Il-promozzjoni tal-iskrinjar għall-kanċer fl-UE

Il-kanċer huwa marda ewlenija u kawża tal-mewt fl-Ewropa. L-organizzazzjoni u l-għoti ta’ servizzi tas-saħħa u kura medika huma responsabbiltajiet nazzjonali. Iżda l-UE tista’ tikkumplimenta dawk il-politiki u tgħin sabiex titjieb is-saħħa pubblika u jiġi indirizzat il-mard.

ATT

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2003 dwar l-iskrinjar għall-kanċer (traduzzjoni mhux uffiċjali) (ĠU L 327, tas-16.12.2003, p. 34-38).

SOMMARJU

Il-kanċer huwa marda ewlenija u kawża tal-mewt fl-Ewropa. L-organizzazzjoni u l-għoti ta’ servizzi tas-saħħa u kura medika huma responsabbiltajiet nazzjonali. Iżda l-UE tista’ tikkumplimenta dawk il-politiki u tgħin sabiex titjieb is-saħħa pubblika u jiġi indirizzat il-mard.

X’TAGĦMEL DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI?

L-iskrinjar jagħmilha possibbli li jiġi identifikat il-kanċer fi stadju bikri, u b’hekk itejjeb il-possibbiltajiet ta’ trattament ta’ suċċess. Ir-rakkomandazzjoni tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE jimplimentaw programmi ta’ skrinjar għall-kanċer. Din tkopri fatturi bħar-reġistrazzjoni u l-ġestjoni ta’ dejta tal-iskrinjar, il-monitoraġġ tal-proċess u taħriġ tal-persunal. Il-Kummissjoni Ewropea tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi, tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali jikkooperaw fir-riċerka u l-aħjar prattika u tgħin sabiex jiġu żviluppati linji gwida dwar l-iskrinjar għall-kanċer.

PUNTI EWLENIN

SFOND

Fl-2012, l-għadd stmat ta’ mwiet relatati mal-kanċer fl-UE kien 1.265 miljun. Il-kanċer tal-pulmun kien l-iktar komuni, segwit b’dak kolorettali, tas-sider u tal-istonku. Fl-istess sena, ġew iddijanjostikati ftit iktar minn 2.6 miljun każ ġdid ta’ kanċer, eskluż il-kanċer tal-ġilda mhux melanoma.

Għal aktar informazzjoni, ara Mard prinċipali u kroniku fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari tal-Kummissjoni Ewropea.

ATTI RELATATI

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-implimentazzjoni tal-Komunikazzjjoni tal-Kummissjoni, mill-24 ta’ Ġunju 2009, dwar Azzjoni Kontra l-Kanċer: Sħubija Ewropea [COM (2009) 291 final] u t-Tieni Rapport ta’ Implimentazzjoni dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2003 dwar l-iskrining għall-kanċer (2003/878/KE) (COM(2014) 584 final tat-23 ta’ Settembru 2014.

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ġunju 2014 li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-Kontroll tal-Kanċer u li tħassar id-Deċiżjoni 96/469/KE (2014/C 167/05) (ĠU C 167 tal-4.6.2014, p. 4-8).

l-aħħar aġġornament 09.07.2015



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.