Is-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali: espożizzjoni għall-ħsejjes

 

SOMMARJU

Id-Direttiva tapplika għall-attivitajiet li fihom il-ħaddiema jiġu esposti għall-ħsejjes bħala riżultat tax-xogħol tagħhom.

X'TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Hija tistipula rekwiżiti minimi għall-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom li jirriżultaw minn espożizzjoni għall-ħsejjes u, b’mod partikolari, ir-riskju għas-smigħ.

PUNTI EWLENIN

Fuq il-post tax-xogħol, il-valuri ta’ limitu tal-espożizzjoni għall-ħsejjes, li ma għandhomx jinqabżu, jappartjenu prinċipalment għal espożizzjoni ta’ kuljum jew ta’ kull ġimgħa ta’ 87 deċibels (dB), b’kunsiderazzoni ta’ kwalunkwe attenwazzjoni mill-protezzjoni tas-smigħ.

Il-valuri ta’ azzjoni tal-espożizzjoni, li fil-livelli tad-deċibels tagħhom min iħaddem għandu jieħu ċerti azzjonijiet, huma ffissati f’espożizzjoni ta’ kuljum jew ta’ kull ġimgħa ta’ 80 dB (valur aktar baxx) u 85 dB (valur ogħla).

Min iħaddem għandu responsabbiltà li jivvaluta u, jekk ikun meħtieġ, ikejjel il-livelli tal-ħsejjes li għalihom huma esposti l-ħaddiema, billi jagħti attenzjoni partikolari għal:

il-livell, it-tip u t-tul, inklużi ħsejjes impulsivi*,

il-valur tal-limitu tal-espożizzjoni u l-valuri ta’ azzjoni tal-espożizzjoni,

l-effetti fuq il-ħaddiema minn gruppi ta’ riskji partikolari,

l-effetti mill-interazzjonijiet bejn il-ħsejjes u s-sustanzi relatati max-xogħol li huma tossiċi għall-widna, vibrazzjonijiet jew sinjali ta’ twissija u ħsejjes oħrajn relatati mas-sigurtà,

informazzjoni tal-manifatturi dwar l-emissjoni tal-ħsejjes,

tagħmir alternattiv li jista’ jnaqqas il-ħsejjes,

ħsejjes wara s-sigħat tax-xogħol normali,

informazzjoni mis-sorveljanza tas-saħħa, u

id-disponibbiltà ta’ protetturi tas-smigħ.

Safejn ikun possibbli, il-fatturi ta’ riskju għandhom jitneħħew fis-sors jew jitnaqqsu għal minimu, billi jittieħdu f’kunsiderazzjoni:

il-metodi ta’ ħidma oħrajn b’inqas espożizzjoni,

l-għażla ta’ tagħmir xieraq,

id-disinn tal-post tax-xogħol,

it-taħriġ, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema,

l-użu ta’ lqugħ, għeluq, koperturi li jassorbu l-ħoss, tmewwit jew iżolazzjoni,

manutenzjoni tat-tagħmir u tal-post tax-xogħol, u

l-organizzazzjoni tax-xogħol, tal-iskedi u tal-perjodi ta’ mistrieħ.

L-espożizzjoni tal-ħaddiem taħt ebda ċirkostanza ma tista’ taqbeż il-valuri tal-limitu tal-espożizzjoni.

Il-postijiet tax-xogħol li jaqbżu l-valuri ta’ azzjoni tal-espożizzjoni għandhom jiġu mmarkati kif xieraq u jkollhom aċċess ristrett. Min iħaddem għandu jagħmel protetturi tas-smigħ individwali disponibbli għall-ħaddiema. L-użu tal-protetturi tas-smigħ huwa obbligatorju meta l-livell tal-ħoss ikun ogħla mill-valur massimu tal-azzjoni.

Meta l-livelli tal-ħsejjes jippreżentaw riskju għas-saħħa, il-pajjiżi tal-UE għandhom jiggarantixxu s-sorveljanza tas-saħħa xierqa tal-ħaddiema. Dawk li jkunu ġew esposti għal ħsejjes ogħla mill-valuri massimi ta’ azzjoni tal-espożizzjoni għandhom id-dritt li jkollhom is-smigħ tagħhom iċċekkjat, filwaqt li dawk li l-espożizzjoni tagħhom għall-ħsejjes tkun ogħla mill-valuri aktar baxxi ta’ azzjoni tal-espożizzjoni għandhom id-dritt għal ittestjar awdjometriku preventiv.

Meta ssir dijanjożi ta’ ħsara fis-smigħ, tabib jevalwa jekk huwiex probabbli li din tkun ir-riżultat ta’ espożizzjoni għal ħsejjes fuq il-post tax-xogħol. Jekk dan ikun il-każ:

il-ħaddiem għandu jiġi infurmat,

min iħaddem għandu janalizza l-valutazzjoni tar-riskju u jieħu miżuri sabiex inaqqas ir-riskji,

min iħaddem għandu jieħu f’kunsiderazzjoni l-pariri mediċi, inkluża l-possibbiltà ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiem, u

min iħaddem għandu jkompli s-sorveljanza u janalizza s-saħħa ta’ kwalunkwe ħaddiem espost b’mod simili.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Id-Direttiva daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Frar 2003.

TERMINU EWLIENI

* Ħoss impulsiv: ħoss ta’ intensità għolja għal ħin qasir, bħal daqqa ta’ martell.

ATT

Id-Direttiva 2003/10/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Frar 2003 dwar il-ħtiġiet minimi ta’ saħħa u sigurtà li jirrigwardaw l-esposizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jirriżultaw minn aġenti fiżiċi (ħoss) (Is-Sbatax-il Direttiva individwali skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Id-Direttiva 2003/10/KE

15.2.2003

14.2.2006 Għas-settur tal-mużika u d-divertiment: 15.2.2008. Għall-persunal abbord bastimenti tal-baħar: 15.2.2011

ĠU L 42, 15.2.2003, pp. 38–44

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Id-Direttiva 2007/30/KE

28.6.2007

31.12.2012

ĠU L 165, 27.6.2007, p. 21–24

Ir-Regolament (KE) Nru 1137/2008

11.12.2008

ĠU L 311, 21.11.2008, p. 1–54

L-emendi u l-bidliet suċċessivi għal 2003/10/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 02.10.2015