It-trasport bit-triq: Regoli tal-UE dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ sewwieqa professjonali

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2002/15/KE dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Hija tistabbilixxi r-regoli minimi għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għas-sewwieqa li jissupplimentaw ir-Regolament (KE) 561/2006, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-ħin tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ tas-sewwieqa.

PUNTI EWLENIN

Ir-regoli tad-direttiva japplikaw għall-“ħaddiema mobbli” kollha fis-servizz ta’ negozju stabbilit f’pajjiż tal-UE biex iwettqu attivitajiet ta’ trasport bit-triq. Tapplika wkoll għal sewwieqa li jaħdmu għal rashom.

“Ħin tax-xogħol” jinkludi:

Ġimgħa tax-xogħol massima hija ta’ 48 siegħa; madankollu, din tista’ tiġi estiża għal 60 siegħa, diment li medja ta’ 48 siegħa fil-ġimgħa ma tinqabiżx fuq perjodu ta’ 4 xhur.

Is-sewwieqa ma għandhomx jaħdmu aktar minn 6 sigħat mingħajr waqfa. Tali waqfiet għandhom idumu għal mhux inqas minn 30 minuta meta sewwieq ikun jaħdem bejn 6 sa 9 sigħat f’jum.

Dan huwa addizzjonali għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) 561/2006, li jistabbilixxi limitu ta’ sewqan massimu ta’ 4.5 sigħat mingħajr waqfa jew mistrieħ.

Ir-regoli tar-Regolament (KE) 561/2006 dwar il-mistrieħ jinżammu minn din id-Direttiva. Is-sewwieqa għandhom jieħdu perjodi ta’ mistrieħ kuljum u kull ġimgħa.

Meta jinħadem xift bil-lejl, jistgħu jinħadmu massimu ta’ 10 sigħat fi kwalunkwe perjodu ta’ 24 siegħa.

Rapport tal-Kummissjoni tal-2014 analizza l-implimentazzjoni tad-Direttiva u tar-Regolament matul il-perjodu 2011-12. Huwa sab li kien hemm ċertu titjib fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, in-nuqqas ta’ kompletezza u l-inkonsistenza tas-sottomissjonijiet tal-pajjiżi tal-UE impedew analiżi fil-fond tal-effett fuq is-sikurezza fit-toroq jew fuq is-saħħa u s-sikurezza tas-sewwieqa. Il Kummissjoni Ewropea rrimarkat li hija ser tniedi evalwazzjoni komprensiva tal-funzjonament tal-leġiżlazzjoni soċjali fit-trasport bit-triq.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mit-23 ta’ Marzu 2002. Din kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-23 ta’ Marzu 2005.

SFOND

Proposta tal-Kummissjoni tal-2008 għall-modifika tad-Direttiva sabiex jiġu esklużi s-sewwieqa li jaħdmu għal rashom u sabiex jittejjeb l-infurzar tagħha ġiet irrifjutata mill-Parlament Ewropew. Għall-ewwel, id-Direttiva kienet tkopri biss il-ħaddiema mobbli li kienu impjegati minn kumpanija tat-trasport. Sa minn Marzu 2009, hija kienet tkopri lis-sewwieqa kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-waqfiet u l-perjodi ta’ mistrieħ.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35-39)

DOKUMENTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni fl-2011-2012 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u tad-Direttiva 2002/15/KE dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (is-27 rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni soċjali relatata mat-trasport bit-triq) (COM(2014) 709 final, 21.11.2014)

Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1-14)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 561/2006 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 20.08.2020