Klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 li jistabbilixxi klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS)

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

PUNTI EWLENIN

Il-ġerarkija ta’ NUTS

Għal kull Stat Membru, hemm ġerarkija ta’ tliet livelli ta’ suddiviżjonijiet reġjonali li huma bbażati fuq limiti tal-popolazzjoni minimi u massimi, kif muri hawn taħt.

It-tielet livell huwa suddiviżjoni tat-tieni livell, it-tieni livell huwa suddiviżjoni tal-ewwel livell u l-ewwel livell huwa suddiviżjoni tal-Istat Membru. NUTS ma tkoprix il-livell lokali (muniċipalità). Meta l-popolazzjoni ta’ Stat Membru inġenerali tkun taħt il-limitu minimu għal livell NUTS partikolari, l-Istat Membru nnifsu jikkostitwixxi unità territorjali NUTS ta’ dak il-livell.

Kriterji ta’ klassifikazzjoni

L-unitajiet amministrattivi eżistenti fl-Istati Membri jeħtieġ li jitqiesu fin-NUTS. Il-livell ta’ NUTS ta’ livell amministrattiv eżistenti huwa ddeterminat mid-daqs tal-popolazzjoni medja tal-unitajiet amministrattivi tagħha, kif muri hawn taħt.

Livell

Popolazzjoni minima

Popolazzjoni massima

NUTS 1

3 miljuni

7 miljuni

NUTS 2

800,000

3 miljuni

NUTS 3

150,000

800,000

Jekk ma jkun hemm ebda livell amministrattiv eżistenti ta’ daqs adegwat fi Stat Membru għal livell partikolari fil-klassifikazzjoni, dak il-livell isir billi jiġi aggregat għadd adegwat ta’ unitajiet amministrattivi ġirien iżgħar. L-unitajiet aggregati li jirriżultaw jiffurmaw “livell mhux amministrattiv”, li fih kull unità mhux amministrattiva għandha tirrispetta l-limiti tal-popolazzjoni murija hawn fuq. Eċċezzjonijiet iseħħu f’ċirkostanzi ġeografiċi, soċjoekonomiċi, storiċi, kulturali jew ambjentali partikolari, speċjalment fi gżejjer u fir-reġjuni ultraperiferiċi.

Timoloġiji territorjali (Tercet)

Ir-Regolament emendatorju (UE) 2017/2391 jistabbilixxi rikonoxximent legali tat-tipoloġiji territorjali għall-fini tal-istatistika tal-UE. Dan jagħmilha possibbli għar-regolamenti dwar l-istatistika tematika u l-inizjattivi ta’ politika li jirreferu għal dawn it-tipoloġiji għall-finijiet tal-ġbir tal-istatistika tal-UE u/jew għall-mira ta’ territorji speċifiċi fil-politiki, bħall-bliet, jew iż-żoni u r-reġjuni urbani, rurali jew kostali.

Ir-regolament ikopri tipoloġiji territorjali eżistenti abbażi tal-livell 3 tan-NUTS (eż. tipoloġija urbana-rurali, reġjuni metropolitani) jew l-unitajiet amministrattivi lokali (eż. il-grad ta’ urbanizzazzjoni, bliet, żoni kostali). Ir-regolament ikopri wkoll il-livell ta’ grilja ta’ 1 km2 meħtieġ biex jiġu kkalkolati t-tipoloġiji, li huma bbażati fuq id-distribuzzjoni u d-densità tal-popolazzjoni fiċ-ċelluli tal-grilja. Dan jistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ atti delegati mill-Kummissjoni Ewropea, fejn xieraq.

Il-klassifikazzjoni NUTS attwali, valida mill-1 ta’ Jannar 2021, telenka 92 reġjun fil-livell NUTS 1, 242 reġjun fil-livell NUTS 2 u 1,166 reġjun fil-livell NUTS 3.

Skont l-att ta’ implimentazzjoni, ir-Regolament (KE) Nru 11/2008, meta ssir emenda għall-klassifikazzjoni NUTS, l-Istat Membru kkonċernat għandu jibgħat lill-Kummissjoni s-serje kronoloġika għall-klassifikazzjoni reġjonali l-ġdida biex tissostitwixxi d-data preċedentia.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-11 ta’ Lulju 2003.

SFOND

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 154, 21.6.2003, pp. 1–41).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/674 tas-26 ta’ Diċembru 2022 li jemenda l-Annessi għar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 87, 24.3.2023, pp. 1–53).

Ir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi programm għas-suq intern, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, għall-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u għall-istatistika Ewropea (Programm tas-Suq Uniku) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014 u (UE) Nru 652/2014 (ĠU L 153, 3.5.2021, pp. 1–47).

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1130 tal-5 ta’ Lulju 2021 li tistabbilixxi l-lista tar-reġjuni eliġibbli għal finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew Plus u tal-Istati Membri eliġibbli għal finanzjament mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-perjodu 2021-2027 (notifikat skont id-dokument C(2021) 4894) (ĠU L 244, 9.7.2021, pp. 10–20).

l-aħħar aġġornament 05.04.2023