Il-prinċipju ta' trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel barra mis-suq tal-impjiegi

Id-Direttiva għandha l-għan li timplimenta trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa bil-għan li jiġi estiż il-prinċipju ta' trattament ugwali lil hinn mill-isfera tas-suq tal-impjiegi u l-ħajja professjonali għal oqsma oħrajn tal-ħajja ta' kuljum.

ATT

Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi.

SOMMARJU

Id-Direttiva għandha l-għan li timplimenta trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa bil-għan li jiġi estiż il-prinċipju ta' trattament ugwali lil hinn mill-isfera tas-suq tal-impjiegi u l-ħajja professjonali għal oqsma oħrajn tal-ħajja ta' kuljum.

X'INHU L-GĦAN TA' DIN ID-DIRETTIVA?

Id-Direttiva tistabbilixxi qafas għall-ġlieda kontra kull diskriminazzjoni bejn is-sessi fl-aċċess u l-provvista ta' oġġetti u servizzi, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat.

Id-Direttiva tapplika għall-oġġetti u servizzi offruti lill-pubbliku, ikunu min ikunu l-persuni kkonċernati (jiġifieri jkunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi personali tar-riċevitur tas-servizz) u li huma offruti barra mill-isferi privati u tal-familja. It-terminu 'servizzi' jindika servizzi pprovduti bi skambju għal remunerazzjoni.

Id-direttiva la tapplika għall-kontenut tal-midja u lanqas għar-reklamar jew għall-edukazzjoni.

ASPETTI PRINĊIPALI

Projbizzjoni fuq id-diskriminazzjoni fil-qasam tal-oġġetti u servizzi: fi prinċipju, id-direttiva tipprojbixxi:

Trattament differenzjali jista' jiġi aċċettat biss jekk dan ikun iġġustifikat minn objettiv leġittimu, bħal, pereżempju, il-protezzjoni ta' vittmi ta' abbuż sesswali (fil-każ ta' ħolqien ta' refuġji għan-nisa), libertà ta' assoċjazzjoni (fil-kuntest ta' sħubija fi klabbs privati unisex) jew organizzazzjoni ta' attivitajiet sportivi unisex. Kwalunkwe limitazzjoni għandha tkun xierqa u neċessarja.

Il-prinċipju tat-trattament ugwali ma jipprekludix li tittieħed azzjoni affermattiva sabiex jiġu impeduti jew jiġu kkumpensati inugwaljanzi bejn is-sessi fil-qasam tal-oġġetti u servizzi.

Id-Direttiva tistabbilixxi biss rekwiżiti minimali sabiex pajjiżi tal-UE jkunu jistgħu jżommu livelli ta' protezzjoni ogħla jew aktar estensivi.

Applikazzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni: id-direttiva tipprojbixxi li s-sess tal-persuna jiġi kkunsidrat meta jiġu kkalkolati l-primjums u l-benefiċċji tal-assigurazzjoni fi ftehimiet tal-assigurazzjoni ffirmati wara l-21 ta' Diċembru 2007.

Madankollu, id-Direttiva pprovdiet għall-opzjoni għal pajjiżi tal-UE li ma japplikawx din il-projbizzjoni fil-każijiet fejn is-sess kien fattur determinanti fil-valutazzjoni tar-riskju u abbażi tad-dejta attwarjali u statistika relevanti. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fis-sentenza tagħha tal-każ Test-Achats (C-236/09) iddikjarat id-deroga mill-prinċipju ta' trattament ugwali bħala waħda invalida, li ppermettiet lill-pajjiżi tal-UE sabiex jagħmlu differenzazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-primjums u l-benefiċċji tal-assigurazzjoni, b'effett mill-21 ta' Diċembru 2012.

Minn dak iż-żmien 'il quddiem, għall-ftehimiet ġodda kollha ffirmati minn din id-data, il-prinċipju ta' tariffa unisex japplika għas-settur tal-assigurazzjoni. Sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni tas-sentenza tal-Qorti, il-Kummissjoni adottat Linji gwida dwar l-applikazzjoni tad-direttiva għas-settur tal-assigurazzjoni.

Fi kwalunkwe każ, l-ispejjeż assoċjati mat-tqala u l-maternità ma għandhomx iwasslu għal differenzi f'termini ta' primjums u benefiċċji.

Korpi li jippromwovu trattament ugwali: kull pajjiż tal-UE jiċċarġja korp wieħed jew aktar bil-promozzjoni u l-monitoraġġ tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fuq livell nazzjonali. Dawn il-korpi huma responsabbli għal i) li joffru assistenza indipendenti lill-vittmi, ii) li jwettqu studji indipendenti, iii) li jippubblikaw rapporti indipendenti u li jagħmlu rakkomandazzjonijiet.

Difiża tad-drittijiet tal-vittmi: id-direttiva tobbliga lill-pajjiżi tal-UE sabiex jiżguraw li l-vittmi jkollhom aċċess għal proċedura ġudizzjarja u/jew amministrattiva għas-salvagwardja tad-drittijiet tagħhom, u li l-vittmi jistgħu jiksbu r-riparazzjoni jew il-kumpens xieraq. Assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet u persuni ġuridiċi oħrajn b'interess leġittimu huma kapaċi wkoll jinvolvu ruħhom fi proċedura ġudizzjarja u/jew amministrattiva sabiex il-vittmi jkunu jistgħu jissalvagwardjaw id-drittijiet tagħhom u sabiex ikunu jistgħu jiksbu riparazzjoni jew kumpens.

Meta l-fatti ppreżentati quddiem tribunal jappoġġaw is-suppożizzjoni tal-eżistenza ta' diskriminazzjoni, ikun f'idejn il-konvenut li jagħti prova li ma kien hemm ebda ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali (konfutazzjoni tal-akkuża).

Barraminhekk, il-pajjiżi tal-UE għandhom jimplimentaw sanzjonijiet f'każ ta' ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Id-direttiva daħlet fis-seħħ fil-21 ta' Diċembru 2004 u suppost ġiet trasposta f'liġi ta' pajjiż tal-UE sa mhux aktar tard mill-21 ta' Diċembru 2007.

KUNTEST

L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea, stabbilit fl-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Id-diskriminazzjoni sesswali tista' tikkostitwixxi ostakolu għal integrazzjoni sħiħa u ta' suċċess tan-nisa u l-irġiel fil-ħajja ekonomika u soċjali.

TERMINOLOĠIJA PRINĊIPALI

Diskriminazzjoni diretta: ċirkostanzi li fihom persuna tiġi ttrattata b'mod inqas favorevoli, minħabba s-sess tagħha, minn persuna oħra li, f'sitwazzjoni simili, mhijiex, ma kinitx jew ma tkunx.

Diskriminazzjoni indiretta: ċirkostanzi li fihom, dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentament newtrali, hija probabbli li twassal għal żvantaġġ speċifiku għal persuni tas-sess oppost, sakemm din id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika ma tkunx iġġustifikata b'mod oġġettiv minn objettiv leġittimu u l-mezz tal-ilħuq ta' dan l-objettiv ikun xieraq u neċessarju.

Fastidju: ċirkostanzi li fihom isseħħ kondotta mhux mixtieqa relatata mas-sess ta' persuna bil-għan jew bl-effett li tiġi attakata d-dinjità tal-persuna u li jinħoloq ambjent intimidatorju, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv.

Fastidju sesswali: ċirkostanzi li fihom isseħħ kondotta mhux mixtieqa relatata mas-sess, imfissra b'mod fiżiku, verbali jew mhux verbali, bil-għan jew bl-effett li tiġi attakkata d-dinjità tal-persuna u li jinħoloq ambjent intimidatorju, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2004/113/UE

21.12.2004

21.12.2007

ĠU L 373, 21.12.2004, p.37-43

l-aħħar aġġornament 26.02.2015