It-tagħlim tul il-ħajja — kompetenzi ewlenin
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Rakkomandazzjoni 2006/962/KE dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja
X’INHU L-GĦAN TA’ DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI?
Hija tħeġġeġ lill-gvernijiet biex jagħmlu t-tagħlim tal-kompetenzi ewlenin parti mill-istrateġija tagħhom tat-tagħlim tul il-ħajja. Ir-rakkomandazzjonijiet jidentifikaw tmien kompetenzi ewlenin li huma fundamentali għal kull individwu f’soċjetà bbażata fuq l-għarfien.
PUNTI EWLENIN
Komunikazzjoni f’ilsien nattiv: l-abbiltà li persuna tkun tista' tesprimi u tinterpreta kunċetti, ħsibijiet, sentimenti, fatti u opinjonijiet f'forma kemm orali kif ukoll bil-kitba.
Komunikazzjoni f'ilsien barrani: kif imsemmi hawn fuq, iżda tinkludi ħiliet ta’ medjazzjoni (jiġifieri i.e. tiġbor fil-qosor, tipparafraża, tinterpreta jew tittraduċi) u fehim interkulturali.
Kompetenza fil-matematika, ix-xjenza u t-teknoloġija: padrunanza soda tal-matematika, fehim tad-dinja naturali u abilità li persuna tapplika l-għarfien u t-teknoloġija għal dawk li jidhru bħala ħtiġijiet tal-bniedem (bħall-mediċina, it-trasport jew il-komunikazzjoni).
Kompetenza diġitali: l-użu kritiku u b'fiduċja tat-teknoloġija tal-informazzjoni u t-teknoloġija għax-xogħol, il-ħin ħieles u l-komunikazzjoni.
Kapaċità għat-tagħlim: il-kapaċità li persuna tamministra b’mod effettiv it-tagħlim tagħha stess, jew individwalment jew fi gruppi.
Kompetenzi soċjali u ċiviċi: il-kapaċità li persuna tipparteċipa b'mod effettiv u kostruttiv fil-ħajja soċjali u tax-xogħol u tingrana f’parteċipazzjoni attiva u demokratika, speċjalment f’soċjetajiet dejjem aktar diversi.
Sens ta' inizjattiva u intraprenditorija: il-kapaċità li persuna ddawwar l-ideat f'azzjoni permezz tal-kreattività, l-innovazzjoni u t-teħid tar-riskji kif ukoll l-abbiltà tal-ippjanar u l-immaniġġjar tal-proġetti.
Għarfien u espressjoni kulturali: il-kapaċità li persuna tapprezza l-importanza kreattiva tal-ideat, l-esperjenzi u l-emozzjonijiet f'firxa ta' midja bħall-mużika, il-letteratura u l-arti viżwali u performattiva.
SFOND
F’dinja dejjem iżjed globalizzata, l-individwi jeħtieġu firxa wiesgħa ta’ ħiliet biex jadattaw u jirnexxu f’ambjent li qed jinbidel malajr. Il-programm oriġinali tat-tagħlim tul il-ħajja kien imfassal biex joffri opportunitajiet ta’ tagħlim lil nies fi kwalunkwe stadju ta’ ħajjithom.
Għal aktar informazzjoni, ara
DOKUMENT EWLIENI
Ir-rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (ĠU L 394, 30.12.2006, pp. 10-18)
l-aħħar aġġornament 10.10.2016