L-inizjattiva taċ-ċittadini

Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea (UE) għandhom id-dritt ta’ inizjattiva skont liema huma jistgħu jistiednu lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tipproponi att ġuridiku fi kwalunkwe qasam fi ħdan il-kompetenza tagħha. Hija l-ewwel eżempju ta’ demokrazija parteċipatorja transnazzjonali.

ATT

Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini.

SOMMARJU

Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea (UE) għandhom id-dritt ta’ inizjattiva skont liema huma jistgħu jistiednu lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tipproponi att ġuridiku fi kwalunkwe qasam fi ħdan il-kompetenza tagħha. Hija l-ewwel eżempju ta’ demokrazija parteċipatorja transnazzjonali.

X'JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li jirregolaw l-Inizjattiva taċ-Ċittadini.

PUNTI EWLENIN

Biex ikun żgurat li l-appoġġ ikun wiesgħa biżżejjed, inizjattiva taċ-ċittadini għandha tkun appoġġata minn 1 miljun ċittadin minn għallinqas kwart tal-pajjiżi tal-UE, li bħalissa, dan ifisser 7 pajjiżi. Hemm ukoll il-ħtieġa ta' numru minimu ta’ firmatarji minn kull wieħed mill-pajjiżi, bejn wieħed u ieħor proporzjonali għall-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom (proporzjonalità degressiva).

Organizzar ta' inizjattiva taċ-ċittadini

Biex iniedu inizjattiva, iċ-ċittadini għandhom jiffurmaw “kumitat taċ-ċittadini” li jinkludi għallinqas 7 membri li jirrisjedu f’mill-inqas 7 pajjiżi tal-UE. Ilkoll għandu jkollhom età biżżejjed biex jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. L-inizjattiva għandha tiġi rreġistrata fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea. Jekk il-kriterji tar-reġistrazzjoni stabbiliti fir-Regolament jiġu ssodisfati, ir-reġistrazzjoni tiġi kkonfermata mill-Kummissjoni u l-organizzaturi għandhom sena biex jiġbru l-firem (dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ).

Iffirmar ta’ inizjattiva taċ-ċittadini

L-istess rekwiżit ta’ età għall-votazzjoni tapplika għal dawk li jiffirmaw id-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ. Dawn id-dikjarazzjonijiet jistgħu jimtlew jew fuq karta stampata jew online jekk l-organizzaturi jkunu stabbilixxew sistema ta' ġbir onlajn.

Miljun firmatarju. Xi jmiss

Il-Kummissjoni għandha 3 xhur biex teżamina l-inizjattiva. Matul dan iż-żmien, il-Kummissjoni tiltaqa’ mal-organizzaturi li għandhom ukoll l-opportunità li jippreżentaw l-inizjattiva f’seduta pubblika fil-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni tippreżenta rispons formali li fih hi tispjega x’intenzjoni għandha li tagħmel u r-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni. Mhijiex obbligata tipproponi leġislazzjoni.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ir-Regolament japplika mill-1 ta' April 2012.

Aktar informazzjoni hija disponibbli mis-sit elettroniku tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tal-Kummissjoni Ewropea.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (UE) Nru 211/2011

31.3.2011

1.4.2012

ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1-22

ATTI RELATATI

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 268/2012 tal-25 ta' Jannar 2012 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU L 89 tas-27:3:2012, p. 1-2).

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 887/2013 tal-11 ta' Lulju 2013 li jissostitwixxi l-Anness II u II tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU L 247 tat-18:9:2013, p. 11-19).

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva Ewropea għaċ-Ċittadini: “.L-ilma u s-sanità huma dritt tal-bniedem! L-ilma huwa ġid pubbliku, mhux komodità!” (COM(2014) 177 final tad-19 ta' Marzu 2014).

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 531/2014 tat-12 ta' Marzu 2014 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU L 148 tal-20:5:2014, p. 52-53).

Rettifika għar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 887/2013 tal- 11 ta' Lulju 2013 li jissostitwixxi l-Anness II u II tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU L 235 tat-8:8:2014, p. 19-19).

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1070 tal-31 ta' Marzu 2015 li jemenda l-Anness III, V u VII tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU L 178 tat-8.7.2015, p. 1-11).

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva Ewropea għaċ-Ċittadini: “Wieħed Minna” (COM(2014) 355 finali tat-28 ta' Mejju 2014).

l-aħħar aġġornament 08.07.2015