7.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 36/5


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT PERMANENTI TAL-ISTATI TAL-EFTA

Nru 3/2012/SC

tas-26 ta’ Ottubru 2012

li tistabbilixxi proċeduri għall-kumitati li jassistu lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħha fl-ambitu tal-artikolu 3 tal-protokoll 1 tal-ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-twaqqif ta' awtorità ta’ sorveljanza u ta’ qorti tal-ġustizzja

IL-KUMITAT PERMANENTI TAL-ISTATI TAL-EFTA,

Wara li kkunsidra l-ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-twaqqif ta’ awtorità ta’ sorveljanza u qorti tal-ġustizzja kif aġġustat permezz tal-protokoll li jaġġusta l-ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-twaqqif ta’ awtorità ta’ sorveljanza u qorti tal-ġustizzja, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-ftehim dwar sorveljanza u qorti, u partikolarment l-artikolu 3 tal-protokoll 1 tiegħu;

Billi:

F’ċerti atti legali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jagħtu lill-Kummissjoni Ewropea setgħat biex timplimenta r-regoli li jinsabu fihom. L-artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jirrikjedi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistabbilixxu r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi għall-kontroll, mill-Istati Membri, tal-eżerċizzju tal-poteri implimentattivi tal-Kummissjoni;

Fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (1), il-Parlament Ewropew u l-Kunsill stabbilixxew dawk ir-regoli u prinċipji ġenerali;

L-artikolu 3 tal-protokoll 1 ta’ mal-ftehim dwar sorveljanza u qorti jinkariga lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA b’ċerti funzjonijiet li fl-Unjoni Ewropea jitwettqu mill-Kummissjoni Ewropea; mentri meta twettaq uħud minn dawn il-funzjonijiet, il-Kummissjoni Ewropea trid timxi skont proċeduri fir-rigward tal-eżerċizzju tal-poteri implimentattivi tagħha. Skont dawk il-proċeduri, il-Kummissjoni Ewropea trid tippreżenta lil kumitat kwalunkwe abbozz ta’ miżura li tkun se tiġi adottata;

L-artikolu 3 tal-protokoll 1 ta’ mal-ftehim dwar sorveljanza u l-Qorti jgħid li l-Kumitat Permanenti jistabbilixxi l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti meta l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA trid tissottometti abbozz ta’ miżura lil kumitat jew inkella tikkonsulta miegħu;

Dawk il-proċeduri jkunu identiċi jew l-aktar li jikkorrispondu mill-qrib għall-proċeduri li l-Kummissjoni Ewropea, skont l-atti msemmijin fl-annessi ta’ mal-ftehim dwar iż-ŻEE, issegwi meta twettaq il-funzjonijiet korrispondenti;

In-nomina tal-kumitati fost l-Istati tal-EFTA, li jkunu jikkorrispondu għall-kumitati rilevanti tal-Unjoni Ewropea, hija soġġetta għal deċiżjonijiet separati mill-Kumitat Permanenti skont l-artikolu 5(2) tal-ftehim dwar kumitat permanenti tal-Istati tal-EFTA wara li ssir proposta f’dan is-sens mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Dispożizzjonijiet komuni

1.   L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tkun assistita minn kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-Istati tal-EFTA u ppresedut minn rappreżentant tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA. Il-president ma jiħux sehem fil-votazzjoni tal-kumitat.

2.   Il-president jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżuri biex jiġu addottati, biex jeżaminahom. Il-kumitat jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozzi ta' miżuri f'limitu ta' żmien li jista' jistabbilixxi l-president skond l-urġenza tal-kwistjoni, permezz ta' votazzjoni jekk ikun meħtieġ. Il-limiti taż-żmien ikunu proporzjonati u jippermettu lill-membri tal-kumitati opportunitajiet bikrija u effettivi biex jeżaminaw l-abbozzi tal-miżuri u jesprimu l-opinjonijiet tagħhom.

3.   Sakemm tinħareġ opinjoni, kwalunkwe membru tal-Kumitat jista’ jissuġġerixxi emendi u l-president jista' jippreżenta verżjonijiet emendati tal-abbozzi tal-miżuri sabiex jiġu kkunsidrati d-diskussjonijiet fil-kumitat. Il-president jagħmel ħiltu biex isib soluzzjonijiet li jkunu jgawdu l-akbar appoġġ possibbli fost il-membri tal-kumitat. Għal dak il-għan, il-president jista' jsejjaħ diversi laqgħat tal-kumitat.

4.   L-opinjoni tal-kumitat titniżżel fil-minuti; barra minn hekk, kull Stat tal-EFTA jkollu d-dritt jitlob li l-pożizzjoni tiegħu titniżżel fil-minuti.

5.   Fejn ikun il-każ, il-modalità ta’ kontroll tkun tinkludi r-rinviju quddiem kumitat tal-appell. Il-kumitat tal-appell jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu innifsu b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu. L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tippreżenta proposta lill-kumitat tar-regoli ta’ proċedura. Il-kumitat tal-appell jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien xahrejn mid-data tar-rinviju. Il-kumitat tal-appell jippresedih rappreżentant tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA.

Artikolu 2

Proċedura konsultattiva

1.   Fejn tkun tapplika l-proċedura konsultattiva, il-kumitat jagħti l-opinjoni tiegħu, permezz ta’ vot jekk ikun meħtieġ. Fil-każ li jkun meħtieġ li jittieħed vot, l-opinjoni tal-kumitat tingħata permezz ta’ maġġoranza sempliċi.

2.   L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tiddeċiedi dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu, b’mod li jagħti kas ħafna tal-konklużjonijiet li jirriżultaw mid-diskussjonijiet fil-kumitat u tal-opinjoni li tkun ingħatat. L-Awtorità għandha tinforma lill-kumitat dwar il-mod kif l-opinjoni tkun ġiet ikkunsidrata.

Artikolu 3

Il-proċedura ta’ analiżi

1.   Fejn tkun tapplika l-proċedura konsultattiva, il-kumitat jagħti l-opinjoni tiegħu, permezz ta' vot jekk ikun meħtieġ. Fil-każ li jkun meħtieġ li jittieħed vot, l-opinjoni tal-kumitat tingħata permezz ta’ maġġoranza sempliċi.

2.   Fejn il-kumitat jagħti opinjoni pożittiva, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tadotta l-abbozzi tal-miżuri previsti.

3.   Fejn il-kumitat jagħti opinjoni negattiva, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ma tadottax dawk il-miżuri. Fil-każ li jitqies li l-abbozzi tal-miżuri jkunu neċessarji, il-president jista’ jippreżenta verżjoni emendata tal-abbozzi tal-miżuri lill-kumitat jew inkella jissottometti l-abbozzi tal-miżuri lill-kumitat tal-appell għal aktar deliberazzjoni.

4.   Jekk ma tingħata l-ebda opinjoni, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tista’ tadotta l-miżuri previsti dment li l-att bażiku ma jkunx jipprevedi li l-abbozzi tal-miżuri ma jkunux jistgħu jiġu adottati fil-każ li ma tingħatax opinjoni.

Artikolu 4

Rinviju quddiem il-kumitat tal-appell

1.   Il-kumitat tal-appell ikun magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat tal-EFTA u jiġi ppresedut minn rappreżentant tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA. Il-membri tal-kumitat li jassisti lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (l-artikolu 1) ma jkunux membri tal-kumitat tal-appell. Il-kumitat tal-appell jagħti l-opinjoni tiegħu permezz ta’ maġġoranza sempliċi. Il-president tal-kumitat tal-appell ma jiħux sehem meta jittieħed vot tal-kumitat tal-appell.

2.   Sakemm tingħata opinjoni, kwalunkwe membru tal-kumitat tal-appell jista' jissuġġerixxi emendi għall-abbozzi tal-miżuri u l-president jista' jiddeċiedi jekk jimmodifikahomx jew le. Il-president jagħmel ħiltu biex isib soluzzjonijiet li jkunu jgawdu l-akbar appoġġ possibbli fil-kumitat tal-appell. Il-president jinforma lill-kumitat tal-appell dwar il-mod li bih ikunu ġew ikkunsidrati d-diskussjonijiet u s-suġġerimenti dwar emendi, b'mod partikolari fir-rigward ta’ suġġerimenti għal emendi li jkunu kisbu appoġġ kbir fil-kumitat tal-appell.

3.   Fejn il-kumitat tal-appell:

a)

jagħti opinjoni pożittiva, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tadotta l-abbozzi tal-miżuri.

b)

ma jagħtix opinjoni, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tista' tadotta l-abbozz tal-miżuri.

c)

jagħti opinjoni negattiva, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ma tadottax l-abbozzi tal-miżuri.

Artikolu 5

Miżuri applikabbli immedjatament

1.   B'deroga mill-artikoli 2 u 3, att bażiku jista' jipprovdi li, għal raġunijiet imperattivi u debitament iġġustifikati ta’ urġenza, li jkun hemm il-ħtieġa ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni li jkunu applikabbli immedjatament.

2.   L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA mbagħad tadotta miżuri li japplikaw immedjatament mingħajr ma jiġu sottomessi minn qabel lil kumitat, u li jibqgħu fis-seħħ għal perjodu li ma jaqbiżx is-sitt xhur sakemm l-att bażiku ma jipprevedix mod ieħor.

3.   Il-president jissottometti bla dewmien il-miżuri msemmijin fil-paragrafu 1 lill-kumitat rilevanti sabiex jikseb l-opinjoni tegħu skont il-proċedura li tkun tapplika għal dan il-kumitat.

4.   Fil-każ tal-proċedura ta’ analiżi, fejn il-miżuri ma jkunux skont l-opinjoni tal-kumitat, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tirrevoka immedjatament il-miżuri adottati skont il-paragrafu 1.

5.   Il-miżuri msemmijin fil-paragrafu 1 jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu rrevokati jew issostitwiti.

Artikolu 6

Revoka tad-deċiżjoni tal-kumitat permanenti nru 3/94/SC tal-10 ta' Jannar 1994

Id-deċiżjoni tal-kumitat permanenti tal-Istati tal-EFTA nru 3/94/SC tal-10 ta’ Jannar 1994 hija b’dan irrevokata.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali: adattament tal-atti bażiċi eżistenti

Fejn atti bażiċi adottati qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) nru 182/2011 tas-16 ta’ Frar 2011 jirreferu għad-Deċiżjoni 1999/486/KE, japplika dan li ġej:

(a)

referenzi għall-artikolu 3 tad-Deċiżjoni 1999/486/KE jiġu interpretati bħala referenzi għall-artikolu 2 (proċedura konsultattiva) ta’ din id-deċiżjoni;

(b)

referenzi għall-artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni 1999/486/KE jiġu interpretati bħala referenzi għall-artikolu 3 (proċedura ta’ analiżi) ta’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 8

Arranġament tranżitorju

Din id-deċiżjoni ma taffettwax lill-proċeduri pendenti li fihom kumitat diġà ta l-opinjoni tiegħu skont id-deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti nru 3/94/SC.

Artikolu 9

Informazzjoni dwar il-proċeduri tal-kumitati

Kull sena l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tirrapporta dwar il-ħidma tal-kumitati.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ dakinhar li tiġi adottata.

Artikolu 11

Pubblikazzjoni

Din id-deċiżjoni tiġi ppubblikata fis-Sezzjoni taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ miegħu.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Ottubru 2012.

F'isem il-Kumitat Permanenti

Il-President

Atle LEIKVOLL

Is-Segretarju Ġenerali

Kristinn F. ÁRNASON


(1)  ĠU L 55, 28.2.2011, p.13