17.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 422/1


AVVIŻ TA’ POST BATTAL ECA/2016/20

Żewġ postijiet ta’ direttur — Awditjar

(Grupp tal-funzjoni AD, grad 14)

(2016/C 422 A/01)

 

MIN AĦNA

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ibbażata fil-Lussemburgu, hija l-istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea stabbilita bit-Trattat biex twettaq l-awditjar tal-finanzi tal-UE. Bħala l-awditur estern tal-UE, hija tgħin fit-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE u taġixxi bħala gwardjan indipendenti tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini.

Matul l-awditi tagħha, il-Qorti teżamina r-riċeviment u l-użu tal-fondi tal-UE. Hija teżamina jekk it-tranżazzjonijiet finanzjarji ġewx irreġistrati u ddivulgati korrettement, implimentati bil-legalità u r-regolarità dovuti, u mmaniġġjati b’mod ekonomiku, effiċjenti u effettiv. Il-Qorti tippubblika r-riżultati tal-awditi tagħha f’rapporti ċari, rilevanti u oġġettivi. Hija tikteb ukoll opinjonijiet dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-ġestjoni finanzjarja.

Il-Qorti tippromwovi obbligu ta’ rendikont u trasparenza akbar u tassisti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, b’mod partikolari matul il-proċedura ta’ kwittanza. Hija impenjata li taħdem b’mod effiċjenti fuq il-quddiem nett tal-progress fl-awditjar u fl-amministrazzjoni tas-settur pubbliku.

Il-Qorti hija organizzata f’Awli tal-awditjar. Għandha struttura organizzazzjonali “ibbażata fuq il-kompiti”, bil-membri tal-persunal assenjati fi grupp li minnu jintgħażlu għal inkarigu amministrattiv fid-diversi Awli fuq bażi ta’ prijorità.

Kull Awla għandha Direttur li jorganizza, jikkoordina u jissorvelja x-xogħol tal-awditjar tagħha. Minbarra dan, huwa jassisti u jagħti parir lill-Membri tal-Awla fit-twettiq ta’ dmirijiethom. Id-Direttur huwa responsabbli biex:

jorganizza u jimmaniġġja x-xogħol tal-Awla;

jiċċekkja l-kwalità tax-xogħol tal-awditjar;

jikkoordina kwistjonijiet relatati mal-immaniġġjar tal-persunal.

X’QEGĦDIN NOFFRU

Aħna qegħdin infittxu li nirreklutaw żewġ Diretturi mill-1 ta’ Jannar 2017.

Il-Qorti ddeċidiet li tniedi din il-proċedura ta’ reklutaġġ għal żewġ postijiet ta’ direttur (AD 14) fl-Awli tagħha fuq il-bażi tal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”). Sabiex l-Awtorità tal-Ħatra jkollha għażla akbar ta’ kandidati, il-proċedura se ssir b’mod parallel ma’ proċeduri ta’ reklutaġġ interni u interistituzzjonali.

Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 14. Is-salarju bażiku ta’ kull xahar ikun ta’ EUR 13 641,95. Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal, ċerti allowances jistgħu jiġu miżjuda mas-salarju bażiku, li huwa suġġett għat-taxxa tal-UE u huwa eżentat mit-taxxa nazzjonali.

Bħala l-membru tal-persunal li għandu l-ogħla pożizzjoni fl-Awla, id-Direttur jirrapporta direttament lill-Membri tal-Awla. Id-Direttur jimmaniġġja r-riżorsi tal-Awla u għandu r-responsabbiltà kumplessiva għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma fil-ħin, fi ħdan il-baġit u f’konformità mar-rekwiżiti tal-kwalità tal-Qorti u mal-prattiki u l-istandards tal-awditjar tagħha. Għal din il-fini, id-Direttur jalloka għal kull kompitu:

ir-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa (inklużi ħtiġijiet tal-missjonijiet u esperti esterni);

ir-riżorsi tal-awditjar meħtieġa: persunal, taħriġ, kompetenza fl-oqsma tal-kwalità u tal-kontroll tal-kwalità, u għarfien.

Id-Direttur jassisti lid-Dekan fl-amministrazzjoni u t-tmexxija tal-Awla, kif ukoll fil-kompiti ta’ programmazzjoni, ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar. Huwa jiżgura t-twettiq tajjeb tal-missjonijiet u tal-kompiti kollha tal-awditjar li jiġu fdati lilu.

X’QEGĦDIN INFITTXU

Din il-proċedura ta’ reklutaġġ hija miftuħa għall-kandidati li, fid-data ta’ għeluq għall-applikazzjonijiet, ikollhom:

1.   Kwalifiki

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal:

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal kors ikkompletat ta’ studji universitarji li jwassal għal lawrja, fejn il-perjodu normali tal-istudju jkun ta’ erba’ snin jew aktar; jew

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal kors ikkompletat ta’ studji universitarji li jwassal għal lawrja, fejn il-perjodu normali tal-istudju ma jkunx inqas minn tliet snin, u mill-inqas sena waħda ta’ esperjenza professjonali rilevanti; jew

fejn ikun iġġustifikat fl-interessi tas-servizz, livell ekwivalenti ta’ taħriġ professjonali.

2.   Esperjenza professjonali

Esperjenza professjonali rilevanti u ddokumentata ta’ mill-inqas 15-il sena, preferibbilment f’livell internazzjonali, wara l-kisba tal-kwalifika msemmija hawn fuq; u esperjenza ta’ mill-inqas erba’ snin f’pożizzjonijiet maniġerjali. B’mod partikolari, tinħtieġ esperjenza soda u ddokumentata fl-awditjar (inklużi l-kontroll tal-kwalità tal-awditjar; proċeduri kontradittorji mal-partijiet awditjati).

3.   Għarfien

Għarfien eċċellenti tal-istandards u l-metodoloġija tal-awditjar, kemm f’termini ġenerali kif ukoll fl-oqsma tal-awditjar finanzjarju u tal-konformità u tal-ġestjoni finanzjarja tajba inpartikolari, u fl-oqsma tal-finanzi pubbliċi tal-UE u l-awditjar tas-settur pubbliku.

Għarfien approfondit ta’ lingwa uffiċjali tal-UE u għarfien sodisfaċenti ta’ mill-inqas lingwa uffiċjali oħra tal-UE; għarfien ta’ lingwi addizzjonali jkun ta’ vantaġġ. Għal raġunijiet operazzjonali, huwa meħtieġ għarfien tajjeb tal-Franċiż u tal-Ingliż.

4.   Ħiliet

(i)

Il-kapaċità li jfassal u jimplimenta strateġija, li jissettja objettivi u miri u li jirrapporta dwarhom;

(ii)

ħiliet ta’ komunikazzjoni u negozjar u l-kapaċità li jaħdem mal-partijiet interessati;

(iii)

għarfien eċċellenti tal-prattiki ta’ tmexxija;

(iv)

ħiliet interpersonali eċċellenti.

POLITIKA TA’ REKLUTAĠĠ

Il-Qorti timpjega fuq il-bażi ta’ opportunitajiet indaqs b’politika ta’ nondiskriminazzjoni, u tilqa’ applikazzjonijiet mingħand l-irġiel u n-nisa kollha li huma kwalifikati.

KUNDIZZJONIJIET TA’ REKLUTAĠĠ

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kandidat li jintgħażel irid:

ikun ċittadin ta’ Stat Membru tal-UE;

igawdi mid-drittijiet kollha bħala ċittadin;

ikun wettaq kull obbligu impost fuqu mil-liġijiet fir-rigward ta’ servizz militari;

jissodisfa r-rekwiżiti dwar il-karattru meħtieġa għad-dmirijiet involuti.

PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA

Se jitwaqqaf bord ta’ preselezzjoni.

Il-bord se jorganizza sensiela ta’ stadji eliminatorji, u f’kull stadju jivvaluta:

a.

id-dokumenti ppreżentati mill-kandidati (wara dan l-istadju, huma biss l-aħjar 10 kandidati eliġibbli li jipproċedu għall-istadju li jmiss);

b.

studju tal-każ bil-miktub; u

c.

intervista.

PREŻENTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONIJIET

L-applikazzjonijiet iridu jinkitbu bl-Ingliż jew bil-Franċiż, u għandhom jintbagħtu bl-e-Mail fl-indirizz li ġej: vacancies@eca.europa.eu

Nitolbuk tikkwota n-numru ta’ dan l-avviż ta’ post battal fil-linja tas-suġġett. L-applikazzjonijiet iridu jkunu akkumpanjati mid-dokumenti li ġejjin, kollha kemm huma bl-Ingliż jew bil-Franċiż:

ittra ta’ motivazzjoni ( mhux itwal minn paġna waħda );

CV aġġornat ( mhux itwal minn tliet paġni), li jrid ikun fil-format “Europass” (ara: http://europass.cedefop.europa.eu).

id-dikjarazzjoni formali mehmuża, ikkompletata, iffirmata u datata kif meħtieġ.

Kull applikazzjoni li ma ssegwix strettament dawn l-istruzzjonijiet ma tiġix ikkunsidrata

Id-data ta’ skadenza għall-applikazzjonijiet hija t-12 ta’ Diċembru 2016 f’nofsinhar.

TALBIET GĦAL REVIŻJONI — APPELLI — ILMENTI LILL-OMBUDSMAN EWROPEW

Jekk, f’xi stadju fil-proċedura tal-għażla, inti tħoss li xi deċiżjoni tolqtok b’mod negattiv, għandek id-drittijiet li ġejjin:

TALBIET GĦAL REVIŻJONI TAD-DEĊIŻJONIJIET MEĦUDA MILL-BORD TA’ PRESELEZZJONI

Fi żmien 10 ijiem min-notifika tad-deċiżjoni meħuda mill-bord ta’ preselezzjoni, inti tista’ tressaq talba bil-miktub għal reviżjoni ta’ dik id-deċiżjoni, fejn tagħti r-raġunijiet għat-talba tiegħek, u tibgħatha fl-indirizz li ġej: vacancies@eca.europa.eu

PROĊEDURA TA’ APPELLI

Skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, inti tista’ tippreżenta lment kontra deċiżjoni li tkun ittieħdet mill-Awtorità tal-Ħatra, fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ dik id-deċiżjoni, fl-indirizz li ġej:

European Court of Auditors

Secretary-General

12, rue Alcide De Gasperi

1615 Luxembourg

LUXEMBOURG

Skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, inti tista’ tapplika għal rimedju legali lil:

The General Court of the European Union

Rue du Fort Niedergrünewald

2925 Luxembourg

LUXEMBOURG

ILMENTI LILL-OMBUDSMAN EWROPEW

Bħala ċittadin tal-Unjoni Ewropea, inti tista’ tippreżenta lment lil:

The European Ombudsman

1 avenue du Président Robert Schuman — CS 30403

67001 Strasbourg Cedex

FRANCE

skont l-Artikolu 228(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (1).

Nitolbuk tinnota li lmenti ppreżentati lill-Ombudsman Ewropew ma għandhom l-ebda effett sospensiv fuq il-perjodu ta’ żmien stabbilit fl-Artikoli 90(2) u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-preżentazzjoni ta’ lmenti jew appelli lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

PROTEZZJONI TAD-DATA

Skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data  (2), il-Qorti tipproċessa d-data personali biss għall-għanijiet li għalihom tkun ġiet trażmessa.


(1)  ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Image

Image

Image

Image

Image

Image