Grupp Konsultattiv għall-konsumaturi tal-UE
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/705/KE – Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Konsumaturi
X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?
-
Din toħloq Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Konsumaturi – grupp ta’ diskussjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-interessi tal-konsumaturi fil-livell tal-Unjoni Ewropea (UE).
-
Hija tirrevoka u tiċċara d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2003/709/KE. Bl-użu tal-esperjenza miksuba, hija għandha l-għan li ttejjeb l-effettività, ir-rappreżentanza u t-trasparenza tal-grupp.
PUNTI EWLENIN
Il-grupp jista’ jiġi kkonsultat dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-interessi tal-konsumaturi fil-livell tal-UE. Huwa jagħti opinjonijiet u pariri lill-Kummissjoni Ewropea. Iservi wkoll bħala pjattaforma għall-iskambju tal-informazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet rappreżentati u jinforma lill-organizzazzjonijiet nazzjonali dwar l-attivitajiet tal-UE.
Sħubija
Il-grupp huwa magħmul minn:
-
rappreżentant wieħed tal-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi għal kull pajjiż tal-UE;
-
rappreżentant wieħed minn kull organizzazzjoni Ewropea tal-konsumaturi (il-BEUC u l-ANEC).
Hemm żewġ membri assoċjati (Eurocoop u Coface) u żewġ osservaturi (l-Iżlanda u n-Norveġja).
L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi fuq il-livell tal-UE jridu jissodisfaw diversi kriterji. Iridu jkunu nongovernattivi, ma jagħmlux qligħ u indipendenti mill-industrija, il-kummerċ u n-negozju.
Dawn iridu wkoll:
-
ikollhom il-protezzjoni tas-saħħa, is-sigurtà u l-interess ekonomiku tal-konsumaturi bħala l-attività primarja tagħhom;
-
jirrappreżentaw lill-konsumaturi f’mill-inqas nofs il-pajjiżi tal-UE;
-
ikunu jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b’dettalji dwar is-sħubija, ir-regoli interni u s-sorsi ta’ finanzjament tagħhom.
Jew:
-
ikunu attivi fil-proċess ta’ standardizzazzjoni Ewropea;
-
ikunu ngħataw mandat f’mill-inqas żewġ terzi tal-pajjiżi tal-UE biex jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumaturi fil-livell tal-UE.
Il-ħatra u l-mandat ta’kariga tal-membri
-
Il-grupp huwa magħmul minn 30 membru maħtura għal tliet snin. Il-mandat ta’ kariga tagħhom jista’ jiġġedded.
-
Il-membri tal-grupp li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi jinħatru fuq proposti ta’ kandidati mibgħuta mill-amministrazzjonijiet nazzjonali. Il-Kummissjoni taħtar membru wieħed u persuna alternattiva għal kull pajjiż tal-UE abbażi ta’ serje ta’ kriterji:
-
il-kandidati għandu jkollhom kompetenza wiesgħa u esperjenza vasta fl-affarijiet tal-konsumaturi tal-UE;
-
kandidati li qabel ma kinux membri ta’ dan il-Grupp għandhom jingħataw prijorità;
-
irid ikun iggarantit il-bilanċ bejn is-sessi fil-livell tal-grupp kollu kemm hu.
-
Il-membri tal-grupp li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet tal-UE tal-konsumaturi flimkien ma’ persuna alternattiva għal kull membru jinħatru mill-Kummissjoni fuq proposta mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-konsumaturi.
-
Fl-interessi tad-dibattitu, il-Kummissjoni tista’ tistieden lil membri assoċjati jew lil esperti li huma membri ta’ organizzazzjonijiet li mhumiex rappreżentati fil-grupp.
L-operat
-
Il-Kummissjoni tiddetermina l-frekwenza tal-laqgħat tal-grupp. Hija tippresiedi l-grupp u tipprovdi servizzi segretarjali.
-
Il-grupp jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess abbażi ta’ proposta magħmula mill-Kummissjoni.
-
Il-grupp jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi sottogruppi temporanji biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi. Attwalment hemm żewġ sottogruppi:
-
l-enerġija u
-
is-suq uniku diġitali.
MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?
Din ilha tapplika mill-14 ta’ Settembru 2009.
SFOND
L-UE tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi, rekwiżit li hija tikkunsidra fit-tħejjija tal-politiki u l-azzjonijiet tagħha. Qabel tagħmel kwalunkwe pjan li jista’ jkollu effett fuq il-konsumaturi, il-Kummissjoni tikkonsulta lill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi rappreżentati fi ħdan il-grupp konsultattiv għall-konsumaturi. Sa mill-1973, il-Kummissjoni kienet megħjuna minn grupp konsultattiv għall-konsumaturi maħluq minn Deċiżjonijiet konsekuttivi, l-aħħar waħda d-Deċiżjoni 2009/705/KE.
Għal aktar informazzjoni, ara:
DOKUMENT EWLIENI
Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/705/KE tal-14 ta’ Settembru 2009 li tistabbilixxi Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Konsumaturi (ĠU L 244, 16.9.2009, p. 21-24)
DOKUMENTI RELATATI
Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 18 ta’ Awwissu 2016 dwar il-ħatra tal-membri tal-Grupp Konsultattiv Ewropew tal-Konsumaturi u l-membri supplenti tagħhom (C/2016/5417) (ĠU C 306, 23.8.2016, p. 4-5)
l-aħħar aġġornament 04.11.2016