L-iżgurar tal-għalf sikur għall-annimali

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2002/32/KE dwar sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf ta' l-annimali

SOMMARJU

X'TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

PUNTI EWLENIN

L-iskop

Id-direttiva tapplika għall-prodotti kollha maħsuba għall-għalf għall-annimali, inkluża l-materja prima għall-għalf, addittivi u għalf komplementari.

Tistabbilixxi lista ta' sustanzi mhux mixtieqa u tispeċifika l-valuri tal-limitu li għalihom, il-preżenza ta' dawn is-sustanzi fl-għalf tal-annimali huwa projbit (Anness I).

Il-lista tinkludi sustanzi bħal ċerti metalli tqal (bħaċ-ċomb u kadmju), diossina u xi pestiċidi. Din tiġi aġġornata regolarment fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku.

Investigazzjonijiet

Meta dawn il-livelli massimi jinqabżu, il-pajjiżi tal-UE - f'kooperazzjoni man-negozji kkonċernati - għandhom jinvestigaw biex jidentifikaw is-sorsi tas-sustanzi. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea dwar is-sejbiet tagħhom u dwar kwalunkwe miżura meħuda biex telimina jew tnaqqas il-livell tas-sustanzi.

Taħlitiet

Biex tipprevjeni l-frodi, id-direttiva tipprojbixxi t-taħlit (għal skopijiet ta' dilwizzjoni) ta' prodotti li jaqbżu l-livelli massimi.

Miżuri provviżorji

Fejn pajjiż tal-UE jista' juri li livell massimu mfassal għal sustanza jista' jippreżenta riskju għas-saħħa tal-annimal jew tal-bniedem jew għall-ambjent, il-pajjiż jista' jintroduċi b'mod provviżorju aktar limiti stretti sakemm jew il-Kunsill jew il-Kummissjoni jieħu/tieħu deċiżjoni. Il-pajjiż inkwistjoni għandu jiżgura li d-deċiżjoni tiegħu ssir pubblika.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Daħlet fis-seħħ fit-30 ta' Mejju 2002. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali mill-1 ta' Mejju 2003.

SFOND

Nutrizzjoni tal-annimali — sustanzi mhux mixtieqa

PUNT EWLIENI

* Sustanza mhux mixtieqa: kwalunkwe sustanza jew prodott, bl-eċċezzjoni tal-aġenti patoġeniċi, preżenti fil-prodott u/jew fuq il-prodott maħsub għall-għalf tal-annimali, li tippreżenta periklu potenzjali għas-saħħa tal-annimali jew tal-bniedem, għall-ambjent jew li tista' taffettwa ħażin il-produzzjoni ta' bhejjem.

ATT

Id-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Mejju 2002 dwar sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf ta' l-annimali — l-istqarrija tal-Kunsill (ĠU L 140, 30.5.2002, p. 10-22)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2002/32 u l-Annessi tagħha ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta' valur dokumentarju biss.

ATTI RELATATI

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi ta' l-għalf u l-ikel, mas-saħħa ta' l-annimali u mar-regoli dwar il-welfare ta' l-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1-141). Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 04.01.2016