Rikonoxximent reċiproku fis-suq uniku tal-UE

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

COM(1999) 299 finali — Rikonoxximent reċiproku fis-suq uniku

SOMMARJU

X’TAGĦMEL DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

Tispjega l-importanza tar-rikonoxximent reċiproku – wieħed mill-prinċipji ewlenin li fuqu huwa bbażat is-suq uniku. Hi tippermetti li l-beni u s-servizzi jgħaddu mingħajr xkiel fl-UE mingħajr ma jkollhom jarmonizzaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-komunikazzjoni tidentifika problemi fl-applikazzjoni tagħha u modi kif dawn jistgħu jiġu indirizzati.

PUNTI EWLENIN

Il-prinċipju jfisser li kull prodott mibjugħ legalment f’wieħed mill-pajjiżi tal-UE jista’ jinbiegħ f’pajjiż ieħor, anki jekk ma jkunx jissodisfa r-regoli tekniċi kollha tagħha – ħlief f’ċirkostanzi definiti b’mod strett.

Il-komunikazzjoni tenfasizza dawn il-problemi li ġejjin:

nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli dwar l-applikazzjoni ta’ rikonoxximent reċiproku,

spejjeż u dewmien minħabba organizzazzjoni interna dgħajfa f’xi amministrazzjonijiet nazzjonali,

riluttanza ta’ uffiċjali biex japprovaw prodott li ma jafux, akkumpanjat b’ċertifikati b’lingwi li dawn ma jitkellmux.

Xi prodotti, b’mod partikolari dawk l-aktar kumplessi, jaffaċċjaw rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-konsumatur, tas-sigurtà u ta’ saħħa nazzjonali speċifiċi. Dan huwa partikolarment minnu f’setturi tal-ikel, tal-elettriku, tal-vetturi, tal-metall prezzjuż, tal-kostruzzjoni u kimiċi.

Servizzi f’oqsma bħall-komunikazzjoni kummerċjali, kostruzzjoni, privattivi u sigurtà spiss ġew iġġudikati kontra l-kriterju tal-“interess ġenerali” għall-pubbliku tal-pajjiż.

Il-komunikazzjoni tissuġġerixxi l-miżuri li ġejjin:

monitoraġġ aktar b’saħħtu permezz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni biannwali tal-Kummissjoni Ewropea, b’analiżi ekonomika ta’ akkumpanjament tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. Dan jista’ jidentifika oqsma fejn armonizzazzjoni sħiħa tista’ tkun meħtieġa;

azzjoni legali potenzjali kontra l-gvernijiet tal-UE li jonqsu milli jimplimentaw il-prinċipju;

informazzjoni iktar komprensiva dwar il-prinċipju għall-parteċipanti ewlenin bħal amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali, negozji, avukati u federazzjonijiet professjonali;

taħriġ għall-awtoritajiet nazzjonjali u r-rappreżentanti ta’ korpi professjonali mis-setturi l-iktar ikkonċernati, b’seminars nazzjonali, reġjonali u lokali li saru b’mod parallel;

l-iktar modi effettivi kif jiġu indirizzati l-problemi billi jitnaqqas il-ħin biex jiġu indirizzati ilmenti individwali.

Pajjiżi tal-UE għandhom rwol importanti x’jaqdu billi:

jinkorporaw rikonoxximent reċiproku fil-liġi nazzjonali;

iwieġbu mingħajr dewmien żejjed għat-talbiet għall-użu tiegħu;

isaħħu l-kooperazzjoni bejn id-dipartimenti tal-gvern;

jagħmlu użu aħjar mill-punti ta’ kuntatt nazzjonali.

Ftehim ta’ rikonoxximent reċiproku jippromwovi kummerċ ta’ merkanzija bejn swieq tal-UE u dawk elewnin bħall-Awstralja, il-Kanada, l-Iżreal, il-Ġappun, New Zealand u l-Istati Uniti.

Regolament (KE) Nru 764/2008 jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom japplikaw jekk għandhom l-intenzjoni li jirrifjutaw, jew li japplikaw kondizzjonijiet addizzjonali, għal talba ta’ rikonoxximent reċiproku għal prodott.

SFOND

Rikonoxximent reċiproku

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni għall-Kunsill u għall-Parlament Ewropew – Rikonoxximent reċiproku fil-kuntest tas-segwitu għall-pjan ta’ azzjoni għas-suq uniku (COM(1999) 299 finali tas-16 ta’ Ġunju 1999)

ATTI RELATATI

Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 1999 dwar il-maniġment tal-Fehmiet dwar ir-rikonoxximent reċiproku (ĠU C 190, 7.7.1999, p. 2)

Regolament (KE) Nru 764/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi l-proċeduri relatati mal-applikazzjoni ta’ ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 21-29)

l-aħħar aġġornament 04.01.2016