Tagħbija u ħatt ta’ bastimenti ta’ tagħbija bl-ingrossa
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Direttiva 2001/96/KE — rekwiżiti u proċeduri tal-UE għat-tagħbija u l-ħatt b’sigurtà ta’ bastimenti ta’ tagħbija bl-ingrossa
SOMMARJU
X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?
-
Din iżżid il-proċeduri ta’ sigurtà għal bastimenti ta’ tagħbija bl-ingrossa li jgħabbu u jħottu t-tagħbija solida bl-ingrossa tagħhom fil-portijiet tal-UE.
-
Għandha l-għan li tnaqqas il-ħsara kkawżata lill-vapuri waqt it-tagħbija u l-ħatt.
-
Hija tarmonizza l-istandards għall-bastimenti u għat-terminals, u għall-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni bejniethom.
PUNTI EWLENIN
-
Il-leġiżlazzjoni tapplika għat-terminals tal-UE* u l-bastimenti ta’ tagħbija bl-ingrossa, irrispettivament mill-bandiera tagħhom, li jużawhom sabiex jgħabbu jew iħottu tagħbija solida bl-ingrossa.
-
Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw:
-
li l-operaturi tat-terminal ikunu kunfidenti li l-bastimenti ta’ tagħbija li jidħlu hemm u li t-terminals tagħhom stess jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni
-
li jkun hemm qbil dwar pjanijiet dwar it-tagħbija u l-ħatt b’konformità mal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974 bejn il-kaptan tal-vapur u r-rappreżentant tat-terminal qabel jibda kwalunkwe xogħol.
-
li l-awtoritajiet tagħhom stess jipprevjenu jew iwaqqfu kull operazzjoni jekk jemmnu li din tkun tipperikola s-sigurtà tal-bastiment jew tal-ekwipaġġ
-
spezzjonijiet regolari, inklużi żjarat mhux imħabbra, ta’ operazzjonijiet ta’ tagħbija u ta’ ħatt jitwettqu sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-leġiżlazzjoni. Ir-riżultati tal-ispezzjonijiet jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea kull tliet snin.
-
Il-kaptani tal-vapuri huma responsabbli għat-tagħbija u l-ħatt b’sigurtà tal-bastimenti ta’ tagħbija taħt il-kmand tagħhom f’kull mument.
-
Ir-rappreżentanti tat-terminals iridu jipprovdu lill-kaptan b’informazzjoni rilevanti, bħall-isem tal-irmiġġ, u t-tagħmir disponibbli fejn se sseħħ l-operazzjoni, qabel jasal il-bastiment.
-
Ir-rappreżentanti tat-terminals iridu jirrapportaw lill-kaptan tal-vapur dwar kwalunkwe ħsara kkawżata lil bastiment jew it-tagħmir tiegħu waqt it-tagħbija jew il-ħatt. Jekk meħtieġ, dan għandu jissewwa.
META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?
Din tapplika mill-5 ta’ Frar 2002. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-5 ta’ Awwissu 2003.
TERMINU EWLIENI
* Terminal: kull faċilità fissa, li tgħum f’wiċċ l-ilma jew li tkun mobbli, imgħammra u użata għat-tagħbija u l-ħatt tat-tagħbija xotta bl-ingrossa fi jew minn bastimenti ta’ tagħbija bl-ingrossa.
ATT
Direttiva 2001/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2001 li tistabbilixxi l-ħtiġiet u l-proċeduri armonizzati għat-tagħbija u l-ħatt b’ sigurtà ta’ bastimenti ta’ tagħbija bl-ingrossa (ĠU L 13, 16.1.2002, p. 9–20)
L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2001/96/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.
l-aħħar aġġornament 14.03.2016