Trattament ugwali fl-impjiegi u x-xogħol
Din id-direttiva tistipula qafas ġenerali sabiex jiżgura trattament ugwali tal-individwi fl-Unjoni Ewropea (UE) fuq il-post tax-xogħol minkejja r-reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali.
ATT
Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol.
SOMMARJU
Id-direttiva għandha l-għan illi tiżgura li persuni b’reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali partikolari ma jsofrux minn diskriminazzjoni iżda jgawdu trattament ugwali fuq il-post tax-xogħol.
X’tip ta’ diskriminazzjoni tkopri d-direttiva?
Hija tkopri kemm diskriminazzjoni diretta (trattament differenzjali bbażat fuq karatteristika speċifika) kif ukoll diskriminazzjoni indiretta (kull dispożizzjoni, kriterju jew prattika li tidher newtrali imma tpoġġi nies fil-kategoriji ta’ hawn fuq fi żvantaġġ meta mqabblin ma’ oħrajn). Il-fastidju, li joħloq ambjent ostili, huwa meqjus bħala diskriminazzjoni.
Għal min tapplika d-direttiva u għal min ma tapplikax?
Id-direttiva tapplika għall-individwi kollha, kemm jekk qed jaħdmu fis-settur pubbliku kif ukoll dak privat, fir-rigward ta’:
Id-direttiva ma tkoprix differenzi fit-trattament ibbażati fuq in-nazzjonalità jew ħlasijiet ta’ kwalunkwe tip magħmula minn skemi tal-Istat, inklużi sigurtà soċjali tal-Istat jew skemi ta’ protezzjoni soċjali tal-Istat.
X’jista’ jsir biex titwaqqaf id-diskriminazzjoni?
Il-pajjiżi tal-UE huma obbligati li jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi huma disponibbli għan-nies kollha li jikkunsidraw irwieħhom li sofrew minn nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament indaqs. Dan japplika wkoll anki jekk ir-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni tkun spiċċat. Aktar dettalji dwar rimedji u infurzar jistgħu jinqraw fil-Kapitolu II tad-direttiva.
Kif tista’ titjib is-sitwazzjoni?
Skont rapport (COM(2014) 2 finali) dwar din id-direttiva u d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali, l-isfida prinċipali hija li jitqajjem għarfien dwar il-protezzjoni li diġà teżisti u li tkun żgurata applikazzjoni prattika għad-direttivi.
REFERENZI
Att(i) li jemenda(w) |
Dħul fis-seħħ |
Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
Id-Direttiva 2000/78/KE |
2.12.2000 |
2.12.2003 |
ĠU L 303 tat-2.12.2000 |
ATTI RELATATI
Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali) u tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjieg) (COM(2014) 2 final tas-17.1.2014 - mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).
L-aħħar aġġornament: 27.06.2014