3.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 207/1


AVVIŻ TA' KOMPETIZZJONIJIET ĠENERALI

EPSO/AD/284/14 – TRADUTTURI TAL-LINGWA ĠERMANIŻA (DE)

EPSO/AD/285/14 – TRADUTTURI TAL-LINGWA GRIEGA (EL)

EPSO/AD/286/14 – TRADUTTURI TAL-LINGWA SPANJOLA (ES)

EPSO/AD/287/14 – TRADUTTURI TAL-LINGWA SVEDIŻA (SV)

2014/C 207 A/01

 

L-Uffiċċju Ewropew għall-Għażla tal-Persunal (EPSO) qed jorganizza kompetizzjonijiet ġenerali abbażi ta' testijiet sabiex tinħoloq lista ta' riżerva għar-reklutaġġ ta' tradutturi (1) (AD 5).

L-għan ta' dawn il-kompetizzjonijiet hu li jinħolqu listi ta' riżerva maħsuba biex jimtlew xi postijiet vakanti ta' uffiċjali fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

Qabel tapplika, għandek taqra bir-reqqa d-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 60 A tal-1 ta' Marzu 2014 kif ukoll fuq is-sit tal-internet tal-EPSO.

Dan id-dokument, li huwa parti integrali mill-avviż tal-kompetizzjoni, jgħinek tifhem ir-regoli dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni.

WERREJ

I.

QAFAS ĠENERALI

II.

DESKRIZZJONI TAD-DMIRIJIET

III.

KUNDIZZJONIJIET TA' AMMISSJONI

IV.

TESTIJIET TAD-DĦUL

V.

EŻAMIJIET TAT-TRADUZZJONI

VI.

ĊENTRU TA' EVALWAZZJONI

VII.

LISTI TA' RIŻERVA

VIII.

KIF TAPPLIKA?

I.   QAFAS ĠENERALI

1.

Numru ta' kandidati magħżula

 

Għażla 1

Għażla 2

EPSO/AD/284/14 – DE

41

16

EPSO/AD/285/14 – EL

46

9

EPSO/AD/286/14 – ES

44

4

EPSO/AD/287/14 – SV

21

13

2.

Kummenti

Kull waħda minn dawn il-kompetizzjonijiet tinkludi żewġ għażliet. Int tista' tapplika għal kompetizzjoni waħda u għal għażla waħda biss.

Din l-għażla għandha ssir meta timla l-applikazzjoni elettronika u ma tistax tinbidel ladarba tkun ikkonfermajt u vvalidajt l-applikazzjoni tiegħek b'mod elettroniku.

Dawn il-kompetizzjonijiet huma maħsuba għall-kandidati li għandhom għarfien perfett  (2) , kemm miktub kif ukoll mitkellem, tal-lingwa tal-kompetizzjoni (fil-livell tal-lingwa materna jew ekwivalenti) u għarfien profond tal-ewwel u tat-tieni lingwa sors. Jekk ma għandekx dan il-livell, inti mħeġġeġ ma tapplikax.

II.   DESKRIZZJONI TAD-DMIRIJIET

Il-grad AD 5 huwa l-grad ta' bidu għal karriera ta' amministratur – lingwistiku jew mhux – fl-istituzzjonijiet Ewropej.

Ir-rwol ewlieni ta' amministratur lingwistiku (traduttur) huwa li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-missjoni tal-istituzzjoni jew tal-korp fejn ikun impjegat billi jipprovdi traduzzjoni ta' kwalità għolja ta' dokumenti fil-limiti ta' żmien mitluba u billi jagħti pariri lingwistiċi.

Il-kompiti ta' amministratur lingwistiku (traduttur) jinkludu t-traduzzjoni, ir-reviżjoni u r-riċerki terminoloġiċi minn mill-inqas żewġ lingwi barranin għal lingwa ewlenija. Is-suġġetti li ħafna drabi huma kumplessi, ġeneralment ikunu ta' natura politika, ġuridika, ekonomika, finanzjarja, xjentifika u teknika u jkopru s-setturi kollha ta' attività tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-kompiti jeħtieġu użu intensiv tal-għodda tal-informatika u tal-uffiċċju speċifiċi għal dan ix-xogħol.

III.   KUNDIZZJONIJIET TA' AMMISSJONI

Fid-data ta' għeluq stabbilita għall-applikazzjoni elettronika, int għandek tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ġenerali u speċifiċi li ġejjin:

1.

Kundizzjonijiet ġenerali

a)

Tkun ċittadin ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

b)

Tkun tgawdi d-drittijiet ċivili tiegħek.

c)

Tkun wettaqt kull obbligu impost mil-liġijiet dwar ir-reklutaġġ applikabbli fil-qasam militari.

d)

Tissodisfa r-rekwiżiti dwar il-karattru biex twettaq id-dmirijiet previsti.

2.

Kundizzjonijiet speċifiċi

2.1.

Kwalifiki

Livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ studji universitarji ta' mill-anqas tliet snin, konklużi u ċċertifikati b'diploma.

2.2.

Esperjenza professjonali

L-ebda esperjenza professjonali mhi meħtieġa.

2.3.

Għarfien lingwistiku

GĦAŻLA 1

 

Lingwa 1

il-lingwa prinċipali

għarfien perfett tal-lingwa tal-kompetizzjoni

Lingwa 2

l-ewwel lingwa sors (li trid bilfors tkun differenti mil-lingwa 1)

għarfien fil-fond tal-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż

Lingwa 3

it-tieni lingwa sors (li trid bilfors tkun differenti mil-lingwi 1 u 2)

għarfien fil-fond tal-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż

GĦAŻLA 2

 

Lingwa 1

il-lingwa prinċipali

għarfien perfett tal-lingwa tal-kompetizzjoni

Lingwa 2

l-ewwel lingwa sors (li trid bilfors tkun differenti mil-lingwa 1)

għarfien fil-fond tal-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż

Lingwa 3

It-tieni lingwa sors (li trid tkun bilfors differenti mil-lingwa 1 u l-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż)

għarfien profond f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

 

F’konformità mas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewoprea (l-Awla Manja) fil-Kawża C-566/10 P, ir-Repubblika Taljana vs. il-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jixtiequ, fil-qafas ta' din il-kompetizzjoni, jindikaw ir-raġunijiet għalfejn jillimitaw l-għażla tat-tieni lingwa għal għadd ristrett ta' lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

 

Għaldaqstant il-kandidati huma infurmati li l-għażliet tat-tieni lingwa aċċettati għal din il-kompetizzjoni ġew definiti b'konformità mal-interess tas-servizz, li jeżiġi li dawk li jiġu rreklutati jkunu jistgħu jibdew jaħdmu minnufih u jikkomunikaw b'mod effiċjenti fix-xogħol tagħhom ta' kuljum. Jekk dan ma jkunx il-każ, it-tħaddim effettiv tal-istituzzjonijiet ikun affettwat ħażin ħafna.

 

Abbażi ta' prassi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li ilha titħaddem fir-rigward tal-lingwi użati għal komunikazzjoni interna u b’kunsiderazzjoni wkoll tal-ħtiġijiet tas-servizzi dwar il-komunikazzjoni esterna u l-immaniġġar tal-fajls, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż jibqgħu l-aktar lingwi użati. Barra minn hekk, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż huma t-tieni lingwi l-aktar użati fl-Unjoni Ewropea u dawk l-aktar studjati bħala t-tieni lingwa. Dan jikkonferma l-livell ta’ edukazzjoni u l-kompetenzi professjonali li attwalment wieħed jista' jistenna mill-kandidati f'pożizzjonijiet fl-Istituzzjonijiet tal-Unjoni, jiġifieri l-għarfien ta' mill-inqas waħda minn dawn il-lingwi. Konsegwentement, meta wieħed iqabbel l-interess tas-servizz u l-ħiliet tal-kandidati, meta jitqies il-qasam partikolari ta' din il-kompetizzjoni, huwa ġġustifikat li jiġu organizzati eżamijiet f'dawn it-tliet lingwi sabiex jiġi żgurat li, tkun xi tkun l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom, il-kandidati kollha jkunu jafu tajjeb mill-inqas waħda mit-tliet lingwi uffiċjali fil-livell ta' xogħol. Il-valutazzjoni tal-kompetenzi speċifiċi b'dan il-mod tippermetti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jevalwaw il-ħila tal-kandidati li jkunu jistgħu jaħdmu minnufih f'ambjent simili għal dak li se jsibu fl-impjieg.

 

Għall-istess raġunijiet, huwa indikat li tiġi limitata l-lingwa ta' komunikazzjoni bejn il-kandidati u l-istituzzjoni, inkluża l-lingwa li biha jitfasslu l-applikazzjonijiet. Din l-eżiġenza tiżgura l-omoġeneità tat-tqabbil u l-kontroll tal-kandidati fl-applikazzjonijiet tagħhom stess.

 

Barra minn hekk, fl-interess ta' trattament ugwali, kull kandidat, anki jekk l-ewwel lingwa uffiċjali tiegħu hija waħda minn dawn it-tlieta, huwa meħtieġ li jagħmel ċerti eżamijiet fit-tieni lingwa tiegħu, magħżula minn fost dawn it-tliet lingwi.

 

Dawn id-dispożizzjonijiet ma jaffettwawx it-tagħlim ulterjuri tat-tielet lingwa ta’ ħidma, b'konformità mal-Artikolu 45(2) tal-istatut.

IV.   TESTIJIET TAD-DĦUL

It-testijiet tad-dħul isiru fuq il-kompjuter u jiġu organizzati mill-EPSO. Il-bord ta’ selezzjoni jiddetermina l-livell ta' diffikultà tat-testijiet u japprova s-sustanza tagħhom abbażi tal-proposti magħmula mill-EPSO.

1.

L-istedina

Inti tiġi mistieden għat-testijiet jekk tkun ivvalidajt l-applikazzjoni tiegħek fil-ħin (ara t-Taqsima VIII).

Importanti:

1.

meta tivvalida l-applikazzjoni tiegħek, inti tiddikjara li tissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi tat-Taqsima III;

2.

biex tipparteċipa fit-testijiet, trid tirriżerva data; din ir-riżervazzjoni għandha bilfors issir fiż-żmien li jiġi indikat lilek permezz tal-profil tiegħek tal-EPSO.

2.

In-natura tat-testijiet u l-marki

Sensiela ta' testijiet ibbażati fuq mistoqsijiet b'għażla multipla bil-għan li jiġu evalwati l-kapaċitajiet u l-kompetenzi ġenerali tiegħek fir-rigward ta':

Test a)

ir-raġunament verbali

il-marki: minn 0 sa 20 punt

Test b)

ir-raġunament numeriku

il-marki: minn 0 sa 10 punti

il-minimu meħtieġ: 4 punti

Test c)

ir-raġunament astratt

il-marki: minn 0 sa 10 punti

 

minimu meħtieġ għaż-żewġ testijiet a) u c) : 15 punti

Test d)

komprensjoni lingwistika

il-marki: minn 0 sa 12 punt

il-minimu meħtieġ: 6 punti

Test e)

komprensjoni lingwistika

il-marki: minn 0 sa 12 punt

il-minimu meħtieġ: 6 punti

3.

Il-lingwa tat-testijiet

Lingwa 1: test a), b) u c)

Lingwa 2: test d)

Lingwa 3: test e)

V.   EŻAMIJIET TAT-TRADUZZJONI

1.

L-istedina għall-eżamijiet

Inti tiġi suġġett għal evalwazzjoni tal-kompetenzi speċifiċi tiegħek fil-qafas tal-eżamijiet ta' traduzzjoni, fejn il-kontenut jiġi validat mill-bord tas-selezzjoni,

jekk tkun ksibt il-minimu meħtieġ fit-testijiet tad-dħul kollha,

jekk tkun (3) ksibt waħda mill-aħjar marki fit-testijiet kollha tad-dħul a), c), d) u e), u

jekk, wara l-evalwazzjoni abbażi tal-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni elettronika tiegħek (4), tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi tat-Taqsima III.

It-test ta' dħul b) huwa eliminatorju iżda l-punti ma jingħaddux mal-punti tat-testijiet l-oħrajn biex jiġu identifikati l-kandidati li għandhom jiġu mistiedna għall-eżamijiet tat-traduzzjoni.

In-numru ta’ kandidati mistiedna għall-eżamijiet tat-traduzzjoni, jikkorrispondi, għal kull kompetizzjoni u għal kull għażla, bejn wieħed u ieħor għal tliet darbiet in-numru tal-kandidati magħżula indikat f'dan l-avviż ta' kompetizzjoni, iżda ma jistax ikun aktar minn 4 in-numru ta' kandidati magħżula (5). Dan jiġi ppubblikat fuq is-sit tal-internet tal-EPSO (http://blogs.ec.europa.eu/eu-careers.info/).

L-eżamijiet tat-traduzzjoni jiġu organizzati f'ċentri tat-testijiet fl-Istati Membri.

2.

In-natura tat-testijiet u l-marki

f)

eżami ta' traduzzjoni mil-lingwa 2 għal-lingwa 1 (bid-dizzjunarju).

Ħin: 60 minuta

g)

eżami ta' traduzzjoni mil-lingwa 3 għal-lingwa 1 (bid-dizzjunarju).

Ħin: 60 minuta

Kull eżami ta' traduzzjoni jkun immarkat minn 0 sa 80 punt

minimu meħtieġ għal kull test: 40 punt

Jekk kandidat ma jiksibx il-minimu meħtieġ fit-test f), it-test g) ma jiġix ikkoreġut.

VI.   ĊENTRU TA' EVALWAZZJONI

1.

L-istedina

Inti tiġi mistieden għaċ-ċentru ta' evalwazzjoni għal ġurnata, fil-prinċipju fi Brussell, jekk tkun ksibt il-minimu meħtieġ u waħda mill-aħjar marki fl-eżamijiet tat-traduzzjoni.

In-numru ta’ kandidati mistiedna għaċ-ċentru ta' evalwazzjoni, għal kull kompetizzjoni u għal kull għażla, jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor mad-doppju tan-numru ta' kandidati magħżula indikati f'dan l-avviż ta' kompetizzjoni u li jiġi ppubblikat fuq il-websajt tal-EPSO (http://blogs.ec.europa.eu/eu-careers.info/).

2.

Ċentru ta' evalwazzjoni

Iċ-ċentru ta' evalwazzjoni jevalwa l-kompetenzi ġenerali tiegħek (6) fl-ewwel lingwa sors tagħkom permezz tal-elementi li ġejjin, fejn il-kontenut jiġi validat mill-bord ta' selezzjoni:

h)

intervista strutturata

i)

eżerċizzju fi grupp

j)

preżentazzjoni orali

Kull kompetenza ġenerali se tiġi ttestjata skont din l-iskeda:

 

Intervista strutturata

Eżerċizzju fi grupp

Preżentazzjoni orali

Analiżi u soluzzjoni tal-problemi

 

x

x

Komunikazzjoni

x

 

x

Kwalità u riżultati

x

 

x

Tagħlim u żvilupp

x

x

 

Prijoritizzazzjoni u organizzazzjoni

 

x

x

Reżiljenza

x

 

x

Ħidma fi grupp

x

x

 

Ħiliet fit-tmexxija

x

x

 


3.

Marki

minn 0 sa 80 punt għall-kompetenzi ġenerali kollha (10 punti għal kull kompetenza)

il-minimu meħtieġ: 40 punt għat-tmien kompetenzi ġenerali kollha

4.

Il-piż tal-marki

Marka globali bbażata fuq it-total tal-eżamijiet ta' traduzzjoni (kompetenzi speċifiċi) u l-elementi taċ-ċentru ta' evalwazzjoni (kompetenzi ġenerali) hija kkalkolata b'dan il-mod:

Kompetenzi speċifiċi: testijiet f) u g): 65 % tal-marka globali

Kompetenzi ġenerali: elementi h), i) u j): 35 % tal-marka globali

VII.   LISTI TA' RIŻERVA

1.

Ir-reġistrazzjoni

Il-bord tas-selezzjoni jniżżel ismek fil-lista ta’ riżerva

jekk inti wieħed mill-kandidati (7) li kisbu l-minimu meħtieġ u waħda mill-aħjar marki fit-testijiet tat-traduzzjoni u l-elementi taċ-ċentru tal-evalwazzjoni

u jekk, fid-dawl tad-dokumenti ta' sostenn, inti tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha tad-dħul.

Il-verifika ssir, skont l-ordni dixxendenti fil-mertu, sakemm jintlaħaq in-numru ta' kandidati li jistgħu jitniżżlu fil-lista ta' riżerva u li effettivament jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha tal-ammissjoni.

Id-dokumenti ta’ sostenn tal-kandidati li ma jkunux ġew ikklassifikati taħt dan il-limitu ma jiġux eżaminati. Jekk jirriżulta minn din il-verifika li d-dikjarazzjonijiet (8) li saru mill-kandidati fl-applikazzjoni elettronika tagħhom ma jkunux ippruvati bid-dokumenti ta' sostenn rilevanti, il-kandidati kkonċernati jiġu esklużi mill-kompetizzjoni.

2.

Klassifika

Il-listi għal kull kompetizzjoni jiġu stabbiliti skont il-qasam u f’ordni alfabetika.

VIII.   KIF TAPPLIKA?

1.

Ir-reġistrazzjoni elettronika

Għandek tapplika b'mod elettroniku billi ssegwi l-proċedura indikata fuq il-websajt tal-EPSO, u b'mod speċjali fil-Manwal tal-Applikazzjoni.

Data ta' skadenza (inkluża l-validazzjoni): il-5 ta’ Awwissu 2014 f’12:00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell

2.

Fajl tal-applikazzjoni

Jekk inti tkun fost il-kandidati ammessi għaċ-ċentru ta' evalwazzjoni, tkun trid iġġib miegħek (9) il-fajl tal-applikazzjoni komplut (l-applikazzjoni elettronika tiegħek iffirmata u d-dokumenti ta' sostenn) meta tiġi għaċ-ċentru ta' evalwazzjoni.

Termini: ara l-punt 2.1.7 tad-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali.


(1)  F'dan l-avviż kull referenza għall-persuna tas-sess maskil tirreferi wkoll għall-persuna tas-sess femminil.

(2)  Ara l-Qafas Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi (QKERL) – (http://europass.cedefop.europa.eu/europass/home/hornav/Downloads/CEF/LanguageSelfAssessmentGrid.csp) – livell minimu meħtieġ għall-post ta' traduttur: lingwa 1 = C2, lingwa 2 = C1, lingwa 3 = C1

(3)  F’każ li diversi kandidati jkunu kisbu l-istess marka għall-aħħar post, dawn il-kandidati kollha se jkunu mistiedna għall-eżamijiet tat-traduzzjoni.

(4)  Din l-informazzjoni tiġi verifikata, abbażi tad-dokumenti ta' sostenn, qabel ma tiġi stabbilita l-lista ta' riżerva (ara t-Taqsima VII, il-punt 1 u t-Taqsima VIII, il-punt 2).

(5)  Dawn il-limiti jistgħu ma jiġux applikati b'mod eċċezzjonali minħabba klassifika ta' kandidati f'pożizzjoni “ex aequo” jew biex jiggarantixxi l-karattru bla danni tan-newtralizzazzjoni.

(6)  Dawn il-kompetenzi huma mfissra fid-detall fil-punt 1.2 tad-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali.

(7)  Fil-każ li, għall-aħħar post, diversi kandidati jkunu kisbu l-istess marka, dawn il-kandidati kollha jitniżżlu fil-lista ta' riżerva.

(8)  Dikjarazzjonijiet ivverifikati mill-EPSO għall-kundizzjonijiet ġenerali u mill-bord tas-selezzjoni għall-kundizzjonijiet speċifiċi.

(9)  Id-data ta’ meta trid tattendi ċ-ċentru ta' evalwazzjoni tiġi kkomunikata lilek fi żmien xieraq permezz tal-kont tal-EPSO tiegħek.