta’ tniġġis transkonfinali;
- jappoġġaw sforzi internazzjonali biex jiġu mfassla regoli, kriterji u proċeduri għad-determinazzjoni ta’ responsabbiltà għal kwalunkwe tniġġis.
- Il-miżuri għandhom:
- jittieħdu fis-sors, fejn ikun possibbli;
- ma jittrasferixxux direttament jew indirettament it-tniġġis f’partijiet oħra tal-ambjent.
- Ftehimiet bejn 2 partijiet jew iktar jistgħu jkopru kwistjonijiet bħal:
- kompilazzjoni ta’ dejta u inventarji;
- ħolqien ta’ programmi konġunti ta’ monitoraġġ;
- adozzjoni ta’ limiti ta’ emissjoni għall-ilma mormi u għanijiet konġunti tal-kwalità tal-ilma;
- introduzzjoni ta’ proċeduri ta’ twissija u allarm;
- użu ta’ valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali.
- Il-partijiet fi ftehim għandhom:
- jipprovdu lil xulxin kwalunkwe għajnuna meta din tintalab;
- jiżguraw li l-informazzjoni dwar l-istat tal-ilma transkonfinali u kwalunkwe miżuri meħuda jkunu disponibbli għall-pubbliku.
- Fl-2003, il-konvenzjoni ġiet emendata sabiex tippermetti lill-pajjiżi mhux Ewropej jissieħbu. L-emenda daħlet fis-seħħ fis-6 ta’ Frar 2013 u d-Deċiżjoni 2013/790/UE mmarkat l-aċċettazzjoni tagħha. Minn Marzu 2016 l-Istati Membri kollha tan-NU jistgħu jaderixxu għaliha.
DATA TA’ DĦUL FIS-SEĦĦ
Il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ fis-6 ta’ Ottubru 1996.
SFOND
Ħafna mill-problemi ambjentali jaqsmu l-fruntieri nazzjonali u jista’ jkollhom natura globali wkoll. Dan huwa għaliex it-Trattat ta’ Lisbona (Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) tagħti l-kompitu lill-UE tal-promozzjoni ta’ miżuri internazzjonali sabiex jiġu indirizzati problemi ambjentali reġjonali jew dinjin.
L-UE hija kompetenti biex tinnegozja u tiffirma ftehimiet ambjentali internazzjonali. Hija għamlet dan f’ħafna oqsma, kemm jekk taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll fil-livell reġjonali jew sub-reġjonali. Hija rratifikat 6 konvenzjonijiet li jittrattaw l-ilma.
Għal aktar informazzjoni ara:
TERMINI EWLENIN
Kanali tal-ilma li jaqsmu l-fruntieri: ilma tal-wiċċ jew tal-blat li jimmarka, jaqsam jew huwa jinsab fuq il-fruntieri bejn żewġ pajjiżi jew iktar.
DOKUMENTI EWLENIN
Deċiżjoni tal-Kunsill 95/308/KE tal-24 ta’ Lulju 1995 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni u l-użu tal-kanali tal-ilma li jaqsmu l-fruntieri u l-għadajjar internazzjonali (ĠU L 186, 5.8.1995, pp. 42-58)
Konvenzjoni dwar il-protezzjoni u l-użu tal-kanali tal-ilma li jaqsmu l-fruntieri u tal-għadajjar internazzjonali (ĠU L 186, 5.8.1995, pp. 44-58)
Emendi suċċessivi għall-Konvenzjoni ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għanda valur dokumentarju biss.
l-aħħar aġġornament 10.07.2020