In-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew - il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità

Din id-Deċiżjoni tipprovdi dispożizzjonijiet għall-kontinwazzjoni tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew, filwaqt li tħassar l-Azzjoni Konġunta 98/428/ĠAI li stabbilixxietu.

ATT

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/976/ĠAI tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew.

SOMMARJU

Din id-Deċiżjoni tipprovdi dispożizzjonijiet għall-kontinwazzjoni tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew, filwaqt li tħassar l-Azzjoni Konġunta 98/428/ĠAI li stabbilixxietu.

X'JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Din id-deċiżjoni testendi l-funzjonijiet tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew (NĠE), tistabbilixxi għodda ta’ telekomunikazzjoni (mezz sigur ta’ komunikazzjoni) u tikkjarifika r-relazzjoni bejn in-netwerk u l-Eurojust*.

PUNTI EWLENIN

Il-kompożizzjoni tan-NĠE

In-NĠE għandu jkun magħmul minn punt ta’ kuntatt wieħed jew aktar ta’ kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea (UE). Għandhom jiġu nnominati korrispondent nazzjonali u korrispondent tal-għodda minn fost id-delegazzjoni ta’ kull pajjiż, li jittrattaw il-mezz ġdid tat-telekomunikazzjoni.

Il-punti ta’ kuntatt jaħdmu fuq il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u għandu jkollhom il-ħiliet lingwistiċi sabiex ikunu jistgħu jikkomunikaw aħjar mal-kontropartijiet tagħhom. Kwalunkwe maġistrati ta’ kollegament nazzjonali diġà maħtura għandhom ikunu marbuta man-NĠE. Il-Kummissjoni Ewropea (KE) hija rrappreżentata wkoll u n-NĠE huwa amministrat minn segretarjat.

Il-funzjonijiet

In-NĠE jopera sabiex jiffaċilita l-komunikazzjoni bejn il-punti ta’ kuntatt, jorganizza l-laqgħat u joħroġ informazzjoni ta’ sfond.

Il-punti ta’ kuntatt jiffaċilitaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn il-pajjiżi tal-UE, b’mod partikolari f’azzjonijiet maħsuba biex jiġġieldu l-kriminalità serja u jippermettu l-komunikazzjoni xierqa u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni mal-punti ta’ kuntatt u mal-awtoritajiet ġudizzjarji f’pajjiżi oħrajn tal-UE.

Barra minn hekk, il-punti ta’ kuntatt jippromwovu u jipparteċipaw fl-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ, billi jaħdmu man-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju, fejn xieraq.

Il-laqgħat sħaħ tan-NĠE, li għalihom ikunu mistiedna mill-inqas 3 punti ta’ kuntatt minn kull pajjiż, isiru mill-inqas 3 darbiet fis-sena, u jipprovdu forum għad-diskussjoni ta’ kwistjonijiet ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja, b’mod partikolari fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Id-diskussjonijiet iservu bħala bażi għal-leġiżlazzjoni u t-titjib possibbli fil-kooperazzjoni internazzjonali. Il-korrispondenti nazzjonali u l-korrispondenti tal-għodda jiltaqgħu mill-inqas darba fis-sena fuq bażi ad hoc.

Is-Segretarjat

Is-segretarjat jipprovdi lill-punti ta’ kuntatt b’informazzjoni aġġornata dwar is-sistemi proċedurali u ġudizzjarji nazzjonali u bit-testi legali rilevanti permezz ta’ sit elettroniku. Barra minn hekk, huwa jistabbilixxi mezz sigur ta’ telekomunikazzjoni għal talbiet relatati mad-dejta u l-kooperazzjoni ġudizzjarja.

Is-segretarjat huwa ffinanzjat mill-baġit tal-Eurojust, organizzazzjoni kumplimentari li tgawdi minn relazzjoni privileġġata man-NĠE bbażata fuq il-konsultazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni.

Il-kontabbiltà

Kull sentejn, in-NĠE jirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-UE u lill-KE dwar l-attivitajiet tiegħu, u kull 4 snin il-Kunsill tal-UE jwettaq valutazzjoni operattiva tan-NĠE bbażata fuq rapport konġunt prodott min-NĠE u mill-KE.

SFOND

Il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji f’materji kriminali qiegħed jiġi implimentat b’mod gradwali, b’kuntatt dirett dejjem jiżdied bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Minħabba dawn il-bidliet u t-tkabbir tal-UE fl-2004 u fl-2007, in-NĠE sar dejjem aktar importanti.

Għal aktar tagħrif, ara s-sit elettroniku tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Mill-24 ta’ Diċembru 2008.

TERMINI EWLENIN

* Eurojust: l-unità tal-kooperazzjoni ġudizzjarja tal-UE.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Id-Deċiżjoni 2008/976/ĠAI

24.12.2008

-

ĠU L 348 tal-24.12.2008, p. 130-134

ATTI RELATATI

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar it-twaqqif ta’ Netwerk għall-kooperazzjoni leġiżlattiva bejn il-Ministeri tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 326 tal-20.12.2008, p. 1-2).

L-aħħar aġġornament: 12.06.2015