Il-kompetizzjoni: eżenzjonijiet għal ċerti ftehimiet bejn ditti kompetituri
SOMMARJU TA':
Ir-Regolament (KEE) Nru 2821/71 dwar l-applikazzjoni tat-Trattat għall-kategoriji ta’ ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma
SOMMARJU
X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?
-
Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tagħti eżenzjonijiet individwali għal ċerti ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (it-Trattat tal-KE) (issa l-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)).
-
Hija tista’ tagħti wkoll eżenzjonijiet ta’ kategorija permezz ta’ regolament.
-
Dan ir-regolament jagħti ċ-ċans lill-Kummissjoni li teżenta ċerti ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma permezz ta’ eżenzjoni ta’ kategorija.
Ambitu
Dan ir-regolament jagħti ċ-ċans lill-Kummissjoni tapplika, permezz ta’ regolament, l-Artikolu 101(3) tat-TFUE għal ċerti ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma, li għandhom bħala l-għan tagħhom:
-
ir-riċerka u l-iżvilupp ta’ prodotti jew proċessi u l-esplojtazzjoni tar-riżultati, inklużi dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ proprjetà industrijali u għarfien tekniku kunfidenzjali;
-
l-ispeċjalizzazzjoni, inklużi l-ftehimiet neċessarji għall-kisba tagħha.
Kundizzjonijiet għar-regolamenti ta’ eżenzjoni
Ir-regolamenti ta’ eżenzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni għandhom jissodisfaw għadd ta’ kundizzjonijiet. Huma għandhom:
-
jinkludu definizzjoni tal-kategoriji ta’ ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma li għalihom japplikaw u jispeċifikaw ir-restrizzjonijiet, il-klawżoli jew kundizzjonijiet oħrajn li jistgħu jidhru fihom;
-
japplikaw għal perjodu limitat, għalkemm jistgħu jiġu emendati jew irrevokati;
-
japplikaw b’effett retroattiv għall-ftehimiet li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom, setgħu bbenifikaw minn deċiżjoni maħruġa b’effett retroattiv skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 17 (KEE), li kien sostitwit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003.
Ir-regolamenti kkonċernati għandhom jikkonformaw mal-proċedura ta’ approvazzjoni li ġejja:
-
għandu jiġi ppubblikat abbozz li jippermetti lill-persuni u lill-organizzazzjonijiet kollha kkonċernati jibagħtu l-kummenti tagħhom lill-Kummissjoni;
-
il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv dwar il-Prattiki Restrittivi u l-Monopolji qabel tippubblika abbozz jew tadotta regolament;
-
meta l-Kummissjoni, fuq inizjattiva tagħha jew fuq talba ta’ pajjiż tal-Unjoni Ewropea (UE) jew ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, issib li, fi kwalunkwe każ partikolari, il-ftehimiet, id-deċiżjonijiet jew il-prattiki miftiehma li għalihom japplika regolament ta’ eżenzjoni għandhom ċerti effetti li huma inkompatibbli mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101 (3), hija tista’ tadotta deċiżjoni li tirtira l-benefiċċju tar-regolament.
META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?
Huwa daħal fis-seħħ fit-18 ta’ Jannar 1972. Fil-pajjiżi applikanti, dan ir-regolament jidħol fis-seħħ fid-data tal-adeżjoni tal-pajjiż fl-UE.
ATT
Ir-Regolament (KEE) Nru 2821/71 tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 1971 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 85(3) tat-Trattat għall-kategoriji ta’ ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma (ĠU L 285, 29.12.1971, p. 46–48)
L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KEE) Nru 2821/71 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.
ATTI RELATATI
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, pp. 1–25). Ara l-verżjoni kkonsolidata.
l-aħħar aġġornament 04.01.2016