It-traċċabilità ta’ ikel ippakkjat minn qabel

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2011/91/UE, dwar l-indikazzjonijiet jew il-marki li jidentifikaw il-lott li għalih jappartjeni oġġett tal-ikel

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Din tiżgura li l-konsumaturi jkunu jistgħu jittraċċaw l-oriġini ta’ ikel ippakkjat minn qabel.

Din teħtieġ li dan l-ikel jiġi ttikkettjat sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jaraw minn liema lott ġej.

Hija tiżgura li l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika u tas-sikurezza tal-ikel jistgħu jidentifikaw l-oriġini u l-identità tal-ikel ippakkjat minn qabel fil-każ li dan ikun suġġett ta’ tilwima jew ikun ta’ periklu għas-saħħa tal-konsumaturi.

Hija tistabbilixxi regoli għall-produtturi, il-manifatturi u l-ippakkjaturi sabiex jittikkettjaw dan l-ikel bl-użu ta’ sistema komuni tal-identifikazzjoni tal-lott.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Id-direttiva tapplika għall-ikel ippakkjat minn qabel kollu minbarra:

prodotti agrikoli li:

jinsabu fi stazzjonijiet ta’ ħażna temporanji, ta’ tħejjija jew ta’ imballaġġ;

huma ttrasportati lejn organizzazzjonijiet tal-produtturi, jew

huma miġbura għall-ipproċessar immedjat.

ikel li mhuwiex ippakkjat minn qabel meta jinbiegħ lill-konsumatur finali, jiġi ippakkjat fuq talba tax-xerrej jew ippakkjat minn qabel għall-bejgħ immedjat;

imballaġġi jew kontenituri, li l-akbar ġenb tagħhom ikollu erja ta’ inqas minn10 ċm2;

porzjonijiet individwali ta’ ġelat ippakkjati flimkien, fejn l-identifikazzjoni tal-lott trid tidher fuq barra tal-pakkett ikkombinat.

It-tikkettjar tal-lottijiet

Kull lott irid jiġi ttikkettjat mill-produtturi, il-manifattur jew l-ippakkjatur, jew mill-ewwel bejjiegħ ibbażat fl-UE jekk huwa importat.

L-identifikazzjoni tal-lott irid ikollha l-ittra “L” quddiemha sakemm ma tkunx tista’ tiġi identifikata b’mod ċar minn informazzjoni oħra fuq it-tikketta.

L-informazzjoni fuq it-tikketta trid tkun faċilment viżibbli, tinqara b’mod ċar u ma titħassarx.

Ma hemmx bżonn li jiġi indikat il-lott jekk id-data sa meta l-oġġett għandu jkun ikkunsmat tidher fuq it-tikketta.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mill-5 ta’ Jannar 2012.

TERMINI EWLENIN

* Lott: grupp ta’ unitajiet tal-bejgħ ta’ oġġett tal-ikel li għandhom kundizzjonijiet tal-produzzjoni, tal-fabbrikazzjoni jew tal-imballaġġ kważi identiċi.

ATT

Direttiva 2011/91/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-indikazzjonijiet jew il-marki li jidentifikaw il-lott li għalih jappartjeni oġġett tal-ikel (ĠU L 334, 16.12.2011, p. 1–5)

l-aħħar aġġornament 23.11.2015