It-tnaqqis ta’ gassijiet serra sal-2020: id-deċiżjoni dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi
SOMMARJU TA’:
Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE dwar l-isforz tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020
X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?
- Id-deċiżjoni dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi (ESD) stabbilixxiet miri annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG) għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-perjodu 2013–2020. Dawn il-miri kienu jikkonċernaw emissjonijiet minn ħafna mis-setturi li mhumiex inklużi fis-sistema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS), bħat-trasport (ħlief għall-avjazzjoni u t-tbaħħir marittimu internazzjonali), il-bini, l-agrikoltura u l-iskart.
- L-ESD kienet parti minn sett ta’ politiki u miżuri dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija — magħruf bħala l-akkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima — li kien maħsub biex jgħin lill-UE tagħmel tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u żżid is-sigurtà tal-enerġija tagħha.
- L-ESD stabbiliet miri nazzjonali ta’ emissjonijiet għall-2020, espressi bħala tibdil fil-perċentwal mil-livelli ta’ emissjonijiet tal-2005. Hija ffisst ukoll l-ammont ta’ tunnellati ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra li kull Stat Membru jista’ jarmi fis-sena mill-2013 sal-2020 fis-setturi koperti mid-Deċiżjoni.
PUNTI EWLENIN
- Il-miri tal-emissjonijiet għall-2020 ġew stabbiliti abbażi tal-ġid relattiv tal-Istati Membri (imkejjel skont il-prodott domestiku gross għal kull persuna). Dawn kienu jvarjaw minn tnaqqis ta’ 20 % fl-emissjonijiet sal-2020 (mil-livelli tal-2005) għall-aktar Stati Membri sinjuri għal żieda ta’ 20 % għall-anqas wieħed sinjur, il-Bulgarija.
- Biex jiġi żgurat progress stabbli lejn il-mira għall-2020, id-Deċiżjoni 2013/162/UE stabbilixxiet limiti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra għal kull Stat Membru għal kull sena. Dawn il-limiti huma msejħa allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet (AEAs).
- Fl-istess ħin, ċerta flessibbiltà ġiet permessa biex jintlaħqu l-miri u biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu t-tnaqqis fl-emissjonijiet b’mod kosteffettiv: L-Istati Membri jistgħu jissellfu 5 % tal-AEAs tagħhom mis-sena li jmiss u jixtru AEAs minn Stati Membri oħra jew jixtru krediti minn ċerti proġetti, pereżempju minn proġett li għen lill-pajjiżi l-anqas żviluppati jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom. Jekk Stat Membru jnaqqas l-emissjonijiet tiegħu b’aktar milli jkun meħtieġ, u b’hekk jaqbeż il-mira tiegħu għal sena partikolari, jista’ jerfa’ l-AEAs żejda għal użu aktar tard (sal-2020) jew ibiegħha lil Stati Membri oħra.
- Kull sena, kull Stat Membru kellu jirrapporta l-emissjonijiet u l-progress tiegħu lejn il-mira tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea permezz ta’ rapporti nazzjonali dwar l-inventarju, li ġew riveduti minn esperti tekniċi.
- Wara r-reviżjoni tal-inventarji tal-GHG tal-Istati Membri, il-Kummissjoni, kull sena, adottat att ta’ implimentazzjoni (deċiżjoni) li fih ġew iddeterminati l-emissjonijiet finali tal-ESD għal kull Stat Membru, li jkunu qiesu l-korrezzjonijiet tekniċi u l-istimi riveduti kkalkulati matul ir-reviżjoni. Dawn id-deċiżjonijiet huma elenkati fis-sezzjoni tad-“Dokumenti relatati” hawn taħt.
- Darba kull sentejn, l-Istati Membri ppubblikaw rapporti dwar il-politiki u l-miżuri tagħhom, u projezzjonijiet tal-progress futur tagħhom. Ir-regoli għal dan ir-rappurtar ġew stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 525/2013 — sussegwentement irrevokat u sostitwit mir-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-governanza tal-unjoni tal-enerġija (ara s-sommarju).
- Jekk, f’sena partikolari, Stat Membru jkun emetta aktar GHGs milli kien permess jagħmel, kellu jinforma lill-Kummissjoni dwar kif huwa ppjanat li jerġa’ jaqbad it-triq it-tajba, u kellu jħallas “miżata” fil-forma ta’ mira aktar stretta ta’ emissjonijiet għas-sena ta’ wara.
Progress li sar skont id-deċiżjoni tal-kondiviżjoni tal-isforzi
Fl-2020, l-emissjonijiet irreġistrati koperti mill-ESD kienu 16.3 % inqas mill-2005, li jaqbżu l-mira tal-UE b’sitt punti perċentwali. L-Istati Membri kollha laħqu l-obbligi tal-qsim tal-isforzi tagħhom fis-snin kollha fil-perjodu bejn l-2013 u l-2020.
MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?
Dan applika mill-2013 sal-2020.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
DOKUMENT PRINĊIPALI
Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (ĠU L 140, 5.6.2009, pp. 136–148).
L-Emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
DOKUMENTI RELATATI
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1953 tas-7 ta’ Ottubru 2022 dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra koperti mid-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-sena 2020 għal kull Stat Membru (ĠU L 269, 17.10.2022, pp. 17–19).
Ara l-verżjoni konsolidata.
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1876 tal-20 ta’ Ottubru 2021 dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra koperti mid-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-sena 2019 għal kull Stat Membru (ĠU L 378, 26.10.2021, pp. 12–14).
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1834 tat-3 ta’ Diċembru 2020 dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra koperti mid-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-sena 2018 għal kull Stat Membru (ĠU L 408, 4.12.2020, pp. 3–5).
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2005 tad-29 ta’ Novembru 2019 dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra koperti mid-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-sena 2017 għal kull Stat Membru (ĠU L 310, 2.12.2019, pp. 56–58).
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1855 tas-27 ta’ Novembru 2018 dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra koperti mid-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-sena 2016 għal kull Stat Membru (ĠU L 302, 28.11.2018, pp. 75–77).
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2377 tal-15 ta’ Diċembru 2017 dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra koperti mid-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-sena 2015 għal kull Stat Membru (ĠU L 337, 19.12.2017, pp. 80–82).
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1015 tal-15 ta’ Ġunju 2017 dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra koperti mid-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-sena 2014 għal kull Stat Membru (ĠU L 153, 16.6.2017, pp. 38–40).
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2132 tal-5 ta’ Diċembru 2016 dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal kull Stat Membru għas-sena 2013 koperti mid-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 331, 6.12.2016, pp. 9–11).
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/162/UE tas-26 ta’ Marzu 2013 dwar kif għandhom jiġu ddeterminati l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet tal-Istati Membri għall-perjodu mill-2013 sal-2020 skont id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 90, 28.3.2013, pp. 106–110).
Ara l-verżjoni konsolidata.
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/634/UE tal-31 ta’ Ottubru 2013 dwar l-aġġustamenti fl-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għall-perjodu mill-2013 sal-2020 skont id-Deċiżjoni Nru 406/2009/4KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 292, 1.11.2013, pp. 19–22).
l-aħħar aġġornament 16.01.2024