Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali — COM(2010) 758 finali
Tistabbilixxi l-pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Tistabbilixxi kif politiki u azzjonijiet speċifiċi differenti jistgħu jikkontribwixxu biex tintlaħaq il-mira li sal-2020 tal-inqas 20 miljun ruħ jintrefgħu mill-faqar u mill-esklużjoni soċjali.
Objettivi
Il-Pjattaforma hija mfassla biex toħloq sħubija bejn gruppi differenti fis-soċjetà inklużi gvernijiet nazzjonali, istituzzjonijiet tal-UE, awtoritajiet reġjonali u lokali, NGOs u persuni li huma stess qegħdin fil-faqar.
L-isħubija tagħhom hija mmirata lejn l-iżvilupp ta’ approċċi madwar l-UE kollha fl-oqsma kollha marbuta mal-inklużjoni soċjali, b’mod partikulari:
5 oqsma ta’ azzjoni:
Azzjoni kontra l-faqar fl-oqsma politiċi kollha iżda b’mod partikolari fis-suq tax-xogħol, l-appoġġ ta’ introjtu minimu, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u d-djar.
Użu aħjar tal-fondi tal-UE, inklużi Fondi Strutturali, biex jappoġġjaw l-inklużjoni soċjali.
Ittestjar u valutazzjoni estensivi dwar x’jiffunzjona u x’ma jiffunzjonax f’innovazzjonijiet tal-politika soċjali (metodi u strumenti użati biex jindirizzaw kwistjonijiet soċjali) qabel ma jiġu implimentati b’mod aktar wiesa.
Ħidma fi sħubija ma’ NGOs u ma’ gruppi ta’ interessi għal appoġġ aktar effettiv tal-implimentazzjoni ta’ riformi tal-politika soċjali.
Titjib tal-koordinazzjoni politika fost il-pajjiżi tal-UE permezz tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni għall-protezzjoni soċjali u għall-inklużjoni soċjali (MMK soċjali) u b’mod partikulari l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali.
Azzjoni ewlenija
Il-pajjiżi kollha tal-UE stabbilixxew miri nazzjonali u politiki għat-tkabbir filwaqt li qiesu l-miri tal-istrateġija Ewropa 2020. Il-Kummissjoni timmonitorja dawn ir-riformi permezz ta’ ċiklu annwali ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika msejħa s-semestru Ewropew. Imbagħad tipprovdi rakkomandazzjonijiet għat-12-18-il xahar sussegwenti.
Il-progress fil-5 oqsma ta’ azzjoni jiġi rreġistrat fuq tabelli ta’ valutazzjoni. Minn Lulju 2013, tlestew 23 minn 64 inizjattiva tal-Kummissjoni. Dawn jinkludu:
Azzjoni kontinwa tinkludi t-tnedija ta’ sħubija Ewropea għal innovazzjoni dwar it-tixjiħ attiv u b’saħħtu u l-iżgurar li l-objettivi tat-tnaqqis tal-faqar u tal-inklużjoni soċjali jinżammu f’Orizzont 2020, il-programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-2014-20.
Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali (COM(2010) 758 finali tas-16.12.2010)
l-aħħar aġġornament 15.10.2015