It-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea

INTRODUZZJONI

It-Trattat ta’ Lisbona jqiegħed liċ-ċittadin fil-qalba tal-proġett Ewropew u jimmira li jsaħħaħ l-interess tagħhom fl-istituzzjonijiet u fil-kisbiet tal-Unjoni Ewropea (UE), li spiss jidhru mbiegħda wisq mill-ħajja tagħhom ta' kuljum. Wieħed mill-għanijiet tat-Trattat ta’ Lisbona huwa l-promozzjoni ta’ demokrazija Ewropea li toffri opportunità liċ-ċittadini sabiex jipparteċipaw fil-funzjonament u fl-iżvilupp tal-UE.

Għan bħal dan jeħtieġ neċessarjament rikonoxximent akbar taċ-ċittadinanza Ewropea fit-Trattati fundaturi tal-UE. It-Trattat ta’ Lisbona jistinka wkoll sabiex jissimplifika u jiċċara l-funzjonament tal-Unjoni sabiex jagħmilha tinftiehem aktar, u għalhekk aċċessibbli aktar għaċ-ċittadini. Fl-aħħar nett, it-Trattat ta’ Lisbona jsaħħaħ ir-rappreżentanza u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadin fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet Ewropew. Il-ħolqien ta’ inizjattiva taċ-ċittadini huwa wieħed mill-innovazzjonijiet ewlenin.

IĊ-ĊITTADINI FIL-QALBA TAD-DEMOKRAZIJA RAPPREŻENTATTIVA EWROPEA

It-Trattat ta’ Lisbona jintroduċi Artikolu ġdid li fih jirrikonoxxi b’mod sħiħ id-dimensjoni politika taċ-ċittadinanza Ewropea. Għalhekk, l-Artikolu 10 tat-Trattat dwar l-UE jispeċifika li ċ-ċittadini huma direttament irrappreżentati mill-Parlament Ewropew u li din id-demokrazija rappreżentattiva hija waħda mill-pedamenti tal-UE. Rikonoxximent bħal dan ma jġibx drittijiet ġodda għaċ-ċittadini iżda għandu valur simboliku.

L-Artikolu 10 barra minn hekk jistabbilixxi prinċipju ta’ prossimità u dan ifisser li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu qrib kemm jista’ jkun taċ-ċittadini billi jinvolvu lill-amministrazzjonijiet nazzjonali u lokali, b’mod li l-UE titressaq aktar qrib iċ-ċittadini tagħha.

Minħabba l-elezzjonijiet tal-2014, l-ewwel li saru minn mindu t-Trattat ta' Lisbona daħal fis-seħħ, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li ssaħħaħ l-interess taċ-ċittadini fl-elezzjonijiet Ewropej. F'Rakkomandazzjoni (2013/142/UE) u fil-Komunikazzjoni (COM/2013/0126 final) ippubblikata fl-aħħar ta' Marzu 2013, il-Kummissjoni stiednet lill-partiti politiċi nazzjonali u Ewropej sabiex jinformaw lill-elettorat bir-rabtiet ta' affiljazzjoni tagħhom u sabiex jippubblikaw, qabel l-elezzjonijiet, l-isem tal-kandidat għall-President tal-Kummissjoni li huma qegħdin jappoġġaw.

UNJONI EWROPEA AKTAR AĊĊESSIBBLI GĦAĊ-ĊITTADINI

Spiss l-UE tat l-impressjoni ta’ bini b’arkitettura u proċeduri kumplessi. It-Trattat ta’ Lisbona jiċċara l-funzjonament tal-UE sabiex jagħmilha tinftiehem aktar miċ-ċittadini tagħha. L-ammont kbir ta’ proċeduri leġiżlattivi issa qegħdin iċedu posthom għall-proċedura leġislattiva ordinarja (li qabel kienet magħrufa bħala l-proċedura ta' kodeċiżjoni) u għal proċeduri speċjali dettaljati każ b’każ. Bl-istess mod, l-istruttura antika ta’ pilastri tneħħiet u minflokha sar tqassim ċar u preċiż tar-responsabbiltajiet fi ħdan l-UE.

It-Trattat ta’ Lisbona jtejjeb ukoll it-trasparenza tal-ħidma fi ħdan l-UE, jestendi għall-Kunsill il-prinċipju tal-pubblikazzjoni tad-diskussjonijiet, li diġà huwa applikat fi ħdan il-Parlament Ewropew u sejjer jirriżulta f'informazzjoni aħjar għaċ-ċittadini dwar il-kontenut tad-dibattiti leġiżlattivi.

RAPPREŻENTANZA MSAĦĦA FIL-LIVELL ISTITUZZJONALI

It-Trattat ta’ Lisbona jsaħħaħ b’mod konsiderevoli s-setgħat tal-Parlament Ewropew (ara l-iskeda Parlament Ewropew). Fost il-bidliet l-aktar importanti hemm:

It-Trattat ta’ Lisbona jkabbar ukoll ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-UE (ara l- parlamenti nazzjonali) li għandhom minn issa ’l quddiem jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Għal dan il-għan, huma jistgħu jintervjenu fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja u għandhom id-dritt ta’ tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

PARTEĊIPAZZJONI AKBAR TAĊ-ĊITTADINI FIL-PROĊESS TA’ TEĦID TA’ DEĊIŻJONIJIET

It-Trattat ta’ Lisbona jirrikonoxxi, għall-ewwel darba, l-eżistenza ta' soċjetà ċivili Ewropea li magħha, l-istituzzjonijiet tal-UE sejrin jinvolvu ruħhom fi djalogu miftuħ u trasparenti, fuq bażi regolari (Artikolu 11, paragrafu 1 u 2).

Iżda fuq kollox, jintroduċi d-dritt għall-inizjattivi taċ-ċittadini (Artikolu 11 paragrafu 3) li permezz tiegħu, iċ-ċittadini Ewropej jistgħu jistiednu lill-Kummissjoni sabiex tissottometti proposta fuq kwistjonijiet li huma jqisu li għalihom hemm bżonn ta' att legali tal-Unjoni. Din id-dispożizzjoni tirrifletti r-rieda tal-UE li tinvolvi direttament liċ-ċittadini tagħha fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fuq kwistjonijiet li jolqtuhom.

Dan id-dritt huwa soġġett għal diversi kundizzjonijiet:

Il-Kummissjoni Ewropea tibqa’ libera li ssegwi, jew le, l-inizjattiva proposta miċ-ċittadini Ewropej. Jekk din l-inzjattiva twassal għal proposta leġiżlattiva, allura l-att jiġi adottat mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew proċedura leġiżlattiva speċjali.

ATTI RELATATI

Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini [Ġurnal Uffiċjali L 65 tal-11.3.2011]. Emendat mir-Regolament Delegat (UE) Nru 268/2012 [Ġurnal Uffiċjali L 89 tas-27.3.2012], Regolament (UE) Nru 517/2013 [Ġurnal Uffiċjali L 158 tal-10.6.2013] u r-Regolament Delegat (UE) Nru 887/2013 [Ġurnal Uffiċjali L 247 of 18.9.2013].

2013/142/UE: Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Marzu 2013 dwar it-titjib tat-tmexxija demokratika u effiċjenti tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew [Ġurnal Uffiċjali L 79 ta' 21.3.2013].

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni Tħejjija għall-Elezzjonijiet Ewropej tal-2014: aktar titjib tat-twettiq demokratiku u effiċjenti tagħhom (COM(2013)0126 final) [Mhux ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali].

L-aħħar aġġornament: 05.02.2014