Parir xjentifiku għall-politika tas-sajd tal-UE

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Deċiżjoni 2005/629/KE li tistabbilixxi Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd

SOMMARJU

X'TAGĦMEL ID-DEĊIŻJONI?

Tistabbilixxi Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għall-Kumitat għas-Sajd. Il-kumitat jipprovdi input biex jgħin lill-Kummissjoni Ewropea timplimental-politika komuni tas-sajd (PKS) tal-UE.

Tistabbilixxi l-irwol, l-istruttura u l-proċeduri għall-ħatra tal-membri tal-kumitat.

PUNTI EWLENIN

L-irwol

Il-Kummissjoni tikkonsulta lill-kumitat fuq il-kwistjonijiet kollha relatati mal-konservazzjoni u l-ġestjoni ta' riżorsi akwatiċi ħajjin (l-annimali tal-baħar u l-ħajja tal-pjanti), speċifikament dwar aspetti bijoloġiċi, ekonomiċi, ambjentali, soċjali u tekniċi.

L-opinjoni tal-kumitat hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-politika tas-sajd tal-UE hija sostenibbli. Hija għandha rwol importanti f'li tagħti pariri dwar aspetti bħal:

rendimenti massimi sostenibbli (MSY — maximum sustainable yields - il-livell massimu ta' qbid li jista' jiġi sfruttat bħala rutina mingħajr tnaqqis fit-tul ta' riżorsi tas-sajd) u

qabdiet totali permissibbli (TAC — total allowable catches - il-kwantitajiet massimi ta' speċi ta' ħut partikolari li jistgħu jinqabdu matul unità partikolari ta' żmien f'żona speċifika).

Kompożizzjoni u ħatra

Hija tinkludi bejn 30 u 35 espert u teknoloġisti tas-sajd eminenti fl-oqsma ta-bijoloġija u l-ekoloġija tal-baħar, ix-xjenza tas-sajd u l-kwistjonijiet ekonomiċi, statistiċi u ta' riċerka assoċjati mas-sajd.

Il-membri jinħatru minn lista kkompilata wara li l-Kummissjoni tippubblika sejħa miftuħa għal applikazzjonijiet fis-sit web tagħha. Huma jinħatru għal 3 snin, u l-mandat jiġġedded fuq bażi kontinwa.

Il-kumitat jista' joħloq gruppi ta' ħidma tiegħu stess dwar kwistjonijiet speċifiċi wara li jikkonsulta mal-Kummissjoni. Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u esperti esterni oħrajn jistgħu jattendu l-laqgħat tal-kumitat u dawk tal-gruppi ta' ħidma tiegħu.

Operazzjoni

Il-Kummissjoni tikkonsulta lill-kumitat f'intervalli regolari, jew kull meta tqis li huwa neċessarju, dwar kwistjonijiet relatati mal-konservazzjoni u l-ġestjoni ta' riżorsi akwatiċi ħajjin.

Hija tieħu in konsiderazzjoni l-opinjoni tal-kumitat meta jsiru proposti dwar il-ġestjoni tas-sajd. Il-kumitat jista' wkoll jagħti opinjonijiet dwar kwistjonijiet tas-sajd lill-Kummissjoni fuq l-inizjattiva tiegħu stess.

Il-kumitat jipproduċi rapport annwali fuq:

l-istat tal-istokks tal-ħut u xejriet fl-industrija tal-ħut, waqt li jindika l-implikazzjonijiet ekonomiċi tal-istat tal-istokks tal-ħut,

ix-xogħol magħmul biex jikkoordina r-riċerka xjentifika, teknika u ekonomika fis-sajd u fis-settur tal-akkwakultura (jiġifieri t-trobbija tal-ħut u tal-frott tal-baħar bil-qoxra).

Regoli ta' proċedura

Il-kumitat jadotta r-regoli interni tiegħu wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Ix-xogħol tiegħu huwa mmexxi mill-prinċipji ta' eċċellenza, indipendenza u trasparenza, waqt li tiġi osservata l-kunfidenzjalità fi kwistjonjiet tat-taxxa u kummerċjali. Dawn ir-regoli huma ppubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Hija daħlet fis-seħħ fis-26 ta' Awwissu 2005.

SFOND

Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF)

ATT

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/629/KE tas-26 ta' Awwissu 2005 li tistabbilixxi Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (ĠU L 225, 31.8.2005, pp. 18-22)

Emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 2005/629/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta' valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 11.01.2016