15.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 99/4


SEJĦA GĦALL-PROPOSTI EACEA/05/2016

taħt il-Programm Erasmus+

Azzjoni Ewlenija 3: Appoġġ għar-riforma politika

Inklużjoni soċjali permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ

(2016/C 99/05)

1.   Deskrizzjoni, Għanijiet

Din is-sejħa għall-proposti sejra tappoġġja proġetti fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, li għandhom l-għan li jaġġornaw u jxerrdu prattiki tajbin innovattivi li jaqgħu taħt il-kamp tad-Dikjarazzjoni dwar il-Promozzjoni taċ-Ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni tas-17 ta’ Marzu 2015 (“id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi” (1)).

Proposta sottomessa taħt din is-sejħa għandha tindirizza b’mod partikolari wieħed miż-żewġ għanijiet ġenerali li ġejjin, li għandu jiġi indikat fil-formola tal-applikazzjoni:

1.

Il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni vjolenti u l-promozzjoni tal-valuri demokratiċi, id-drittijiet fundamentali, il-fehim interkulturali u ċ-ċittadinanza attiva

2.

Trawwim tal-inklużjoni ta’ studenti żvantaġġati, inklużi persuni li ġejjin minn sfond ta’ migrazzjoni, filwaqt li jiġu impeduti u miġġielda l-prattiki diskriminatorji.

Barra minn hekk, kull proposta għandha tindirizza għall-inqas wieħed u massimu ta’ tlieta minn dawn l-għanijiet speċifiċi li ġejjin:

1.

It-titjib tal-akkwist ta’ kompetenzi soċjali u ċiviċi, it-trawwim tal-għarfien, il-fehim u s-sjieda ta’ valuri demokratiċi u d-drittijiet fundamentali;

2.

Il-prevenzjoni u l-ġlieda ta’ kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni u segregazzjoni fl-edukazzjoni;

3.

Il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-ambjent tat-tagħlim, il-ġlieda kontra l-isterjotipi tal-ġeneru u l-prevenzjoni tal-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru;

4.

It-tisħiħ tal-aċċess għall-edukazzjoni ewlenija ta’ kwalità u inklussiva kif ukoll taħriġ b’fokus fuq il-bżonnijiet ta’ studenti żvantaġġati;

5.

It-trawwim ta’ fehim reċiproku u rispett fost popli li ġejjin minn sfondi etniċi jew reliġjużi, twemmin jew konvinzjonijiet differenti, inkluż billi jiġi indirizzat l-isterjotipar u billi jiġi indirizzat id-djalogu interkulturali;

6.

It-tisħiħ tal-ħsieb kritiku, il-litteriżmu ċibernetiku u tal-midja fost it-tfal, iż-żgħażagħ, il-ħaddiema żgħażagħ u l-persunal fl-edukazzjoni;

7.

Il-ħolqien ta’ ambjenti ta’ tagħlim inklussivi u demokratiċi;

8.

Is-sostenn tal-għalliema, l-edukaturi fil-ġestjoni ta’ kunflitti u fl-indirizzar tad-diversità;

9.

Il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet u fl-istituzzjonijiet magħluqin;

10.

L-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja soċjali u ċivika u l-iżvilupp ta’ prattiki ta’ inklużjoni u ta’ outreach biex jintlaħqu ż-żgħażagħ;

11.

L-iffaċilitar tal-akkwiżizzjoni tal-lingwa(i) ta’ struzzjoni għall-migranti li jkunu għadhom kif jaslu;

12.

Il-valutazzjoni tal-għarfien u l-validazzjoni qabel it-tagħlim ta’ migranti li jkunu għadhom kif jaslu;

13.

It-tisħiħ tal-kwalità tal-attivitajiet ta’ tagħlim mhux formali, il-prattiki tax-xogħol taż-żgħażagħ u l-volontarjat.

Din is-sejħa tinkludi żewġ lottijiet:

Lott 1

:

Edukazzjoni u Taħriġ

Lott 2

:

Iż-żgħażagħ

L-applikanti għandhom jindirizzaw biss wieħed mil-Lottijiet imsemmija hawn fuq u jindikawh fil-formola tal-applikazzjoni.

Din is-sejħa tappoġġja tliet linji ta’ żvilupp tal-proġett:

Linja ta’ żvilupp 1

:

Proġetti ta’ kooperazzjoni transnazzjonali (Lott 1 u Lott 2)

Linja ta’ żvilupp 2

:

Proġetti ta’ volontarjat fuq skala kbira (Lott 2)

Linja ta’ żvilupp 3

:

Netwerking tal-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ (2) (Lott 2)

L-applikanti għandhom jindirizzaw biss waħda mil-Linji ta’ Żvilupp imsemmija hawn fuq u jindikawha fil-formola tal-applikazzjoni.

2.   Applikanti eliġibbli

L-applikanti eliġibbli huma organizzazzjonijiet pubbliċi u privati attivi fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ fl-oqsma koperti mid-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi. L-applikanti meqjusin eliġibbli biex iwieġbu għal din is-sejħa huma:

istituzzjonijiet edukattivi u fornituri oħrajn tat-tagħlim;

awtoritajiet pubbliċi fil-livell nazzjonali/reġjonali/lokali responsabbli għall-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ;

l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ (NGOs);

istituzzjonijiet tar-riċerka;

organizzazzjonijiet kummerċjali u sħab soċjali;

ċentri ta’ gwida u rikonoxximent;

organizzazzjonijiet internazzjonali;

kumpaniji privati;

netwerks tal-organizzazzjonijiet elenkati hawn fuq huma eliġibbli wkoll diment li jkollhom personalità ġuridika;

l-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ fil-qasam taż-żgħażagħ (3).

Applikazzjonijiet mill-entitajiet ġuridiċi stabbiliti f’wieħed mill-pajjiżi li ġejjin biss huma eliġibbli:

it-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea,

il-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE: l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja;

il-pajjiżi kandidati tal-UE: it-Turkija, dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja

Rekwiżiti minimi tal-kompożizzjoni tas-sħubija

Linja ta’ żvilupp 1

:

4 organizzazzjonijiet jirrappreżentaw 4 pajjiżi eliġibbli. Jekk in-netwerks huma involuti fil-proġett, is-sħubija għandha tinkludi tal-inqas 2 organizzazzjonijiet li mhumiex membri ta’ netwerk (jiġifieri żewġ sħab ta’ netwerk flimkien ma’ 2 organizzazzjonijiet mhux membri tan-netwerk);

Linja ta’ żvilupp 2

:

3 organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw 3 pajjiżi eliġibbli.

Linja ta’ żvilupp 3

:

4 Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ fil-qasam taż-żgħażagħ, li jirrappreżentaw 4 pajjiżi eliġibbli.

3.   Attivitajiet Eliġibbli u d-Durata tal-Proġett

L-attivitajiet għandhom jibdew bejn l-1 u l-31 ta’ Diċembru 2016. Id-durata tal-proġett hija stabbilita għal jew 24 jew 36 xahar. Madankollu, jekk wara l-iffirmar tal-ftehim u l-bidu tal-proġett, għal raġunijiet kompletament iġġustifikati li mhumiex fil-kontroll tiegħu, isir impossibbli għall-benefiċjarju li jtemm il-proġett fi żmien il-perjodu skedat, tista’ tingħata estensjoni għall-perjodu ta’ eliġibilità. Tingħata estensjoni massima ta’ 6 xhur oħra, jekk it-talba ssir qabel l-iskadenza speċifikata fil-ftehim. Imbagħad, id-durata massima tkun ta’ 42 xahar.

L-attivitajiet li sejrin jiġu ffinanzjati taħt din is-sejħa jistgħu jinkludu (lista mhux eżawrjenti):

Linja ta’ żvilupp 1 - Proġetti ta’ kooperazzjoni transnazzjonali

Kooperazzjoni/sħubijiet u mudelli ta’ netwerking li jinvolvu kombinazzjonijiet ta’ partijiet interessati (pubbliċi/privati) rilevanti fis-setturi differenti kollha;

Adattament tal-prattiki tat-tagħlim, għodda u materjali, inklużi kurrikula u korsijiet tad-disinn;

Konferenzi, seminars, workshops u laqgħat ma’ dawk li jfasslu l-politiki u jieħdu d-deċiżjonijiet;

Valutazzjoni, kondiviżjoni u validazzjoni ta’ prattika tajba u esperjenzi ta’ tagħlim;

Taħriġ u attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità (eż għall-għalliema, iż-żgħażagħ, l-awtoritajiet lokali, il-persunal tal-ħabsijiet, eċċ.);

Approċċi ta’ appoġġ u prattiki ta’ outreach miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ;

Attivitajiet immirati ta’ sensibilizzazzjoni u disseminazzjoni bbażati fuq strateġiji ta’ komunikazzjoni effettivi u li jinvolvu materjal ta’ informazzjoni;

Rakkomandazzjonijiet operazzjonali jew politiki fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ li huma rilevanti għall-għanijiet tad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi;

Attivitajiet ta’ evalwazzjoni.

Linja ta’ żvilupp 2 - Proġetti ta’ volontarjat fuq skala kbira:

Attivitajiet ta’ volontarjat ta’ persuni żgħażagħ ta’ etajiet bejn 17-30 sena residenti f’pajjiż eliġibbli b’durata ta’ bejn xahrejn u 12-il xahar

Attivitajiet immirati ta’ sensibilizzazzjoni u disseminazzjoni, inklużi materjal ta’ informazzjoni u strateġiji ta’ komunikazzjoni effettivi;

Konferenzi, seminars, workshops u laqgħat ma’ dawk li jfasslu l-politiki u jieħdu d-deċiżjonijiet;

Rakkomandazzjonijiet operazzjonali jew politiki fil-qasam tal-volontarjat li huma rilevanti għas-sitwazzjoni ta’ migranti li jkunu għadhom kemm jaslu;

Approċċi ta’ appoġġ u prattiki ta’ outreach li jindirizzaw liż-żgħażagħ mill-gruppi żvantaġġati taż-żgħażagħ;

Attivitajiet ta’ evalwazzjoni.

Linja ta’ żvilupp 3 - Netwerking tal-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+

Attivitajiet immirati ta’ sensibilizzazzjoni u disseminazzjoni, inklużi materjal ta’ informazzjoni u strateġiji ta’ komunikazzjoni effettivi;

Konferenzi, seminars, workshops u laqgħat ma’ dawk li jfasslu l-politiki u jieħdu d-deċiżjonijiet;

Valutazzjoni, kondiviżjoni u validazzjoni ta’ prattika tajba u esperjenzi ta’ tagħlim;

Kooperazzjoni/sħubijiet u mudelli ta’ netwerking li jinvolvu kombinazzjonijiet ta’ partijiet interessati (pubbliċi/privati) rilevanti fis-setturi differenti kollha;

Żvilupp ta’ prattiki tat-tagħlim, għodda u materjali;

Tfassil ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ politiki u eżempji tal-aħjar prattika

Approċċi ta’ appoġġ u prattiki ta’ outreach li jindirizzaw liż-żgħażagħ minn gruppi żvantaġġati;

Taħriġ u attivitajiet oħra ta’ bini tal-kapaċità għall-organizzazzjonijiet/istituzzjonijiet inklużi żgħażagħ u voluntiera;

Integrazzjoni ta’ innovazzjonijiet/prattiki tajba ppruvati u ttestjati fis-sistemi lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej u l-integrazzjoni tagħhom;

Xogħol taż-żgħażagħ fil-livell lokali u attivitajiet ta’ volontarjat għall-ittestjar tal-għarfien li jkun inġabar;

Attivitajiet ta’ evalwazzjoni.

Taħt il-Linji ta’ Żvilupp 1 u 3, l-attivitajiet li jseħħu f’pajjiżi eliġibbli biss se jiġu kkunsidrati eliġibbli għall-finanzjament Taħt il-Linja ta’ Żvilupp 2, l-attivitajiet li jseħħu fl-Istati Membri tal-UE biss se jiġu kkunsidrati eliġibbli għall-finanzjament.

4.   Kriterji tal-Għoti

L-applikazzjonijiet eliġibbli sejrin jiġu vvalutati fuq il-bażi tal-kriterji tal-esklużjoni, is-selezzjoni u l-għoti (4).

Il-kriterji tal-għoti għall-finanzjament ta’ applikazzjoni huma:

1.

Ir-rilevanza (30 %)

2.

Il-kwalità tat-tfassil tal-proġett u l-implimentazzjoni (20 %)

3.

Il-kwalità tas-sħubija u l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni (20 %);

4.

L-impatt, id-disseminazzjoni u s-sostenibbiltà (30 %).

Il-proposti biss li jkunu laħqu:

tal-inqas il-limitu minimu ta’ 60 % tar-riżultat totali (jiġifieri riżultat aggregat tal-4 kriterji tal-għoti) kif ukoll

tal-inqas il-limitu minimu ta’ 50 % ta’ kull kriterju

se jiġu kkunsidrati għall-finanzjament tal-UE.

5.   Baġit

Il-baġit totali disponibbli għall-kofinanzjament tal-proġetti taħt din is-sejħa għal proposti huwa ta’ EUR 13 000 000, allokati kif ġej:

Lott 1

Edukazzjoni u Taħriġ EUR 10 000 000

Lott 2

Żgħażagħ EUR 3 000 000

Baġit għal kull Lott u allokazzjoni indikattiva għal kull Linja ta’ Żvilupp

Linja ta’ żvilupp 1

:

Proġetti ta’ kooperazzjoni transnazzjonali

Total: EUR 10 500 000

Lott 1: EUR 10 000 000

Lott 2: EUR 500 000

Linja ta’ żvilupp 2

:

Proġetti ta’ Volontarjat fuq Skala Kbira:

Lott 2: EUR 1 000 000

Linja ta’ żvilupp 3

:

Attivitajiet ta’ Netwerking tal-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+

Lott 2: EUR 1 500 000

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-UE ma tistax taqbeż 90 % tal-ispejjeż totali eliġibbli tal-proġett.

L-għotja massima għal kull proġett se tkun ta’ EUR 500 000.

L-Aġenżija tirriżerva d-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli għal din is-sejħa.

6.   Proċedura ta’ Sottomissjoni u Skadenza

Qabel jippreżentaw l-applikazzjoni elettronika, l-applikanti se jkollhom jirreġistraw l-organizzazzjoni tagħhom fil-Portal tal-Parteċipanti għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv, il-Kultura, iċ-Ċittadinanza u l-Volontarjat u jirċievu Kodiċi ta’ Identifikazzjoni tal-Parteċipant (PIC). Il-PIC sejjer jintalab fil-formola tal-applikazzjoni.

Il-Portal tal-Parteċipant huwa l-għodda li permezz tiegħu sejra tiġi ġestita l-informazzjoni ġuridika u finanzjarja kollha relatata mal-organizzazzjonijiet. L-informazzjoni dwar kif tirreġistra tista’ tinstab fil-portal fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/education/participants/portal

L-applikanti huma mitlubin jaqraw sew l-informazzjoni kollha dwar is-sejħa għal proposti u l-proċedura ta’ sottomissjoni, u jużaw id-dokumenti li jifformaw parti mill-applikazzjoni (Pakkett tal-Applikazzjoni) fuq: https://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/funding/key-action-3-initiatives-for-policy-innovation-social-inclusion-through-education-training-and-youth_en

Il-Pakkett tal-Applikazzjoni għandu jiġi sottomess onlajn bl-użu tal-formola elettronika korretta, jimtela kif suppost u jkun jinkludi l-annessi u d-dokumenti ta’ ġustifikazzjoni kollha rilevanti u applikabbli. Il-formoli tal-applikazzjoni huma disponibbli fuq l-Internet fl-indirizz li ġej: https://eacea.ec.europa.eu/PPMT/.

Il-formoli tal-applikazzjoni li ma jinkludux l-informazzjoni kollha meħtieġa u li ma jiġux sottomessi onlajn sal-iskadenza mhumiex sejrin jiġu kkunsidrati.

L-applikazzjonijiet għall-għoti għandhom jitfasslu f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE.

Skadenza tas-sottomissjoni: 30 ta’ Mejju 2016 - 12.00 (nofsinhar) CET

7.   Iktar informazzjoni

Għal aktar dettalji jekk jogħġbok irreferi għal-Linji Gwida għall-Applikanti.

Il-Linji Gwida tas-Sejħa u l-Pakkett tal-Applikazzjoni huma disponibbli minn dan is-sit web li ġej:

https://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/funding/key-action-3-initiatives-for-policy-innovation-social-inclusion-through-education-training-and-youth_en

Bil-posta elettronika: EACEA-Policy-Support@ec.europa.eu


(1)  http://ec.europa.eu/education/news/2015/documents/citizenship-education-declaration_en.pdf

(2)  Il-lista tal-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ fil-qasam taż-żgħażagħ tista’ tinstab fuq: http://ec.europa.eu/youth/partners_networks/national_agencies_en.htm

(3)  Għal-Linja ta’ Żvilupp 3 biss

(4)  Ara l-Linji gwida għall-Applikanti taqsimiet 7, 8 u 9