Negħlbu l-istigma tal-falliment kummerċjali
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Komunikazzjoni (KUMM(2007) 584 finali) – Negħlbu l-istigma tal-falliment kummerċjali – lejn politika li tagħti opportunità oħra - Implementing the Lisbon Partnership for Growth and Jobs
X’INHU L-GĦAN TAL-KOMUNIKAZZJONI?
-
F’din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) biex itejbu r-regoli u l-proċeduri nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-falliment kummerċjali.
-
Ħafna kumpaniji stabbiliti sew jeżistu biss minħabba li l-fundaturi tagħhom ma qatgħux qalbhom wara falliment inizjali. Il-falliment kummerċjali jista jingħeleb jekk l-intraprendituri jingħataw opportunità oħra.
PUNTI EWLENIN
Nofs in-negozji ma jirnexxilhomx jibqgħu joperaw fl-ewwel ħames snin tal-eżistenza tagħhom. Madankollu, il-mewt tan-negozji mhijiex inkompatibbli mad-dinamiżmu ekonomiku. L-opinjoni pubblika spiss tassoċja l-falliment mal-frodi jew l-inkapaċità personali. Iżda 4 sa 6 % biss mill-fallimenti huma frodulenti. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-falliment huwa sempliċiment konsegwenza diretta tat-tiġdid kummerċjali.
Il-fallimenti kummerċjali jwasslu għal spiża għolja f’termini ta’ impjieg, kapaċità tal-akkwist (pagi mhux imħallsa) u finanzi (djun mhux imħallsa). Din l-ispiża tista’ titnaqqas jekk in-negozji f’diffikultà jirċievu għajnuna aħjar u, fil-każ ta’ falliment, kieku jsir iktar faċli għalihom li jerġgħu jibdew mill-ġdid. Barra minn hekk, l-intraprendituri li jerġgħu jibdew negozju jitgħallmu mill-iżbalji tagħhom u sussegwentement igawdu minn aktar suċċess. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, in-negozji li jkunu fallew għandhom jingħataw opportunità oħra.
Id-dehra pubblika, l-edukazzjoni u l-mezzi tal-massa
-
Iċ-ċittadini Ewropej jibżgħu mill-falliment kummerċjali. Huma jridu jintwerew li attentati ġodda huma parti minn proċess normali ta’ tagħlim, riċerka u skoperta, pereżempju permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni u programmi edukattivi.
-
Il-midja wkoll għandha rwol x’taqdi, partikolarment fejn għandha x’taqsam il-ġlieda kontra l-klixé li skontha l-falliment huwa att kriminali, irrispettivament mill-kawża. Finalment, id-djalogu sostnut mal-partijiet kollha involuti għandu jagħmel lill-Ewropej konxji tal-vantaġġi li wieħed jibda mill-ġdid.
Ir-rwol tal-liġi dwar il-falliment
-
Ħafna liġijiet dwar il-falliment Ewropej jittrattaw il-falliment kummerċjali frodulenti u onest bl-istess mod. Xi kultant, dawn jimponu restrizzjonijiet, projbizzjonijeit u anke skwalifiki fuq dawk li jkunu fallew. Il-leġiżlazzjoni għadha tagħmel aktar distinzjoni bejn it-trattament ta’ falliment frodulenti u dak mhux frodulenti.
-
Barra minn hekk, il-proċedimenti legali għandhom jiġu ssimplifikati u jitħaffu, u ma jdumux aktar minn sena. Finalment, il-leġiżlazzjoni għandha tipprovdi għal ħelsien minn kmieni ta’ djun li jkunu baqgħu, suġġetti għal ċerti kriterji. Djun ferm kbar fil-fatt jistgħu jiskoraġġixxu lil intraprenditur milli jistabbilixxi negozju ieħor.
L-appoġġ attiv għal negozji f’diffikultà
-
Il-falliment kummerċjali għandu jiġi evitat billi l-intraprendituri jiġu appoġġati fi stadju kemm jista’ jkun bikri. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-pajjiżi tal-UE jintroduċu miżuri ta’ appoġġ bħall-assistenza esperta.
-
Peress li n-negozji f’diffikultà ma jistgħux iħallsu għal pariri għaljin, huwa essenzjali li tali appoġġ isir aktar aċċessibbli. Il-Kummissjoni fil-fatt żviluppat strument ta’ twissija bikrija: hija poġġiet għodda ta’ twissija bikrija onlajn biex tgħin lill-intraprendituri jagħmlu stima rapida tas-saħħa finanzjarja tagħhom. Barra minn hekk, il-programm INTERREG IVC u l-organizzazzjonijiet kummerċjali Ewropej joffru ħafna possibbiltajiet għan-netwerking u l-iskambju tal-prattiki tajba fil-qasam tal-appoġġ għan-negozji.
-
Finalment, huwa possibbli wkoll li l-fallimenti jiġu evitati billi jiġu kkunsidrati alternattivi oħra: il-Kummissjoni tissuġġerixxi lill-pajjiżi tal-UE sabiex jibdew jiffukaw fuq ir-ristrutturar u s-salvataġġ ta’ negozji f’diffikultà.
L-appoġġ attiv għal tnedija mill-ġdid
-
L-intraprendituri li joħolqu t-tieni negozju tagħhom jiffaċċjaw diffikultajiet psikoloġiċi, tekniċi u finanzjarji. Għalhekk għandhom isiru disponibbli għalihom taħriġ u kowċing. Huwa neċessarju wkoll li tiġi promossa l-konnessjoni bejn dawn l-intraprendituri u l-klijenti tagħhom, l-imsieħba soċjali u l-investituri, li spiss huma suspettużi fir-rigward ta’ dawk li jfallu.
-
Barra minn hekk, l-intraprendituri li jkunu qed jerġgħu jibdew negozju mill-ġdid jeħtieġu riżorsi finanzjarji. Il-korpi pubbliċi għandhom jeliminaw l-ostakoli għall-finanzjament pubbliku. Il-banek u l-istituzzjonijeit finanzjarji għandhom ikunu inqas kawti lejn dawk li qed jerġgħu jibda’ mill-ġdid, u l-ismijiet ta’ dawk li jfallu li ma jkunux frodulenti m’għandhomx jidhru fuq listi li jirrestrinġu l-aċċess għas-self fis-settur bankarju.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
DOKUMENT EWLIENI
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Negħlbu l-istigma tal-falliment kummerċjali – lejn politika li tagħti opportunità oħra - Implementing the Lisbon Partnership for Growth and Jobs (KUMM(2007) 584 finali, 5.10.2007)
l-aħħar aġġornament 01.12.2016