3.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/12


SEJĦA GĦALL-PROPOSTI — EACEA 09/2017

Inizjattiva għall-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE: Assistenza Teknika għall-organizzazzjonijiet emittenti

Il-Bini ta' Kapaċità għall-għajnuna umanitarja tal-organizzazzjonijiet ospitanti

(2017/C 67/09)

Ir-Regolament (UE) Nru 375/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja — “l-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE” (1) (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE”) jistabbilixxi qafas għal kontribuzzjonijiet konġunti mill-voluntiera Ewropej biex jappoġġjaw u jikkumplimentaw l-għajnuna umanitarja f'pajjiżi terzi.

F'dan il-qafas, is-sejħa għall-proposti preżenti ser tipprovdi finanzjament permezz ta' appoġġ għal azzjonijiet immirati biex isaħħu l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet ospitanti prospettivi bl-għan li jħejju ruħhom u jkunu jistgħu jwieġbu għal kriżijiet umanitarji. Barra minn hekk, din ser tipprovdi appoġġ għal azzjonijiet immirati biex isaħħu l-kapaċità teknika tal-organizzazzjonijiet emittenti prospettivi bl-għan li jipparteċipaw fl-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.

1.   Objettiv

L-objettiv ta' din is-sejħa huwa li ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet emittenti u ospitanti li għandhom il-ħsieb li jipparteċipaw fl-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, kif ukoll li tiżgura l-konformità mal-istandards u l-proċeduri li jirrigwardaw il-voluntiera kandidati u l-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE sabiex ikunu jistgħu japplikaw għaċ-ċertifikazzjoni li hija meħtieġa għall-użu tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.

B'din is-sejħa, il-Kummissjoni Ewropea tistenna li tikseb ir-riżultati li ġejjin:

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' madwar 110 organizzazzjonijiet emittenti u ospitanti f'oqsma bħal:

Il-ġestjoni, it-tħejjija u r-rispons f'każ ta' riskju ta' diżastru;

Il-kollegament bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp (LRRD);

It-tisħiħ tal-volontarjat lokali f'pajjiżi terzi;

Il-kapaċitajiet li jgħaddu minn ċertifikazzjoni, inkluża kapaċità amministrattiva;

Il-kapaċità li tipprovdi twissija bikrija lill-komunitajiet lokali.

2.   Kriterji eliġibbli

2.1.    Korpi eliġibbli

L-organizzazzjoni li tapplika f'isem l-applikanti kollha (il-koordinatur) se tkun legalment responsabbli mill-Kummissjoni fir-relazzjoni kuntrattwali tagħha mal-Aġenzija.

Il-proposti kemm għall-attivitajiet ta' Assistenza teknika kif ukoll għal dawk ta' Bini tal-kapaċità għandhom jiġu sottomessi minn:

organizzazzjonijiet mhux governattivi mingħajr skop ta' qligħ iffurmati b'konformità mal-liġi ta' Stat Membru u li għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fl-Unjoni; jew

korpi regolati bil-liġi pubblika ta' karattru ċivili, li huma regolati bil-liġi ta' Stat Membru; jew

il-Federazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet Nazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar.

L-applikazzjonijiet mill-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fil-pajjiżi li ġejjin biss huma eliġibbli:

l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit.

Kemm għall-attivitajiet ta' Assistenza Teknika kif ukoll għal dawk ta' Bini tal-Kapaċità, il-koordinatur f'kull proġett irid ikun ilu attiv fil-qasam tal-għajnuna umanitarja kif definit fl-Artikolu 3(d) tar-Regolament (2) għal mill-inqas 3 snin;

L-applikanti jistgħu jissottomettu proġetti kemm għall-Assistenza Teknika kif ukoll għall-Bini tal-Kapaċità. F'dan il-każ, l-applikanti jenħtieġ li jindikaw fl-applikazzjoni tagħhom li huma qegħdin japplikaw għaż-żewġ azzjonijiet.

2.1.1.   Għall-Assistenza Teknika

L-applikanti jenħtieġ li jappartjenu għal kwalunkwe waħda mill-kategoriji li ġejjin:

organizzazzjonijiet mhux governattivi mingħajr skop ta' qligħ iffurmati b'konformità mal-liġi ta' Stat Membru u li għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fl-Unjoni; jew

korpi regolati bil-liġi pubblika ta' karattru ċivili, jew

il-Federazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet Nazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar.

Il-proġetti jitfasslu u jiġu implimentati minn konsorzji transnazzjonali li jinvolvu entitajiet minn mill-inqas tliet pajjiżi li jipparteċipaw fil-programm u li jappartjenu għal waħda mill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 10(3)(c) tar-Regolament;

Mill-inqas il-koordinatur jew applikant wieħed f'kull proġett kellu jkun attiv fil-qasam tal-ġestjoni tal-voluntiera għal mill-inqas 3 snin.

2.1.2.   Għall-Bini tal-Kapaċità

L-applikanti għandhom jappartjenu għal kwalunkwe waħda mill-kategoriji li ġejjin:

organizzazzjonijiet mhux governattivi mingħajr skop ta' qligħ li joperaw jew huma stabbiliti f'pajjiż terz skont il-liġijiet fis-seħħ f'dak il-pajjiż, jew

korpi rregolati bil-liġi pubblika ta' karattru ċivili, jew

aġenziji u organizzazzjonijiet internazzjonali li ma jistgħux jaġixxu bħala l-koordinatur u jridu jkunu minn pajjiż terz.

Il-proġetti jitfasslu u jiġu implimentati minn sħubiji transnazzjonali li jinvolvu entitajiet minn mill-inqas żewġ pajjiżi li jipparteċipaw fil-programm li jappartjenu għal waħda mill-kategoriji msemmija fir-Regolament (l-Artikolu 10(3)(c)) u mill-inqas żewġ pajjiżi terzi fejn iseħħu attivitajiet u operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja skont l-Artikolu (3)(d) u li jappartjenu għal waħda mill-kategoriji msemmija taħt l-Artikolu 10(4)(c).

F'kull proġett, il-koordinatur u mill-inqas applikant wieħed minn pajjiż li qiegħed jipparteċipa fil-programm kellhom ikunu ilhom attivi fil-qasam tal-għajnuna umanitarja kif definit fl-Artikolu 3(d) tar-Regolament għal mill-inqas 3 snin.

F'kull proġett, mill-inqas applikant wieħed minn pajjiżi terzi fejn iseħħu attivitajiet u operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja jkun attiv fil-qasam tal-għajnuna umanitarja kif definit fl-Artikolu 3(d) tar-Regolament.

Mill-inqas il-koordinatur jew applikant wieħed minn pajjiż li jkun qiegħed jipparteċipa fil-programm f'kull proġett għandu jkun ilu attiv fil-qasam tal-ġestjoni tal-voluntiera għal mill-inqas 3 snin.

3.   Attivitajiet eliġibbli

L-attivitajiet eliġibbli jinkludu:

Żjarat ta' studju/skop sabiex jirfinaw u jiffinalizzaw il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-azzjoni;

Attivitajiet għall-bini/għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet;

Seminars u sessjonijiet ta' ħidma;

“Shadowing” fl-impjiegi;

Arranġamenti ta' ġemellaġġ u skambju tal-persunal;

Skambju tal-għarfien, tat-tagħlim organizzattiv u tal-prattiki tajba;

Żjarat ta' studju;

Attivitajiet għat-trawwim tal-bini ta' sħubiji

Attivitajiet li jgħinu lill-organizzazzjonijiet jilħqu l-Istandards Umanitarji Ewlenin;

Attivitajiet għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali;

L-iżvilupp ta', u l-ġestjoni ta' opportunitajiet għal voluntiera onlajn.

Attivitajiet addizzjonali eliġibbli għal kull subazzjoni:

Assistenza Teknika

Kowċing/mentoring ta' membri tal-persunal imħallsa tal-organizzazzjoni emittenti u voluntiera ewlenin;

Bini tal-Kapaċità

Korsijiet ta' taħriġ għal ħarrieġa/kowċis/mentors/disseminaturi ta' informazzjoni minn pajjiżi terzi;

Żjarat ta' studju sa massimu ta' 3 xhur għall-membri tal-persunal imħallsa jew voluntiera ewlenin minn pajjiżi terzi għandhom ikunu bbażati f'organizzazzjonijiet applikanti/imsieħba Ewropej;

Kapaċità teknika li tibni fuq operazzjonijiet umanitarji li jiffokaw fuq:

Metodoloġiji għall-valutazzjoni tal-ħtiġijiet/ġestjoni tal-informazzjoni;

Ġestjoni tar-riskju ta' diżastri;

Tnaqqis tar-riskju ta' diżastri/tħejjija għad-diżastri;

Rispons f'każ ta' kriżi (u setturi relatati);

Kollegament tal-għajnuna, ir-rijabilitazzjoni u l-iżvilupp;

Reżiljenza u adattament għat-tibdil fil-klima.

4.   Kriterji tal-għoti

L-applikazzjonijiet eliġibbli ser jiġu vvalutati abbażi tal-kriterji li ġejjin:

Ir-rilevanza tal-proġett (massimu ta' 30 punt)

Il-kwalità tad-disinn u l-implimentazzjoni tal-proġett (massimu ta' 30 punt)

Il-kwalità u r-rilevanza tas-sħubija u l-arranġamenti ta' kooperazzjoni (massimu ta' 20 punt)

L-impatt u d-disseminazzjoni (massimu ta' 20 punt)

Il-proġetti li jiksbu inqas minn total ta' 60 punt ma jiġux ikkunsidrati għal finanzjament.

Il-proġetti kollha, irrispettivament minn jekk ikoprux il-bini tal-kapaċità jew l-assistenza teknika, ser jiġu kklassifikati skont in-numru ta' punti li jilħqu.

5.   Baġit disponibbli

Il-baġit totali allokat għall-kofinanzjament tal-proġetti huwa stmat għal EUR 7 607 000.

L-għotja massima ser tkun ta' EUR 700 000. Kull għotja ser tkun tammonta għal bejn EUR 100 000 u EUR 700 000.

L-Aġenzija qed tistenna li tiffinanzja 22 proposta.

L-Aġenżija tirriżerva d-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli.

6.   Data ta' skadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet

L-applikazzjonijiet għall-għotjiet għandhom jimtlew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE, billi tintuża l-formola elettronika (E-form) speċifikament imfassla għal dan il-għan. Il-formola elettronika hija ppreżentata fuq l-Internet fl-indirizz li ġej: https://eacea.ec.europa.eu/documents/eforms_en

Il-formola tal-applikazzjoni elettronika mimlija kif suppost għandha tiġi riċevuta sa 12:00 (nofsinhar, ħin ta' Brussell) fit-3 ta' Lulju 2017. Wara dan il-ħin, is-sistema tal-applikazzjoni onlajn tingħalaq.

L-applikanti jistgħu jissottomettu proġetti kemm għall-Assistenza Teknika kif ukoll għall-Bini tal-Kapaċità. F'dan il-każ, l-applikanti għandhom jindikaw fl-applikazzjoni tagħhom li huma qegħdin japplikaw għaż-żewġ azzjonijiet. L-applikazzjonijiet mibgħuta bil-posta, b'faks jew b'email ma jiġux aċċettati.

7.   Informazzjoni addizzjonali

L-applikazzjonijiet għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-linji gwida tal-applikazzjoni – Sejħa għall-proposti EACEA 09/2017, jiġu sottomessi fuq il-formola elettronika pprovduta għal dan il-għan u jkun fihom l-annessi rilevanti.

Id-dokumenti msemmija jistgħu jinstabu fuq l-Internet fl-indirizz li ġej:

https://eacea.ec.europa.eu/eu-aid-volunteers/funding_en

Fil-każ ta' mistoqsijiet, jekk jogħġbok ikkuntattja lil: EACEA-EUAID-VOLUNTEERS@ec.europa.eu


(1)  ĠU L 122, 24.4.2014, p. 1.

(2)  “Għajnuna umanitarja” tfisser attivitajiet u operazzjonijiet f'pajjiżi terzi maħsuba biex jipprovdu assistenza ta' emerġenza bbażata fuq il-ħtiġijiet immirata lejn il-protezzjoni tal-ħajjiet, il-prevenzjoni u t-taffija tat-tbatija umana, u l-protezzjoni tad-dinjità umana meta affaċċjati minn kriżijiet maħluqa mill-bniedem jew diżastri naturali. Din tinkludi operazzjonijiet ta' assistenza, sokkors u protezzjoni fi kriżijiet umanitarji jew il-konsegwenzi diretti tagħhom, miżuri ta' appoġġ biex jiġi żgurat l-aċċess għal nies fil-bżonn u sabiex jiġi ffaċilitat il-fluss ħieles tal-assistenza, kif ukoll azzjonijiet immirati lejn it-tisħiħ tat-tħejjija għad-diżastri u t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, u li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tar-reżiljenza u l-kapaċità li wieħed ilaħħaq mal-kriżijiet u jirkupra minnhom.