Rekwiżiti għall-baġits tal-pajjiżi fiż-żona tal-euro

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2011/85/UE — rekwiżiti għall-baġits tal-pajjiżi fiż-żona tal-euro

SOMMARJU

X'TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Tistabbilixxi regoli dettaljati għall-baġits nazzjonali. Dawn huma meħtieġa biex jiġi żgurat li l-gvernijiet tal-UE jirrispettaw il-ħtiġijiet tal-unjoni ekonomika u monetarja u biex jevitaw defiċits eċċessivi.

PUNTI EWLENIN

Il-gvernijiet tal-UE għandhom:

Joperaw sistemi ta’ kontabbiltà pubblika li jkopru b’mod komprensiv l-oqsma kollha ta’ dħul u nfiq. Għandhom ikunu soġġetti għal kontroll intern u għal verifiki indipendenti.

Jagħmlu d-data fiskali disponibbli għall-pubbliku. Dawk għall-gvern ċentrali u statali u għas-settur tas-sigurtà soċjali għandhom jingħataw kull xahar u dawk għall-gvern lokali kull tliet xhur.

Jiżguraw li l-ippjanar fiskali tagħhom huwa bbażat fuq tbassir makroekonomiku u baġitarju realistiku, bl-użu tal-aktar data aġġornata. Dawn jinkludu l-aħħar tbassir tal-Kummissjoni Ewropea u, fejn rilevanti, dawk minn organizzazzjonijiet indipendenti.

Joperaw regoli fiskali speċifiċi biex jiġi żgurat li l-baġit kollu tal-gvern ikun konformi mar-regoli Ewropej. L-għan huwa li jiġi evitat defiċit jew dejn pubbliku eċċessiv. Organizzazzjonijiet indipendenti jimmonitorjaw bir-reqqa l-konformità mar-regoli.

Jwaqqfu qafas baġitarju kredibbli, effettiv ta’ terminu medju li jinkludi perjodu ta’ ppjanar fiskali ta’ 3 snin. Dan jinkludi l-objettivi baġitarji pluriennali, il-projezzjonijiet ta’ nfiq u dħul maġġuri u l-valutazzjoni tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.

Jiżguraw konsistenza u koordinazzjoni tar-regoli u tal-proċeduri kontabilistiċi kollha fl-oqsma kollha tal-attività tal-gvern.

Fir-rapport tagħha tal-2014 dwar il-kwalità tad-data fiskali nazzjonali, il-Kummissjoni sabet li l-gvernijiet tal-UE kienu qed jirrispettaw l-iskadenzi tar-rapportar, iżda li l-kompletezza tat-tabelli dwar l-iżbilanċ eċċessiv tista' titjieb.

SFOND

Id-direttiva hija waħda mid 6 miżuri leġislattivi (magħrufa bħala l-pakkett ta’ 6) li daħlet fis-seħħ fit-13 ta’ Diċembru 2011 u ssaħħaħ il-governanza fiskali u ekonomika tal-UE.

Din kienet segwita mill-pakkett ta’ 2 li jkompli jtejjeb is-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-Euro. Skont il-proċedura tas-semestru Ewropew tagħha, kull pajjiż li juża l-euro għandu jippreżenta abbozz tal-baġit tiegħu lill-Kummissjoni sa nofs Ottubru. Jekk il-Kummissjoni tqis li dan jista’ ma jissodisfax ir-regoli dwar il-munita unika, tista’ titlob li jiġi rivedut.

SFOND

Gwida qasira dwar il-governanza fiskali tal-UE

ATT

Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2011/85/UE

13.12.2011

31.12.2013

ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41–47

ATTI RELATATI

Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew Lejn l-implimentazzjoni ta’ standards tal-kontabilità għas-settur pubbliku armonizzati fl-Istati Membri L-adegwatezza tal-IPSAS għall-Istati Membri (COM(2013) 114 final tas-6.3.2013)

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-kwalità tad-dejta fiskali rrappurtata mill-Istati Membri fl-2013 (COM(2014) 122 final tas-7.3.2014)

l-aħħar aġġornament 13.10.2015