Sospensjoni tad-dazji tal-importazzjoni fuq ċerti armamenti u apparat militari

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (KE) Nru 150/2003 li jissospendi d-dazji fuq l-importazzjoni fuq ċerti armamenti u apparat militari

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

L-għan tiegħu hu li jissospendi d-dazji tal-importazzjoni fuq ċerti armamenti u apparat militari biex l-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-UE inkarigati mid-difiża jkunu jistgħu jakkwistaw l-aqwa materjal militari disponibbli madwar id-dinja.

Hu japplika biss għal oġġetti importanti minn jew f’isem l-awtoritajiet tad-difiża fil-pajjiżi tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Sospensjoni tad-dazji

Ir-regolament jissospendi d-dazji tal-kodiċi doganali komuni li japplikaw għall-armamenti u għall-materjal militari bil-kundizzjoni li l-oġġetti jintużaw minn (jew f’isem) il-forzi armati tal-pajjiż, pereżempju:

L-Anness I tar-regolament jistabbilixxi l-lista ta’ oġġetti li huma eliġibbli għal din l-eżenzjoni. Kwalunkwe materjal li mhuwiex elenkat fir-regolament u fl-annessi tiegħu huwa soġġett għad-dazji doganali, anki jekk jiġi impurtat mill-forzi armati ta’ pajjiż tal-UE.

Oġġetti kkonċernari

L-oġġetti li fuqhom id-dazji jiġu sospiżi huma l-armi u l-munizzjon, inklużi partijiet u aċċessorji, ċerti gassijiet, esplożivi, detonaturi rari, ċertu materjal fotografiku u ċerti prodotti kimiċi.

Ir-regolament japplika wkoll is-sospensjoni tad-dazji doganali għal partijiet, komponenti u submontaturi għall-inkorporazzjoni jew armar ta’ dawn fl-oġġetti inklużi fil-lista tal-annessi jew li huma meħtieġa għat-taħriġ jew l-eżaminazzjoni.

Kumpaniji privati

Il-kumpaniji privati stabbiliti fl-UE ser ikunu jistgħu jimportaw l-oġġetti mingħajr ħlas ta’ dazju diment li huma jimmanifatturaw l-apparat militari rilevanti, u li jfornu prodotti finali lill-awtoritajiet inkarigati mid-difiża fil-pajjiżi tal-UE. Kull użu ieħor irid iħallas id-dazji doganali.

PROĊEDURI U KONTROLLI

Ċertifikat

It-talba ghad-dħul fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ din il-merkanzija għandha tkun akkompanjata minn ċertifikat maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż tal-UE li l-oġġetti jkunu destinati għall-forzi armati tiegħu.

Il-mudell għal dan iċ-ċertifikat jiġi riprodott fl-Anness III tar-regolament. Dan għandu jiġi sottomess lill-awtoritajiet tad-dwana tal-pajjiż tal-UE importatur flimkien mal-oġġetti li jagħmel referenza għalihom.

Kunfidenzjalità militari

Sabiex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità militari, hemm proċedura amministrattiva speċifika biex tingħata sospensjoni tad-dazji: l-awtoritajiet responsabbli għad-difiża nazzjonali jistgħu joħorġu ċ-ċertifikat minflok is-servizzi regolari tad-dwana. L-awtoritajiet jeħtieġ li jiġu notifikati skont dan.

Sorveljanza tad-dwana

L-oġġetti kkonċernati huma soġġetti għall-kundizzjonijiet dwar l-użu aħħari stabbiliti mill-Kodiċi Doganali tal-UE, jiġfieri l-użu tagħhom ser jiġi ssorveljat. Is-sorveljanza tad-dwana tal-aħħar użu tispiċċa 3 snin wara d-data tar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa.

Għall-għanijiet ta’ superviżjoni tad-dwana, l-awtorità kompetenti li toħroġ iċ-ċertifikat jew li tuża l-oġġetti jeħtieġ li tinnotifika lill-awtoritajiet tad-dwana tal-pajjiż tagħha dwar kwalunkwe differenza fil-prodotti tal-merkanzija mill-użu speċifikat fir-regolament.

Skambju ta’ informazzjoni

Il-pajjiżi tal-UE jeħtieġ li jikkomunikaw l-ismijiet ta’ dawk awtorizzati biex joħorġu ċ-ċertifikat. Il-Kummissjoni Ewropea tibgħat din l-informazzjoni lill-awtoritajiet tad-dwana tal-pajjiżi l-oħra tal-UE.

Il-pajjiżi tal-UE jeħtieġ li jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-regolament, u kull sena jibagħtu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar in-numru ta’ ċertifikati maħruġa, flimkien mal-valur totali u l-piż gross tal-oġġetti importati skont ir-regolament.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan japplika mill-1 ta’ Jannar 2003.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 150/2003 tal-21 ta’ Jannar 2003 li jissospendi d-dazji fuq l-importazzjoni fuq ċerti armamenti u apparat militari (ĠU L 25, 30.1.2003, pp. 1-6)

l-aħħar aġġornament 10.11.2017