Standards tal-UE għal ilmijiet minerali naturali
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Direttiva 2009/54/KE — dwar l-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minerali naturali
SOMMARJU
X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?
Din tarmonizza l-kundizzjonijiet li taħthom l-ilmijiet minerali naturali jistgħu jinbiegħu fl-UE u tiżgura li huma sikuri għall-konsum mill-bniedem.
PUNTI EWLENIN
-
L-awtoritajiet nazzjonali jridu jiżguraw li l-ilma jikkonforma mal-leġiżlazzjoni tal-UE qabel jagħtuh l-istatus ta’ ilma minerali naturali. Kull pajjiż tal-UE jinforma lill-Kummissjoni Ewropea kull meta jingħata jew jiġi rtirat dan ir-rikonoxximent.
-
L-ilma minerali naturali importat fl-UE jrid ikun iċċertifikat u jissodisfa l-istess kriterji bħall-kompetituri domestiċi.
-
L-ilma minerali naturali ma jistax ikun suġġett għal ebda trattament ħlief, pereżempju, is-separazzjoni ta’ elementi li mhumiex stabbli, bħall-komposti tal-ħadid u tal-kubrit.
-
Fis-sors, u meta jkunu għall-bejgħ, l-ilmijiet minerali naturali jridu jkunu ħielsa minn parassiti, diversi koliformi (tipi ta’ batterja) u ingredjenti oħra li huma perikolużi għas-saħħa tal-bniedem.
-
Il-kontenituri tal-ilmijiet minerali naturali jridu jkunu ssiġillati kif suppost sabiex tiġi evitata kwalunkwe kontaminazzjoni possibbli.
-
L-ilmijiet minerali naturali jistgħu jinbiegħu skont id-definizzjonijiet segwenti, meta jkun xieraq:
-
ilma minerali naturali;
-
ilma minerali naturali karbonizzat*;
-
ilma minerali naturali kkarbonizzat* b’mod naturali;
-
ilma minerali naturali bil-gass min-nixxiegħa.
-
It-tikketti jridu jipprovdu wkoll l-informazzjoni segwenti:
-
id-dettalji tal-kompożizzjoni analitika tal-ilma;
-
l-isem u l-post tan-nixxiegħa li ntużat;
-
informazzjoni dwar kwalunkwe trattament li jkun ġie suġġett għalih l-ilma.
-
Huwa illegali li tintuża iktar minn deskrizzjoni kummerċjali waħda sabiex jitqiegħed fis-suq l-ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa.
-
Huwa illegali li jiġi ddikjarat li l-ilma għandu karatteristiċi li fil-verità m’għandux.
-
It-terminu “ilma tan-nixxiegħa” jista’ jintuża biss għall-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem fl-istat naturali tiegħu, ibbottiljat fis-sors u li jissodisfa l-kundizzjonijiet dwar is-saħħa u ta’ tikkettar tal-leġiżlazzjoni.
-
Awtorità nazzjonali li tqis li ilma minerali naturali jista’ jkun ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem tista’ tirrestrinġi jew tipprojbixxi l-bejgħ tiegħu. Din tinforma lill-pajjiżi l-oħra tal-UE u lill-Kummissjoni.
-
Il-leġiżlazzjoni ma tapplikax għal ilmijiet li huma kkunsidrati bħala prodotti mediċinali jew għal ilmijiet minerali naturali li jintużaw bħala kura fi spas termali jew idrotermali.
META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?
Hija tapplika mis-16 ta’ Lulju 2009.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara “L-Ilmijiet Minerali Naturali u l-Ilma tan-Nixxiegħa” fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.
TERMINI EWLENIN
* ilma minerali naturali karbonizzat: ilma li żdiedlu d-diossidu tal-karbonju (CO2) li ma joriġinax mill-water table jew mid-depożitu minn fejn ikun ġej l-ilma.
* ilma minerali naturali kkarbonizzat b’mod naturali: ilma li l-kontenut ta’ CO2 tiegħu min-nixxiegħa wara d-dekantazzjoni, jekk dan isir, u wara l-ibbottiljar, huwa l-istess bħal fis-sors. Dan iqis li, fejn xieraq, terġa’ tiġi introdotta kwantità ta’ CO2 mill-istess water table jew minn depożitu ekwivalenti għal dak rilaxxat matul dawk l-operazzjonijiet.
ATT
Direttiva 2009/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minerali naturali (Tfassil mill-ġdid) (ĠU L 164, 26.6.2009, p. 45-58)
l-aħħar aġġornament 12.04.2016