Ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-affarijiet tal-UE

 

SOMMARJU

INTRODUZZJONI

It-Trattat ta’ Lisbona jirrappreżenta pass importanti fir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-affarijiet tal-UE, u jelenka, għall-ewwel darba, f’dispożizzjoni (l-Artikolu 12 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea – TUE) il-modi differenti kif il-Parlamenti nazzjonali jistgħu “jikkontribwixxu attivament għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni”. Il-parteċipazzjoni tagħhom hija żgurata b’erba’ modi prinċipali:

billi jirċievu informazzjoni u dokumenti;

billi jiżguraw li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà jiġi rispettat;

billi jieħdu sehem f’mekkaniżmi ta’ valutazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà;

billi jieħdu sehem fir-reviżjoni tat-Trattati.

INFORMAZZJONI

Id-dokumenti segwenti jridu jintbagħtu lill-Parlamenti nazzjonali minnufih:

komunikazzjonijiet*;

il-programm ta’ ħidma annwali u kwalunkwe strument ieħor ta’ ppjanar jew politika leġiżlattiva;

proposti għal leġiżlazzjoni;

l-aġendi u r-riżultati tal-laqgħat tal-Kunsill;

ir-rapport annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri;

ir-rapport annwali stabbilit mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji li jirregolaw il-kompetenza tal-UE;

l-evalwazzjonijiet tal-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja.

Barraminhekk, il-parlamenti nazzjonali jirċievu notifika tal-proposti għall-emenda tat-Trattati skont il-proċedura ta’ reviżjoni ordinarja u ta’ talbiet għall-adeżjoni mal-UE.

REVIŻJONI TAS-SUSSIDJARJETÀ

Il-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità jippermetti lill-Parlamenti nazzjonali joħroġu opinjonijiet motivati jekk iqisu li abbozz ta’ att leġiżlattiv tal-UE ma jikkonformax mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. L-opinjonijiet motivati kollha għandhom jiġu kkunsidrati mill-istituzzjonijiet involuti fil-proċess leġiżlattiv. Konsegwenzi oħrajn għal proposta leġiżlattiva jiddependu fuq l-għadd tagħhom.

Il-Protokoll jassenja żewġ voti lil kull parlament nazzjonali (jekk ikun b’żewġt ikmamar, wieħed għal kull kamra). Jekk l-opinjonijiet motivati mibgħuta jikkorrispondu għal mill-inqas terz tal-voti, il-Kummissjoni trid tirrevedi l-proposta tagħha u tista’ tiddeċiedi li żżommha, temendaha jew tirtiraha. Dan il-limitu huwa mnaqqas għal kwart tal-voti fi proposti relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija. Meta l-opinjonijiet motivati sottomessi jikkorrispondu għal maġġoranza ta’ voti, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li żżomm il-proposta, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iridu jqisu jekk il-proposta tikkonformax mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà qabel jikkonkludu l-ewwel qari.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni f’rikorsi bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà minn att leġiżlattiv, ippreżentati minn Stati Membri jew notifikati minnhom skont l-ordinament ġuridiku tagħhom f’isem il-Parlament nazzjonali tagħhom jew kamra tiegħu.

RWOL SPEĊIFIKU FIL-QASAM TAL-ĠUSTIZZJA, IL-LIBERTÀ U S-SIGURTÀ

Il-Parlamenti nazzjonali għandhom rwol speċifiku fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà . Huma jipparteċipaw fl-evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-Eurojust u fl-iskrutinju tal-attivitajiet tal-Europol.

Barraminhekk, il-Parlamenti nazzjonali jistgħu jopponu d-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jestendu l-proċedura leġiżlattiva ordinarja (b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill) għal ċerti aspetti tad-dritt tal-familja b’implikazzjonijiet transkonfinali li huma attwalment soġġetti għal proċedura leġiżlattiva speċjali b’unanimità fil-Kunsill (klawżola passerelle fl-Artikolu 81 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea).

INVOLVIMENT FIR-REVIŻJONI TAT-TRATTATI

Barraminhekk, it-Trattat ta’ Lisbona jassoċja l-Parlamenti nazzjonali mal-proċeduri għar-reviżjoni tat-trattati, kif deskritti hawn taħt.

Skont il-proċedura ta’ reviżjoni ordinarja u dik simplifikata, l-emendi għat-Trattati jidħlu fis-seħħ wara li jiġu ratifikati (jew approvati, għal proċeduri ta’ reviżjoni simplifikati) mill-Istati Membri kollha skont id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom, li normalment jeħtieġu ratifika parlamentari.

Skont il-proċedura ta’ reviżjoni ordinarja, Konvenzjoni li tinkludi, fost membri oħrajn, rappreżentanti tal-Parlamenti nazzjonali, tiltaqa' biex teżamina u tadotta rakkomandazzjoni dwar il-proposti għal reviżjoni.

Skont il-“klawżola passerelle” ġenerali tal-Artikolu 48(7) TUE, l-inizjattiva meħuda mill-Kunsill Ewropew biex jaqleb mill-proċedura leġiżlattiva speċjali għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jew mill-votazzjoni b’unanimità għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata trid tiġi notifikata lill-Parlamenti nazzjonali u ma tistax tiġi adottata jekk Parlament nazzjonali jopponiha fi żmien sitt xhur.

IL-KONFERENZA TAL-KUMITATI GĦALL-AFFARIJIET EWROPEJ (COSAC)

Sa mill-1989, il-membri tal-kumitati tal-Parlamenti nazzjonali li jieħdu ħsieb kwistjonijiet tal-UE u membri tal-Parlament Ewropew iltaqgħu darbtejn fis-sena f’Konferenza għall-Kumitati Parlamentari għall-Affarijiet Ewropej, magħrufa aħjar bl-akronimu Franċiż tagħha COSAC, biex jiskambjaw informazzjoni u l-aħjar prattiki u jiddiskutu kwistjonijiet ta’ interess komuni Ewropew.

Ir-rwol tal-COSAC huwa rikonoxxut fil-protokoll dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-UE li jiddikjara li l-COSAC jista’ jibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kwalunkwe kontribut li jqis li huwa xieraq.

TERMINI EWLENIN

* Komunikazzjoni hija dokument politiku bla ebda awtorità obbligatorja. Il-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva li tippubblika komunikazzjoni meta tkun tixtieq tistipula l-ħsibijiet tagħha dwar tema topika. Komunikazzjoni ma għandha l-ebda effett legali (definizzjoni meħuda min-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew).

SFOND

Għal aktar informazzjoni:

l-aħħar aġġornament 20.10.2015