23.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/9


SEJĦA GĦALL-PROPOSTI

“Appoġġ għal miżuri ta' informazzjoni relatati mal-politika agrikola komuni (PAK)” għall-2016

(2015/C 351/09)

1.   INTRODUZZJONI — SFOND

Din is-sejħa għall-proposti hija bbażata fuq ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1).

Din is-sejħa għall-proposti hija rregolata wkoll permezz tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (2) (minn hawn 'il quddiem ir-Regolament Finanzjarju (FR)) u permezz tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (3) (minn hawn 'il quddiem ir-Regolament dwar ir-Regoli tal-Applikazzjoni (RAP)).

Din hija sejħa għall-proposti għall-finanzjament ta' miżuri ta' informazzjoni, kif deskritti fl-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, mill-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-2016.

2.   GĦANIJIET, TEMA/I U PUBBLIKU FIL-MIRA

2.1.   Għanijiet

B'mod partikolari, il-miżuri ta' informazzjoni għandhom l-għan li jgħinu fl-ispjegazzjoni, fl-implimentazzjoni u fl-iżvilupp tal-PAK biex irawmu s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar il-kontenut u l-għanijiet tagħha, li jinfurmaw lill-bdiewa u lil partijiet attivi oħra f'żoni rurali u li jippromwovu l-mudell Ewropew tal-agrikoltura, kif ukoll jgħinu liċ-ċittadini jifhmuh.

Miżura ta' informazzjoni hija sensiela indipendenti u koerenti ta' attivitajiet ta' informazzjoni mwettqa abbażi ta' baġit uniku.

2.2.   Tema

It-tema ta' din is-sejħa hija: Il-Politika Agrikola Komuni u l-isfidi għall-ġejjieni.

Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) hija fundamentali għas-sigurtà tal-ikel fit-tul u tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni, bħalma huma l-investiment, l-impjiegi u t-tkabbir, it-tibdil fil-klima, is-suq intern, is-suq uniku diġitali, u oħrajn (4). Il-PAK tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli u għall-immodernizzar tal-agrikoltura Ewropea u tal-ekonomija rurali usa'. Tgħin ukoll biex tindirizza l-isfida globali ta' “żiediet fil-produzzjoni bl-użu ta' inqas riżorsi”.

2.3.   Pubbliku fil-mira

Il-pubbliku fil-mira huwa l-pubbliku ġenerali (b'mod partikolari ż-żgħażagħ fiż-żona urbani) u/jew il-bdiewa u partijiet attivi oħra f'żoni rurali.

3.   SKEDA

 

Stadji

Data u żmien jew perjodu indikattiv

(a)

Pubblikazzjoni tas-sejħa

Ottubru 2015

(b)

Data ta' skadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet

fit-30 ta' Novembru 2015.

(c)

Perjodu ta' evalwazzjoni

bejn il-15 ta' Diċembru 2015 u l-15 ta' Marzu 2016

(d)

Informazzjoni għall-applikanti

April 2016

(e)

Iffirmar tal-ftehimiet ta' finanzjament

April 2016

(f)

Data tal-bidu tal-miżura

fl-1 ta' Mejju 2016.

4.   BAĠIT DISPONIBBLI

Il-baġit totali allokat għall-kofinanzjament tal-attivitajiet huwa stmat li jlaħħaq l-EUR 2 500 000.

Dan l-ammont huwa suġġett għad-disponibbiltà tal-approprjazzjonijiet previsti fl-abbozz tal-baġit għall-2016 wara l-adozzjoni tal-baġit għall-2016 mill-awtorità baġitarja jew previsti fis-sistema tad-dodiċeżmi proviżorji.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli.

5.   REKWIŻITI TA' AMMISSIBBILTÀ

L-applikazzjonijiet iridu jintbagħtu bil-posta (ittra rreġistrata, it-timbru tar-reġistrazzjoni tal-posta jittieħed bħala prova tad-data ta' meta tkun intbagħtet) jew permezz ta' servizz tal-kurjer (id-data tal-irċevuta mis-servizz tal-kurjer tittieħed bħala prova tad-data ta' meta tkun intbagħtet) sa mhux aktar tard mit-30 ta' Novembru 2015.

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi bil-miktub (ara t-taqsima 14), bl-użu tal-formoli tal-applikazzjoni u tal-baġit disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/agriculture/grants-for-information-measures/

L-applikazzjonijiet għandhom jinkitbu b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE. Madankollu, biex ikun iffaċilitat l-ipproċessar f'waqtu tal-applikazzjonijiet, l-applikanti jitħeġġu jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż;

L-applikanti jistgħu jissottomettu applikazzjoni waħda biss għal din is-sejħa għall-proposti.

In-nuqqas ta' konformità ma' dawn ir-rekwiżiti jwassal għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni.

6.   KRITERJI TA' ELIĠIBBILTÀ

6.1.   Applikanti eliġibbli

L-applikant (u, jekk ikun hemm, l-entitajiet affiljati tiegħu) għandu jkun entità ġuridika stabbilita fi Stat Membru tal-UE.

L-entitajiet li ma għandhomx personalità ġuridika taħt il-liġi nazzjonali applikabbli jistgħu jkunu applikanti eliġibbli, sakemm ir-rappreżentanti tagħhom jkollhom il-kapaċità li jossidisfaw l-obbligi legali f'isimhom u joffru garanziji għall-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni li jkunu daqs dawk offruti minn persuni ġuridiċi u sakemm jipprovdu evidenza li għandhom kapaċità finanzjarja u operattiva daqs dik tal-persuni ġuridiċi.

Id-dokumenti ta' prova għandhom jiġu ppreżentati flimkien mal-formola ta' applikazzjoni.

Il-persuni fiżiċi kif ukoll l-entitajiet stabbiliti biss għall-implimentazzjoni ta' miżura ta' informazzjoni f'din is-sejħa għall-proposti, mhumiex applikanti eliġibbli.

Eżempji ta' organizzazzjonijiet eliġibbli:

organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ (kemm privati kif ukoll pubbliċi),

awtoritajiet pubbliċi (nazzjonali, reġjonali, lokali),

assoċjazzjonijiet Ewropej,

universitajiet,

istituzzjonijiet edukattivi,

ċentri ta' riċerka,

u kumpaniji (pereżempju kumpaniji tal-midja tal-komunikazzjoni).

L-entitajiet ġuridiċi li għandhom rabta ġuridika jew ta' kapital mal-applikanti, li la tkun limitata għall-miżura ta' informazzjoni u lanqas stabbilita biss għall-implimentazzjoni tagħha, (bħall-membri ta' netwerks, il-federazzjonijiet, it-trejdjunjins), jistgħu jieħdu sehem fil-miżura ta' informazzjoni bħala entitajiet affiljati, u jistgħu jiddikjaraw l-ispejjeż eliġibbli kif speċifikat fit-taqsima 11.2.

Ir-rabta ġuridika u ta' kapital ma tridx tkun limitata għall-miżura ta' informazzjoni u lanqas stabbilita biss għall-implimentazzjoni tagħha. Dan ifisser li r-rabta tkun teżisti indipendentament mill-għoti tal-finanzjament; għandha teżisti qabel is-sejħa għall-proposti u tibqa' valida wara li tintemm il-miżura ta' informazzjoni.

Ir-rabta ġuridika u ta' kapital li tiddefinixxi l-affiljazzjoni tinkludi tliet kunċetti:

(i)

Kontroll, kif iddefinit fid-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi.

Għalhekk, l-entitajiet affiljati ma' benefiċjarju jistgħu jkunu:

Entitajiet direttament jew indirettament ikkontrollati mill-benefiċjarju (kumpaniji filjali jew sussidjarji primarji). Jistgħu jkunu wkoll entitajiet ikkontrollati minn entità li hija kkontrollata mill-benefiċjarju (kumpaniji sottofiljali jew sussidjarji sekondarji) u l-istess japplika għal-livelli l-oħra tal-kontroll,

Entitajiet li jikkontrollaw direttament jew indirettament lill-benefiċjarju (kumpaniji prinċipali). Bl-istess mod, jistgħu jkunu entitajiet li jikkontrollaw entità li tikkontrolla lill-benefiċjarju,

Entitajiet taħt l-istess kontroll dirett jew indirett bħall-benefiċjarju (kumpaniji kofiljali).

(ii)

Sħubija, jiġifieri l-benefiċjarju huwa legalment iddefinit bħal pereżempju, netwerk, federazzjoni, assoċjazzjoni, li fiha jipparteċipaw ukoll l-entitajiet proposti affiljati jew jipparteċipa l-benefiċjarju fl-istess entità (pereżempju netwerk, federazzjoni, assoċjazzjoni) bħall-entitajiet affiljati proposti.

(iii)

Il-każ speċifiku tal-korpi pubbliċi u tal-entitajiet ta' proprjetà pubblika.

L-entitajiet ta' proprjetà pubblika u l-korpi pubbliċi (l-entitajiet stabbiliti bħala tali skont il-liġi nazzjonali, Ewropea jew internazzjonali) mhux dejjem jitqiesu bħala entitajiet affiljati (pereżempju, l-universitajiet pubbliċi jew iċ-ċentri ta' riċerka).

Il-kunċett ta' affiljazzjoni fl-isfera pubblika jkopri:

Il-livelli differenti tal-istruttura amministrattiva fil-każ ta' amministrazzjoni deċentralizzata pereżempju l-ministeri nazzjonali, reġjonali jew lokali (fil-każ ta' entitajiet ġuridiċi separati) jistgħu jitqiesu bħala affiljati mal-Istat;

Korp pubbliku stabbilit minn awtorità pubblika biex jaqdi skop amministrattiv u li huwa sorveljat mill-awtorità pubblika. Din il-kundizzjoni għandha tiġi vverifikata abbażi tal-istatuti jew l-atti l-oħra li jistabbilixxu l-korp pubbliku. Mhux neċessarjament tinvolvi l-finanzjament sħiħ jew parzjali tal-korp pubbliku mill-baġit pubbliku (bħall-iskejjel nazzjonali affiljati mal-Istat).

Dawn li ġejjin mhumiex entitajiet affiljati ma' benefiċjarju:

Entitajiet li daħlu f'kuntratt jew sottokuntratt (ta' akkwist) mal-benefiċjarju, jaġixxu bħala konċessjonarji jew delegati tas-servizzi pubbliċi għall-benefiċjarju,

Entitajiet li jirċievu appoġġ finanzjarju mill-benefiċjarju,

Entitajiet li jikkooperaw fuq bażi regolari mal-benefiċjarju abbażi ta' memorandum ta' ftehim jew billi jaqsmu xi assi,

Entitajiet li ffirmaw ftehim ta' konsorzju skont il-ftehim ta' finanzjament.

Jekk l-entitajiet affiljati jieħdu sehem fil-miżura ta' informazzjoni, l-applikazzjoni għandha:

tidentifika lil dawn l-entitajiet affilajti fil-formola ta' applikazzjoni,

tinkludi l-ftehim bil-miktub tal-entitajiet affiljati,

tipprovdi d-dokumenti ta' prova li jippermettu li ssir il-verifika tal-konformità tagħhom mal-kriterji ta' eliġibbiltà u ta' nonesklużjoni.

Għall-valutazzjoni tal-eliġibbiltà tal-applikanti, jintalbu d-dokumenti ta' prova li ġejjin għall-applikant u għall-entitajiet affiljati tiegħu:

Dokument

Deskrizzjoni

Osservazzjonijiet

Dokument A

kopja tal-artikoli tal-atti/istatuti ta' assoċjazzjoni/twaqqif jew dawk ekwivalenti

 

Dokument B

kopja taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni uffiċjali jew xi dokument ieħor uffiċjali li jiċċertifika l-istabbiliment tal-entità

 

Dokument C (jekk rilevanti)

dokument li jiċċertifika rabta ġuridika jew ta' kapital mal-applikant.

Għall-entitajiet affiljati

L-entitajiet mingħajr personalità ġuridika għandhom jissottomettu d-dokumenti elenkati hawn fuq. Jekk ma jkunux jistgħu jiġu sottomessi d-dokumenti elenkati hawn fuq, dawn għandhom jiġu sostanzjati minn kull dokument li jitqies rilevanti.

Barra minn hekk, iridu jipprovdu dokument li jiċċertifika li r-rappreżentanti legali tagħhom għandhom il-kapaċità li jissodisfaw l-obbligi legali f'isimhom.

6.2.   Attivitajiet eliġibbli u perjodu ta' implimentazzjoni skont din is-sejħa għall-proposti

A.   Il-miżuri ta' informazzjoni għandhom jiġu implimentati:

fil-livell multireġjonali jew nazzjonali;

fil-livell Ewropew (b'impatt f'diversi Stati Membri).

B.   Il-miżuri ta' informazzjoni għandhom jinkludu attività waħda jew aktar bħal (il-lista mhix eżawrjenti):

Il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' materjal multimedjatiku jew awdjoviżiv,

Il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' materjal stampat (pubblikazzjonijiet, posters, eċċ.),

L-istabbiliment ta' għodod tal-Internet u tan-netwerking soċjali,

Avvenimenti tal-midja,

Konferenzi, seminars, sessjonijiet ta' ħidma (preferibbilment web streamed) u studji dwar kwistjonijiet relatati mal-PAK,

Avvenimenti tat-tip “azjenda agrikola fil-belt” (city farm) li jgħinu biex tiġi spjegata l-importanza tal-agrikoltura lill-populazzjoni urbana,

Avvenimenti tat-tip “azjenda agrikola miftuħa” (open farm) bil-għan li juru liċ-ċittadini r-rwol tal-agrikoltura (pereżempju, l-aħjar prattiki, il-proġetti ta' innovazzjoni),

Wirjiet statiċi jew mobbli jew punti ta' informazzjoni.

C.   L-azzjonijiet li ġejjin mhumiex eliġibbli:

il-miżuri obbligatorji bil-liġi,

il-miżuri li jirċievu finanzjament mill-UE minn linja baġitarja oħra,

il-laqgħat ġenerali jew il-laqgħat statutorji,

l-attivitajiet implimentati fil-livell lokali.

D.   Il-perjodu indikattiv ta' implimentazzjoni għall-miżuri ta' informazzjoni

bejn l-1 ta' Mejju 2016 u t-30 ta' April 2017.

7.   KRITERJI TA' ESKLUŻJONI

7.1.   Esklużjoni mill-parteċipazzjoni

L-applikanti jiġu esklużi milli jipparteċipaw fis-sejħa għall-proposti jekk ikunu jinsabu f'xi waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

huma falluti jew fi proċess ta' stralċ, qed jiġu amministrati mill-Qrati, daħlu fi ftehim ma' kredituri, issospendew l-attivitajiet kummerċjali, huma suġġetti ta' proċeduri li għandhom x'jaqsmu ma' dawn il-kwistjonijiet, jew huma fi kwalunkwe sitwazzjoni analoga li tirriżulta minn proċedura simili stipulata fil-leġiżlazzjoni jew fir-regolamenti nazzjonali;

(b)

huma, jew persuni bis-setgħa tar-rappreżentazzjoni, tat-teħid ta' deċiżjonijiet, jew ta' kontroll fuqhom, instabu ħatja ta' reat li jirrigwarda l-kondotta professjonali tagħhom b'sentenza ta' awtorità kompetenti ta' Stat Membru li għandha l-forza ta' res judicata;

(c)

kienu ħatja ta' kondotta ħażina serja professjonali ppruvata b'kull mezz li l-awtorità kontraenti tista' tiġġustifika, inkluż b'deċiżjonijiet tal-BEI u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali;

(d)

ma ssodisfawx l-obbligi tagħhom relatati mal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew mal-ħlas tat-taxxi skont id-dispożizzjonijiet legali tal-pajjiż fejn huma stabbiliti, jew ma' dawk tal-pajjiż tal-Uffiċjal Awtorizzanti Responsabbli (RAO), jew ma' dawk tal-pajjiż ta' fejn il-ftehim tal-finanzjament ikun se jiġi esegwit;

(e)

huma, jew persuni bis-setgħa ta' rappreżentazzjoni, tat-teħid ta' deċiżjonijiet jew ta' kontroll fuqhom, kienu soġġetti għal sentenza li għandha l-forza ta' res judicata għall-frodi, il-korruzzjoni, l-involviment f'organizzazzjoni kriminali, il-ħasil tal-flus jew kull attività illegali oħra, fejn din l-attività illegali hija ta' detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

(f)

huma attwalment soġġetti għal penali amministrattiva msemmija fl-Artikolu 109(1).

7.2.   Esklużjoni mill-għoti

L-applikanti ma jingħatawx appoġġ finanzjarju jekk, matul il-proċedura tal-għoti ta' finanzjament, huma jkunu:

(a)

soġġetti għal kunflitt ta' interess;

(b)

ħatja ta' dikjarazzjoni falza huma u jagħtu l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni bħala kundizzjoni għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedura tal-għoti ta' finanzjament, jew ma jkunux ipprovdew din l-informazzjoni;

(c)

jinsabu f'waħda mis-sitwazzjonijiet ta' esklużjoni msemmija fit-taqsima 7.1.

L-istess kriterji ta' esklużjoni mill-parteċipazzjoni japplikaw għall-entitajiet affiljati.

Fejn applikabbli, jistgħu jiġu imposti penali amministrattivi u finanzjarji fuq l-applikanti jew l-entitajiet affiljati, li huma ħatja ta' dikjarazzjoni falza.

7.3.   Dokumenti ta' prova

L-applikanti u l-entitajiet affiljati jridu jiffirmaw dikjarazzjoni fuq l-unur tagħhom li tiċċertifika li mhumiex f'waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 106(1) u 107 sa 109 tar-Regolament Finanzjarju, billi jimlew il-formola rilevanti mehmuża mal-formola tal-applikazzjoni li takkumpanja s-sejħa għall-proposti u li hija disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/agriculture/grants-for-information-measures/

Skont l-Artikolu 185 tar-Regolament dwar ir-Regoli tal-Applikazzjoni u l-Artikolu 131.4 tar-Regolament Finanzjarju, din iċ-ċertifikazzjoni mhix meħtieġa għall-finanzjamenti ta' valur baxx, jiġifieri ≤ EUR 60 000, jew meta din iċ-ċertifikazzjoni tkun ingħatat reċentament fi proċedura ta' għoti oħra.

8.   KRITERJI TAL-GĦAŻLA

8.1.   Kapaċità finanzjarja

L-applikanti jrid ikollhom sorsi stabbli u suffiċjenti ta' finanzjament biex isostnu l-attività tagħhom tul il-perjodu sħiħ li matulu titwettaq il-miżura ta' informazzjoni jew fis-sena li għaliha jingħata l-finazjament, u biex jieħdu sehem fl-għoti tal-finanzjament tagħhom. Il-kapaċità finanzjarja tal-applikanti se tiġi vvalutata abbażi ta' dawn id-dokumenti ta' prova li jkunu sottomessi flimkien mal-applikazzjoni:

Finanzjamenti ta' valur baxx (≤ EUR 60 000):

dikjarazzjoni fuq l-unur tagħhom.

Finanzjamenti > EUR 60 000:

dikjarazzjoni fuq l-unur tagħhom, u

r-rapport tal-introjtu u l-karta tal-bilanċ għall-aħħar sena finanzjarja li ngħalqu l-kontijiet tagħha,

għall-entitajiet ġodda, il-pjan kummerċjali jista' jieħu post id-dokumenti msemmija hawn fuq.

L-entitajiet mingħajr personalità ġuridika jridu jipprovdu evidenza li għandhom kapaċità finanzjarja daqs dik tal-persuni ġuridiċi.

Il-verifika tal-kapaċità finanzjarja m'għandhiex tapplika għall-korpi pubbliċi. Għalhekk, id-dokumenti msemmija hawn fuq ma għandhomx jingħataw jekk l-applikant ikun korp pubbliku.

Abbażi tad-dokumenti sottomessi, jekk l-Uffiċjal Awtorizzanti b'Sottodelega (AOSD) jqis li l-kapaċità finanzjarja mhijiex sodisfaċenti, huwa jista':

jitlob aktar informazzjoni,

jirrifjuta l-applikazzjoni.

8.2.   Kapaċità operattiva

L-applikanti jrid ikollhom il-kompetenzi professjonali kif ukoll il-kwalifiki xierqa meħtieġa biex itemmu il-miżura ta' informazzjoni proposta.

F'dan ir-rigward, l-applikanti għandhom jissottomettu d-dokumenti ta' prova li ġejjin:

curriculum vitae jew deskrizzjoni tal-profil tal-persuni primarjament responsabbli mill-ġestjoni u mill-implimentazzjoni tal-miżura ta' informazzjoni,

ir-rapporti ta' attività tal-organizzazzjoni ta' dawn l-aħħar sentejn,

lista ta' proġetti u ta' attivitajiet imwettqin qabel u konnessi mal-qasam politiku tas-sejħa jew mal-azzjonijiet li kellhom jitwettqu fl-aħħar sentejn.

L-entitajiet mingħajr personalità ġuridika jridu jipprovdu evidenza li għandhom kapaċità operattiva daqs dik tal-persuni ġuridiċi.

9.   KRITERJI TAL-GĦOTJA

L-għodod ta' komunikazzjoni u l-attivitajiet differenti inklużi fil-miżura ta' informazzjoni għandhom ikunu interkonnessi, ċari fl-approċċ kunċettwali tagħhom u fir-rigward tar-riżultati li għandhom jinkisbu. Dawn għandu jkollhom ukoll impatt sinifikanti li jista' jitkejjel permezz tal-indikaturi rilevanti msemmija fit-taqsima 11.4.

L-applikazzjonijiet se jiġu vvalutati abbażi tal-kriterji li ġejjin:

1.

Ir-rilevanza tal-miżura: l-analiżi ex ante tal-ħtiġijiet u tal-objettivi speċifiċi, miżurabbli, miksuba u rilevanti. (25 punt)

2.

L-effettività tal-miżura: tema, messaġġi u pubbliku fil-mira, kif ukoll programm iddettaljat, skeda ta' żmien u metodoloġija ta' evalwazzjoni ex post. (25 punt)

3.

L-effiċjenza tal-miżura: il-kosteffettività f'termini tar-riżorsi proposti. (25 punt)

4.

Il-kwalità tal-ġestjoni tal-proġett: il-kwalità tal-proċeduri u tal-allokazzjoni tal-kompiti bil-għan li jiġu implimentati d-diversi attivitajiet tal-miżura proposta. (25 punt)

10.   IMPENJI LEGALI

F'każ ta' finanzjament mogħti mill-Kummissjoni, se jintbagħat lill-benefiċjarju ftehim tal-finanzjament, imħġejji f'euro u li jinkludi l-kundizzjonijiet u l-livell ta' finanzjament, flimkien mal-proċedura, għall-fini tal-formalizzazzjoni tal-obbligi tal-partijiet.

Iż-żewġ kopji tal-ftehim tal-finanzjament oriġinali jridu jiġu ffirmati mill-benefiċjarju qabel ma jintbagħtu immedjatament lura lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tkun l-aħħar li tiffirmahom.

Ta' min wieħed jinnota li l-għoti ta' finanzjament ma jfissirx li wieħed jibqa' intitolat għalih għas-snin ta' wara.

11.   DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

11.1.   Prinċipji Ġenerali

(a)   Għoti mhux kumulattiv

Azzjoni tista' tirċievi biss finanzjament wieħed mill-baġit tal-UE.

Fl-ebda ċirkustanza ma għandhom l-istess spejjeż jiġu ffinanzjati darbtejn mill-baġit tal-Unjoni. Sabiex dan ikun żgurat, l-applikanti għandhom jindikaw is-sorsi u l-ammonti ta' finanzjament tal-Unjoni li rċevew jew li applikaw għalihom dwar l-istess miżura ta' informazzjoni jew għal parti mill-miżura ta' informazzjoni, jew għat-tħaddim tagħha matul l-istess sena finanzjarja, kif ukoll kull finanzjament ieħor li rċevew jew li applikaw għalih għall-istess miżura ta' informazzjoni.

(b)   Nonretroattività

L-ebda finanzjament ma jingħata retrospettivament għal attivitajiet li diġà tlestew.

Finanzjament jista' jingħata għal miżura ta' informazzjoni li diġà nbdiet biss meta l-applikant jista' juri l-ħtieġa li l-miżura ta' informazzjoni tinbeda qabel ma l-ftehim tal-finanzjament ikun ġie ffirmat.

F'dawn il-każijiet, l-ispejjeż eliġibbli għall-finanzjament ma jistgħux ikunu ġġarbu qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tal-finanzjament.

(c)   Kofinanzjament

Kofinanzjament ifisser li r-riżorsi li huma meħtieġa biex jitwettqu l-attivitajiet jistgħu ma jkunux kompletament ipprovduti mill-finanzjament tal-UE.

Il-kofinanzjament tal-miżura ta' informazzjoni jista' jieħu l-forma ta':

riżorsi proprji tal-benefiċjarju,

introjtu ġġenerat mill-miżura ta' informazzjoni,

kontribuzzjonijiet finanzjarji minn partijiet terzi.

(d)   Baġit ibbilanċjat

Il-baġit stmat tal-miżura ta' informazzjoni għandu jinhemeż mal-formola tal-applikazzjoni.

Dan għandu:

Ikun imħejji f'euro. L-applikanti li jipprevedu li l-ispejjeż mhux se jiġġarbu f'euro, huma obbligati li jużaw ir-rata tal-kambju ppubblikata fis-sit web tal-Infor-euro disponibbli fuq

http://ec.europa.eu/budget/contracts_grants/info_contracts/inforeuro/inforeuro_en.cfm

Ikollu d-dħul u l-infiq jibbilanċjaw,

Jitfassal billi tintuża stima ddettaljata tal-ispejjeż u l-ispjegazzjonijiet rilevanti fil-kolonna “kummenti”; l-ebda ammont b'rata fissa (ħlief għar-rati fissi msemmija fit-taqsima 11.2) jew somom sħaħ mhuma se jiġu aċċettati,

Jirrispetta l-ammonti massimi stabbiliti mill-Kummissjoni għal ċertu tip ta' nfiq (ara d-dokumenti rilevanti disponibbli fuq

http://ec.europa.eu/agriculture/grants-for-information-measures/),

Ikun ippreżentat mingħajr VAT jekk l-applikant ikun soġġett għall-VAT u intitolat li jnaqqasha, jew jekk l-applikant ikun istituzzjoni li taqa' taħt id-dritt pubbliku,

Jinkludi fil-parti tad-dħul, il-kontribuzzjoni diretta mill-applikant, il-finanzjament mitlub mingħand il-Kummissjoni, u (jekk applikabbli) id-dettalji dwar kull kontribuzzjoni minn fornituri oħrajn ta' fondi, kif ukoll id-dħul kollu ġġenerat mill-proġett, inkluż, fejn rilevanti, il-ħlasijiet meħtieġa mingħand il-parteċipanti.

(e)   Kuntratti/sottokuntratti ta' implimentazzjoni

Fejn l-implimentazzjoni tal-miżura ta' informazzjoni teħtieġ l-għoti ta' kuntratti ta' akkwist (kuntratti ta' implimentazzjoni), il-benefiċjarju għandu jagħti l-kuntratt lill-offerta li tagħti l-aħjar valur għall-flus jew l-orħos prezz (kif rilevanti), biex b'hekk jiġu evitati l-kunflitti ta' interess, u għandu jżomm id-dokumentazzjoni f'każ li jkun hemm bżonn ta' awditjar.

F'każ ta' akkwist ogħla minn EUR 60 000, il-benefiċjarju jrid isegwi r-regoli speċjali kif imsemmija fil-ftehim ta' finanzjament anness mas-sejħa. Barra minn hekk, il-benefiċjarju huwa mistenni li jiddokumenta b'mod ċar is-sejħa għall-offerti u li jżomm id-dokumentazzjoni f'każ li jkun hemm bżonn ta' awditjar.

Entitajiet li jkunu qed jaġixxu fil-kapaċità tagħhom ta' awtoritajiet ta' kkuntrattar skont it-tifsira tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jew ta' awtoritajiet ta ' kkuntrattar skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), għandhom jirrispettaw ir-regoli tal-akkwist pubbliku nazzjonali applikabbli.

Is-sottokuntrattar, jiġifieri l-esternalizzazzjoni ta' kompiti jew attivitajiet speċifiċi li jiffurmaw parti minn miżura ta' informazzjoni kif deskritt fil-proposta, irid jissodisfaw il-kundizzjonijiet applikabbli għal kull kuntratt ta' implimentazzjoni (kif speċfikat hawn fuq) u flimkien magħhom il-kundizzjonijiet li ġejjin:

jista' jkopri biss l-implimentazzjoni ta' parti limitata mill-miżuri ta' informazzjoni,

irid ikun iġġustifikat billi jitqiesu n-natura tal-miżura ta' informazzjoni u dak li huwa meħtieġ għall-implimentazzjoni tagħha,

irid jiġi ddikjarat b'mod ċar fl-applikazzjoni.

(f)   Appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi

L-applikazzjonijiet ma jistgħux jipprevedu l-għoti ta' appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi.

11.2.   Finanzjament

Il-finanzjament għandu jkollu l-forma ta' finanzjament imħallat magħmul minn:

rimborż ta' mhux aktar minn 50 % tal-ispejjeż diretti eliġibbli effettivament imġarrba,

kontribuzzjoni b'rata fissa ta' 7 % tal-ispejjeż diretti totali eliġibbli tal-miżura ta' informazzjoni, hija eliġibbli taħt spejjeż indiretti, li jirrappreżentaw l-ispejjeż amministrattivi ġenerali tal-benefiċjarju li jistgħu jitqiesu debitabbli fil-miżura ta' informazzjoni.

F'każ ta' organizzazzjonijiet li jirċievu finanzjament operattiv għall-perjodu ta' implimentazzjoni tal-miżura ta' informazzjoni, l-ispejjeż indiretti ma jkunux eliġibbli.

L-istess japplika għall-ispiża tal-persunal diġà kopert b'finanzjament operattiv.

Ammont ta' finanzjament

L-ammont ta' finanzjament (inkluż ir-rata fissa għall-ispejjeż indiretti) se jkun bejn il-EUR 50 000 u t-EUR 300 000.

Dan ta' hawn fuq jimplika li parti mill-ispejjeż totali eliġibbli tal-miżura ta' informazzjoni trid tiġi ffinanzjata mill-benefiċjarju jew tkun koperta mill-kontribuzzjonijiet apparti dawk mill-UE.

(ara t-taqsima 11.1(c)).

Spejjeż eliġibbli

L-ispejjeż eliġibbli huma l-ispejjeż effettivament imġarrba mill-benefiċjarju ta' finanzjament, li jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin:

jiġġarrbu matul il-miżura ta' informazzjoni, ħlief għall-ispejjeż relatati mar-rapporti finali. Il-perjodu ta' eliġibbiltà tal-ispejjeż jibda kif speċifikat fil-ftehim ta' finanzjament.

Jekk benefiċjarju jista' juri l-ħtieġa li jibda l-miżura ta' informazzjoni qabel ma jiġi ffirmat il-ftehim, l-ispiża tista' tiġi awtorizzata qabel ma jingħata l-finanzjament. Il-perjodu tal-eliġibbiltà ma jista' għall-ebda raġuni jibda qabel id-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni tal-ftehim (ara t-taqsima 11.1(b)),

ikunu indikati fl-istima tal-baġit tal-miżura ta' informazzjoni,

ikunu meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-miżura ta' informazzjoni li hija s-suġġett tal-finanzjament,

ikunu identifikabbli u verifikabbli, u b'mod partikolari jkunu rreġistrati fir-rekords kontabilistiċi tal-benefiċjarju u ddeterminati skont l-istandards tal-kontabbiltà applikabbli tal-pajjiż fejn il-benefiċjarju jkun stabbilit u skont il-prattiki komuni tal-kontabbiltà tal-ispejjeż tal-benefiċjarju,

ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni fiskali u soċjali applikabbli,

huma raġonevoli, ġustifikati u konformi mar-rekwiżiti ta' ġestjoni finanzjarja tajba, b'mod partikolari fir-rigward tal-ekonomija u l-effiċjenza.

Il-proċeduri tal-kontabbiltà u tal-awditjar interni tal-benefiċjarju għandhom jippermettu r-rikonċiljazzjoni diretta tal-ispejjeż u tad-dħul iddikjarati fir-rigward tal-miżura ta' informazzjoni mad-dikjarazzjonijiet korrispondenti tal-kontabbilità u mad-dokumenti ta' prova.

L-istess kriterji japplikaw għall-entitajiet affiljati.

Spejjeż diretti eliġibbli

L-ispejjeż diretti eliġibbli għall-miżura ta' informazzjoni huma dawk l-ispejjeż li, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà stabbiliti hawn fuq, ikunu identifikabbli bħala spejjeż speċifiċi marbuta direttament mat-twettiq tal-miżura ta' informazzjoni u li għalhekk jistgħu jiġu assenjati direttament lilha bħal:

l-ispejjeż tal-persunal li jaħdem b'kuntratt ta' impjieg mal-applikant jew b'att ta' ħatra ekwivalenti, u jkun assenjat għall-miżura ta' informazzjoni, l-ispejjeż jinkludu s-salarji stess flimkien mal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u spejjeż oħra statutorji inklużi fir-remunerazzjoni, sakemm dawn l-ispejjeż jikkonformaw mal-politika normali tal-applikant dwar ir-rimunerazzjoni. Dawn l-ispejjeż jistgħu jinkludu wkoll rimunerazzjonijiet addizzjonali, inklużi ħlasijiet abbażi ta' kuntratti supplimentari, tkun xi tkun in-natura tagħhom, sakemm dawn jitħallsu b'mod konsistenti kull meta jkunu meħtieġa l-istess tip ta' xogħol jew kompetenza, indipendentement mis-sors ta' finanzjament użat. L-ispejjeż tal-persunal tal-amministrazzjonijiet nazzjonali huma eliġibbli wkoll sal-punt li jirrelataw mal-ispejjeż tal-attivitajiet li ma twettaqx l-awtorità pubblika rilevanti jekk il-proġett ikkonċernat ma jitwettaqx,

l-ispejjeż tal-ivvjaġġar (għal-laqgħat, inklużi l-laqgħat ta' tnedija fejn applikabbli, il-konferenzi eċċ.), sakemm dawn l-ispejjeż jikkonformaw mal-prattiki normali tal-benefiċjarju dwar l-ivvjaġġar,

l-ispejjeż involuti f'kuntratti ta' implimentazzjoni mogħtija mill-benefiċjarji għall-iskop tat-twettiq tal-miżura ta' informazzjoni, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim tal-finanzjament ikunu ġew issodisfati,

l-ispejjeż li jirriżultaw direttament mir-rekwiżiti marbuta mal-implimentazzjoni tal-miżura ta' informazzjoni (it-tixrid ta' informazzjoni, l-evalwazzjoni speċifika tal-miżura ta' informazzjoni, it-traduzzjonijiet, ir-riproduzzjonijiet).

L-Anness V tal-abbozz tal-ftehim tal-finanzjament mehmuż ma' din is-sejħa jipprovdi lista ta' dokumenti ta' prova għall-ispejjeż eliġibbli u d-dokumenti ta' prova meħtieġa mar-rapport finali.

Spejjeż indiretti eliġibbli (spejjeż ġenerali)

Kontribuzzjoni b'rata fissa ta' 7 % tal-ispejjeż diretti totali eliġibbli tal-miżura ta' informazzjoni, hija eliġibbli taħt spejjeż indiretti, li jirrappreżentaw l-ispejjeż amministrattivi ġenerali tal-benefiċjarju li jistgħu jitqiesu debitabbli fil-miżura ta' informazzjoni.

L-ispejjeż indiretti jistgħu ma jinkludux l-ispejjeż li jiddaħħlu taħt intestatura oħra tal-baġit.

Spejjeż mhux eliġibbli

L-ispejjeż li ġejjin ma għandhomx jitqiesu bħala eliġibbli:

il-kontribuzzjonijiet in natura,

l-ispejjeż li ġejjin mix-xiri ta' tagħmir ġdid jew użat,

l-ispejjeż ta' deprezzament tat-tagħmir,

il-VAT, sakemm il-benefiċjarji juru li ma jistgħux jiġbruha lura skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Madankollu, il-VAT imħallsa mill-entitajiet pubbliċi mhijiex eliġibbli,

ir-redditu fuq il-kapital,

id-dejn u l-ħlasijiet fuq servizzi ta' djun,

il-provvedimenti għal telf jew dejn;

l-interessi li jridu jitħallsu,

id-djun dubjużi,

l-ispejjeż ta' trasferiment mill-Kummissjoni mitluba mill-bank lill-benefiċjarju,

it-telf mill-kambju,

l-ispejjeż iddikjarati mill-benefiċjarju u koperti minn azzjoni oħra li tirċievi l-finanzjament mill-UE,

l-infiq eċċessiv jew irresponsabbli.

Kalkolu tal-ammont ta' finanzjament finali

L-ammont finali ta' finanzjament li jingħata lill-benefiċjarju jiġi stabbilit wara t-tlestija tal-miżura ta' informazzjoni, mal-approvazzjoni tat-talba għall-ħlas li tinkludi d-dokumenti li ġejjin, inklużi d-dokumenti rilevanti ta' prova fejn xieraq:

rapport tekniku finali li jipprovdi d-dettalji tal-implimentazzjoni u r-riżultati tal-miżura ta' informazzjoni bid-dokumenti ta' prova rilevanti,

id-dikjarazzjoni finanzjarja finali tal-ispejjeż effettivament imġarrba b'dokumenti rilevanti ta' prova (ara l-Anness V tal-abbozz tal-ftehim tal-finanzjament mehmuż ma' din is-sejħa).

Il-finanzjamenti tal-UE ma jistax ikollhom l-iskop jew l-effett li jipproduċu qligħ fil-qafas tal-miżura ta' informazzjoni tal-benefiċjarju. Il-qligħ għandu jkun iddefinit bħala l-eċċess tal-irċevuti mill-ispejjeż eliġibbli mġarrba mill-benefiċjarju, meta ssir it-talba għall-ħlas tal-bilanċ. F'dan ir-rigward, fejn isir qligħ, il-Kummissjoni għandha tkun intitolata biex tirkupra l-perċentwal tal-qligħ li jikkorrispondi mal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-ispejjeż eliġibbli effettivament imġarrba mill-benefiċjarju biex iwettaq il-miżura ta' informazzjoni.

11.3.   Perjodi ta' rappurtar u arranġamenti għall-ħlas

Perjodu ta' rappurtar wieħed mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim sa tmiem il-perjodu stabbilit fl-Artikolu I.2.2 tal-ftehim ta' finanzjament.

Mhu se jkun hemm l-ebda ħlas bil-quddiem u l-ebda ħlas interim. Il-ħlas finali biss għandu jitħallas lill-benefiċjarju. Il-ħlas finali ma għandux jaqbeż l-ammont massimu speċifikat fl-Artikolu I.3 tal-ftehim ta' finanzjament.

12.   PUBBLIĊITÀ

12.1.   Mill-benefiċjarji

Il-benefiċjarji għandhom jirrikonoxxu biċ-ċar il-kontribut tal-Unjoni Ewropea fil-pubblikazzjonijiet kollha, jew flimkien mal-attivitajiet li għalihom jintuża l-finanzjament. Barra minn hekk, il-benefiċjarji għandhom jużaw dikjarazzjoni ta' ċaħda ta' responsabbiltà li fiha jiddikjaraw li l-Unjoni Ewropea mhijiex responsabbli għall-fehmiet espressi fil-pubblikazzjonijiet u/jew flimkien mal-attivitajiet li għalihom jintuża l-finanzjament.

F'dan ir-rigward, il-benefiċjarji huma meħtieġa li jagħtu biżżejjed viżibbiltà lill-isem u lill-emblema tal-Unjoni Ewropea fil-pubblikazzjonijiet, il-posters, il-programmi u prodotti oħra kollha tagħhom imwettqa skont il-miżura kofinanzjata ta' informazzjoni.

Biex jagħmlu dan, iridu jużaw it-test u l-emblema tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċaħda ta' responsabbiltà, li huma kollha disponibbli fuq

http://ec.europa.eu/agriculture/grants-for-information-measures/

Jekk dan ir-rekwiżit ma jiġix issodisfat, il-finanzjament tal-benefiċjarju jista' jitnaqqas b'mod proporzjonali, skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta' finanzjament u billi jitqies ir-rekwiżit li tingħata biżżejjed viżibbiltà lill-isem u lill-emblema tal-Unjoni Ewropea fl-attivitajiet imwettqa skont il-miżura kofinanzjata ta' informazzjoni.

12.2.   Mill-Kummissjoni

Kull informazzjoni li għandha x'taqsam mal-finanzjament mogħti matul sena finanzjarja għandha tiġi ppubblikata fuq sit tal-Internet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju tas-sena ta' wara s-sena finanzjarja li fiha jkun ingħata l-finanzjament.

Il-Kummissjoni se tippubblika l-informazzjoni li ġejja:

isem il-benefiċjarju,

l-indirizz tal-benefiċjarju,

is-suġġett tal-finanzjament,

l-ammont mogħti.

Fuq talba motivata u sustanzjata kif dovut mill-benefiċjarju, ir-rekwiżiti għall-pubblikazzjoni jista' jitħassar jekk tali divulgazzjoni thedded id-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi kkonċernati kif protetti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jew jekk tkun ta' ħsara għall-interessi kummerċjali tal-benefiċjarji.

13.   PROTEZZJONI TAD-DEJTA

It-tweġiba għal kull sejħa għall-proposti tinvolvi r-reġistrazzjoni u l-ipproċessar ta' dejta personali (bħall-isem, l-indirizz u s-CV). Din id-dejta tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (8). Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, il-mistoqsijiet u kwalunkwe dejta personali mitluba li huma meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni skont l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-offerti, se jiġu pproċessati biss għal dak l-iskop minn [l-entità li taġixxi bħala kontrollur tad-dejta]. Id-dettalji dwar l-ipproċessar tad-dejta personali huma disponibbli fid-dikjarazzjoni dwar il-privatezza fuq:

http://ec.europa.eu/dataprotectionofficer/privacystatement_publicprocurement_en.pdf

Id-dejta personali tista' tiġi rreġistrata fis-Sistema ta' Twissija Bikrija (EWS) biss, jew kemm fl-EWS kif ukoll fil-Bażi tad-Dejta Ċentrali dwar l-Esklużjonijiet (CED) mill-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni, f'każ li l-benefiċjarju jinsab f'xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija:

fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/792/UE tat-13 ta' Novembru 2014 dwar is-Sistema ta' Twissijiet Bikrija li għandha tintuża mill-uffiċjali awtorizzanti tal-Kummissjoni u tal-aġenziji eżekuttivi (9) (għal aktar informazzjoni ara d-Dikjarazzjoni dwar il-Privatezza fuq: http://ec.europa.eu/budget/contracts_grants/info_contracts/legal_entities/legal_entities_en.cfm),

jew

fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 1302/2008 tas-17 ta' Diċembru 2008 dwar id-Dejtabejż Ċentrali tal-Esklużjoni (10) (għal aktar informazzjoni ara d-Dikjarazzjoni dwar il-Privatezza fuq: http://ec.europa.eu/budget/explained/management/protecting/protect_en.cfm)

14.   PROĊEDURA GĦAS-SOTTOMISSJONI TAL-PROPOSTI

Il-proposti għandhom jiġu sottomessi skont ir-rekwiżiti formali u sad-data ta' skadenza stipulata fit-taqsima 5.

Ma hija permessal-ebda modifika għall-applikazzjoni ladarba tgħaddi d-data ta' skadenza għas-sottomissjoni. Madankollu, fejn, minħabba xi żball klerikali evidenti min-naħa tal-applikant, l-istess applikant jonqos milli jippreżenta xi provi jew li jagħmel ċertu dikjarazzjonijiet, waqt il-proċess ta' evalwazzjoni l-Kummissjoni għandha titlob lill-applikant biex jipprovdi l-informazzjoni nieqsa jew jiċċara d-dokumenti ta' prova. Din l-informazzjoni jew il-kjarifika ma għandhiex timmodifika sostanzjalment il-proposta.

L-applikanti se jiġu infurmati bil-miktub dwar ir-riżultati tal-proċess ta' evalwazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom.

Il-proposti għandhom jiġu sottomessi fuq karta

Il-formoli tal-applikazzjoni huma disponibbli fuq

http://ec.europa.eu/agriculture/grants-for-information-measures/

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu bil-formola korretta, mimlija kif dovut, datata, li turi baġit ibbilanċjat (dħul/infiq), u ffirmata mill-persuna awtorizzata li tidħol f'impenji li jorbtu legalment f'isem l-organizzazzjoni li qed tapplika.

Fejn applikabbli, l-informazzjoni addizzjonali kollha meqjusa neċessarja mill-applikant tista' tiġi inkluża fuq karti separati.

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu fl-indirizz li ġej:

European Commission Unit AGRI. E.5

Call for proposals 2015/C 351/09

To the attention of Head of Unit

L130 4/149

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

bil-posta, id-data ta' meta tasal bil-posta indikata mit-timbru tal-posta,

bis-servizz tal-kurjer, id-data tal-irċevuta indikata mis-servizz tal-kurjer.

L-ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet se tiġi evalwata abbażi tas-sottomissjoni fuq karta.

Kuntatti

Jekk għandek xi mistoqsija dwar is-sejħa, tista' tibgħatha permezz tal-posta elettronika lil agri-grants@ec.europa.eu. Il-mistoqsijiet iridu jitressqu sa 24.00 tat-13 ta' Novembru 2015.

L-aktar mistoqsijiet u tweġibiet rilevanti se jiġu ppubblikati fuq: http://ec.europa.eu/agriculture/grants-for-information-measures/

15.   PROĊEDURA TA' EVALWAZZJONI

L-applikazzjonijiet li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-ammissibbiltà se jiġu eżaminati fid-dawl tal-kriterji differenti skont is-sekwenza li ġejja:

1.

Il-kumitat ta' evalwazzjoni għandu l-ewwel jeżamina l-applikazzjonijiet fid-dawl tal-kriterji ta' esklużjoni (ara t-taqsima 7 tas-sejħa);

2.

Imbagħad, il-kumitat ta' evalwazzjoni se jeżamina l-applikazzjonijiet fid-dawl tal-kriterji tal-għażla (ara t-taqsima 8 tas-sejħa);

3.

Wara dan, il-kumitat ta' evalwazzjoni se jeżamina l-applikazzjonijiet li jkunu għaddew mill-fażijiet preċedenti fid-dawl tal-kriterji tal-finanzjament (ara t-taqsima 9 tas-sejħa);

4.

Fl-aħħar nett, il-kumitat ta' evalwazzjoni se jeżamina l-applikazzjonijiet fid-dawl tal-kriterji tal-eliġibbiltà (ara t-taqsima 6 tas-sejħa).

L-applikazzjonijiet iridu jġibu għadd totali minimu ta' 60 %. L-applikazzjonijiet li ma jilħqux il-limiti minimi ta' kwalità mhux se jiġu aċċettati.

Wara l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet, il-Kummissjoni se tistabbilixxi lista kklassifikata li tinkludi l-applikazzjonijiet kollha b'punteġġ ta' kwalifika.

Mil-lista ta' hawn fuq, il-Kummissjoni se tfassal lista ta' applikazzjonijiet possibbli għall-finanzjament u eventwalment lista ta' riżerva, skont il-baġit disponibbli għal din is-sejħa.

16.   ANNESSI

Il-formola tal-applikazzjoni (flimkien mal-lista ta' kontroll tad-dokumenti li għandhom jiġu provduti), hija disponibbli fuq http://ec.europa.eu/agriculture/grants-for-information-measures/

Il-mudell tal-ftehim tal-finanzjament huwa disponibbli fuq http://ec.europa.eu/agriculture/grants-for-information-measures/


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(3)  ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1.

(4)  http://ec.europa.eu/index_mt.htm

(5)  ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19.

(6)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.

(7)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.

(8)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(9)  ĠU L 329, 14.11.2014, p. 68.

(10)  ĠU L 344, 20.12.2008, p. 12.