Aġenzija għall-kooperazzjoni bejn ir-regolaturi tal-enerġija tal-UE
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Ir-Regolament (KE) Nru 713/2009 — li jistabbilixxi Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija
SOMMARJU
X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?
-
Jistabbilixxi Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija* (l-Aġenzija), il-missjoni u l-kompiti tagħha, organizzati fi programmi ta' ħidma annwali.
-
L-Aġenzija tikkumplimenta u tikkoordina fuq livell tal-UE, ix-xogħol tar-regolaturi tal-enerġija nazzjonali.
-
Għandha rwol ċentrali fl-iżvilupp ta' regoli mifruxin mal-UE kollha tan-netwerk u tas-suq għall-elettriku u l-gass fi ħdan l-objettivi ġenerali tal-politika dwar l-enerġija tal-UE.
PUNTI EWLENIN
L-Aġenzija:
-
toħroġ opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet mhux vinkolattivi lil operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni*, awtoritajiet regolatorji, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni Ewropea,
-
tieħu deċiżjonijiet individwali vinkolattivi f'każijiet speċifiċi u taħt ċerti kundizzjonijiet fuq kwistjonijiet ta' infrastruttura transkonfinali,
-
tissottometti abbozz ta' linji gwida għall-użu mill-Kummissjoni bħala l-bażi għall-istabbiliment ta' kodiċijiet tan-netwerk (regoli),
-
tipprovdi qafas li fi ħdanu jistgħu jikkooperaw l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali,
-
tikkoordina inizjattivi infrastrutturali reġjonali u transkonfinali f'oqsma bħalma huma l-allokazzjoni tal-kapaċita u talbiet għall-ħlas mill-utenti,
-
timmonitorja x-xogħol tan-netwerks Ewropej tal-operaturi tas-sistemi ta' tranżmissjoni* (ENTSOs),
-
timmonitorja s-swieq tal-elettriku u tal-gass naturali tal-UE b'mod partikolari l-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut u l-aċċess għan-netwerk, inkluż elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli,
-
hija ġestita minn direttur li l-ħatra inizjali tiegħu hija għal 5 snin. Il-persuna tħejji l-programm ta' ħidma annwali għas-sena ta' wara u tista' tistabbilixxi gruppi ta' ħidma sabiex jipprovdu parir fuq l-attivitajiet regolatorji tal-Aġenzija,
-
tista' toħloq gruppi esperti sabiex jipprovdu parir ad hoc fuq l-iżvilupp tal-politika regolatorja,
-
għandha bord amministrattiv, bord tar-regolaturi u bord tal-appell,
-
għandha baġit iffinanzjat minn sussidju tal-UE, drittijiet, kontribuzzjonijiet nazzjonali volontarji u legati, donazzjonijiet u għotjiet,
-
tista' tilqa' l-parteċipazzjoni ta' pajjiżi mhux tal-UE, taħt ċerti kundizzjonijiet, fix-xogħol tagħha.
Fl-2011, l-Aġenzija rċeviet kompiti addizzjonali skont ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 (magħruf bħala REMIT - Regolament dwar l-Integrità u t-Trasparenza tas-Suq tal-Enerġija). Dan għandu l-għan li jżid it-trasparenza u l-istabbilità tas-swieq tal-enerġija tal-UE u li jindirizza l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq.
Fl-2013, ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea ta lill-Aġenzija rwol ulterjuri fid-disinjar u fil-monitoraġġ ta' proġetti tal-interess komuni.
L-Aġenzija tista' tistabbilixxi
gruppi ta' esperti fuq bażi ad hoc sabiex jagħtuha appoġġ għall-iżvilupp tal-politika. Fil-preżent hemm 3 gruppi ta' esperti li jiffokaw fuq:
-
implimentazzjoni tar-Regolament dwar REMIT
-
sorveljanza tas-suq tal-enerġija bl-imnut
-
Teknoloġija tal-informatika (IT) għall-implimentazzjoni ta' REMIT
SFOND
L-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), Aġenzija tal-UE, inħolqot mit-Tielet Pakkett tal-Enerġija sabiex tħaffef aktar il-progress tas-suq tal-enerġija interna kemm għall-elettriku kif ukoll għall-gass naturali.
L-Aġenzija tnediet uffiċjalment f'Marzu 2011, u għandha s-sede tagħha f'Ljubljana, is-Slovenja.
TERMINI EWLENIN
* Regolaturi tal-Enerġija: korpi maħturin mill-pajjiżi tal-UE sabiex jiżguraw it-tħaddim xieraq tas-swieq tal-enerġija tagħhom, jiġifieri li l-fornituri tal-enerġija jissodisfaw l-obbligi tagħhom u li l-konsumaturi jiġi pprovduti b'servizz affidabbli bi prezz ġust.
* Operatur tas-sistema ta' trasmissjoni (TSO): entità li tittrasporta l-enerġija, bħal gass naturali jew elettriku, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell reġjonali permezz ta' infrastruttura fissa.
ATT
Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1–14)
L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 713/2009 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.
ATTI RELATATI
Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1–16)
Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39–75). Ara l-verżjoni kkonsolidata.
l-aħħar aġġornament 28.10.2015