SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

8 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 18(1) – Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità – Deċiżjoni ta’ rtirar tas-sejħa għal offerti – Offerti sottomessi separatament minn żewġ offerenti li jaqgħu taħt l-istess operatur ekonomiku u li jikkostitwixxu ż-żewġ offerti li huma l-iktar vantaġġużi ekonomikament – Rifjut tal-offerent rebbieħ li jiffirma l-kuntratt – Deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li tirrifjuta l-offerta tal-offerent sussegwenti, li ttemm il-proċedura u li tniedi sejħa għal offerti ġdida”

Fil-Kawża C‑769/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Diċembru 2021, fil-proċedura

AAS “BTA Baltic Insurance Company”

vs

Iepirkumu uzraudzības birojs,

Tieslietu ministrija,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Ħames Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Għaxar Awla, I. Jarukaitis u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal AAS “BTA Baltic Insurance Company”, minn M. Brizgo, advokāts,

għall-Gvern Latvjan, minn J. Davidoviča u K. Pommere, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Ondrůšek, A. Sauka u G. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn AAS BTA Baltic Insurance Company (iktar ’il quddiem, “Baltic”) minn naħa, u t-Tieslietu ministrij (il-Ministeru għall-Ġustizzja, il-Latvja) u l-Iepirkumu uzraudzības birojs (l-Uffiċċju ta’ Sorveljanza tal-Kuntratti pubbliċi, il-Latvja) min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ deċiżjoni li tiġi mitmuma proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi ta’ assigurazzjoni għall-mard.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Prinċipji tal-akkwist”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.

[…]”

4

L-Artikolu 55 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-Informar ta’ kandidati u offerenti”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Malajr kemm jista’ jkun, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jgħarrfu lil kull kandidat u offerent bid-deċiżjonijiet li ħadu rigward il-konklużjoni ta’ ftehim qafas, l-għoti ta’ kuntratt jew ammissjoni għal sistema dinamika ta’ xiri, inklużi r-raġunijiet għal kull deċiżjoni li ma jiġix konkluż ftehim qafas, li ma jingħatax kuntratt li għalih saret sejħa għall-kompetizzjoni, li terġa’ tinfetaħ il-proċedura jew li ma tiġix implimentata sistema dinamika ta’ xiri.”

Id‑dritt Latvjan

5

L-Artikolu 2 tal-Publisko iepirkumu likums (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi), tal‑15 ta’ Diċembru 2016 (Latvijas Vēstnesis, 2016, Nru 254), huwa fformulat kif ġej:

“L-għan ta’ din il-liġi huwa l-garanzija:

1)

tat-trasparenza tal-kuntratti;

2)

tal-kompetizzjoni libera bejn il-fornituri kif ukoll it-trattament ugwali u ekwu tagħhom;

3)

l-użu effikaċi tar-riżorsi tal-awtorità kontraenti billi kemm jista’ jkun possibbli jitnaqqas ir-riskju tiegħu”.

6

Skont il-punti 23 u 24 tal-Ministru kabineta noteikumi Nr. 107 “Iepirkuma procedūru un metu konkursu norises kārtība” (id-Digriet Nru 107 tal-Kunsill tal-Ministri dwar il-Proċeduri ta’ Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi u tal-Kompetizzjonijiet) tat‑28 ta’ Frar 2017 (Latvijas Vēstnesis, 2017, no 45):

“23.

Meta l-offerent li lilu jingħata l-kuntratt jirrifjuta li jikkonkludi l-kuntratt mal-awtorità kontraenti, il-kumitat ta’ evalwazzjoni għandu l-jedd li jagħti l-kuntratt lill-offerent sussegwenti li jkun ressaq l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament jew li jtemm il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt billi ma jagħżel ebda offerta. Meta jkun ġie deċiż li l-kuntratt jingħata lill-offerent sussegwenti li jkun ressaq l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, iżda dan tal-aħħar jirrifjuta li jikkonkludi l-kuntratt, il-kumitat ta’ evalwazzjoni għandu jiddeċiedi li jtemm il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt billi ma jagħżel ebda offerta.

24.

Qabel ma jieħu deċiżjoni dwar l-għoti tal-kuntratt lill-offerent sussegwenti li jkun ressaq l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, il-kumitat ta’ evalwazzjoni għandu jeżamina jekk dan l-offerent u l-offerent inizjalment magħżul li rrifjuta li jikkonkludi l-kuntratt mal-awtorità kontraenti għandhomx jiġu kkunsidrati flimkien bħala operatur ekonomiku wieħed. Jekk ikun il-każ, il-kumitat ta’ evalwazzjoni għandu d-dritt jirrikjedi dikjarazzjoni mill-offerent sussegwenti u, jekk ikun neċessarju, il-prova li dan tal-aħħar u l-offerent inizjalment magħżul ma għandhomx jiġu kkunsidrati flimkien bħala operatur ekonomiku wieħed. Jekk l-offerent sussegwenti u l-offerent inizjalment magħżul ikollhom jiġu kkunsidrati flimkien bħala operatur ekonomiku wieħed, il-kumitat ta’ evalwazzjoni jiddeċiedi li jtemm il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt billi ma jagħżel ebda offerta.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

7

Il-Ministeru għall-Ġustizzja nieda, bħala awtorità kontraenti, sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku ta’ assigurazzjoni tal-mard għall-impjegati tiegħu u għal dawk tal-Valsts zemes dienests (id-Dipartiment Nazzjonali tal-Kadast, il-Latvja), tad-Datu valsts inspekcija (l-Awtorità Nazzjonali tal-Protezzjoni tad-Data, il-Latvja), tal-Maksātnespējas kontroles dienests (id-Dipartiment ta’ Kontroll tal-Insolvenza, il-Latvja) u tal-Patentu valde (l-Uffiċċju tal-Privattivi, il-Latvja).

8

Numru ta’ offerenti, fosthom Baltic u Compensa Life Vienna Insurance Group SE Latvijas filiāle (iktar ’il quddiem “Compensa”), issottomettew offerti sabiex jiksbu dan il-kuntratt pubbliku.

9

Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Novembru 2020, il-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-Ministeru għall-Ġustizzja qies li l-offerta sottomessa minn Compensa kienet l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Madankollu din il-kumpannija rrifjutat li tikkonkludi l-kuntratt.

10

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Diċembru 2020 dan il-kumitat ta’ evalwazzjoni indika li Baltic kienet l-offerenti sussegwenti fid-dritt li tikseb il-kuntratt, filwaqt li rrikjeda, fuq il-bażi tal-punt 24 tad-Digriet Nru 107 tat‑28 ta’ Frar 2017, il-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni kif ukoll il-prova li Baltic u Compensa ma kellhomx jitqiesu li jikkostitwixxu flimkien l-istess operatur ekonomiku wieħed.

11

Bi tweġiba għal din it-talba, Baltic indikat li hija kellha titqies li tifforma flimkien ma’ Compensa operatur ekonomiku wieħed, filwaqt li ddikjarat li hija kienet ippreparat l-offerta tagħha b’mod indipendenti u mingħajr ftehim ma’ din tal-aħħar.

12

F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2020, il-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-Ministeru għall-Ġustizzja, li bbaża ruħu fuq il-punt 23 tad-Digriet Nru 107 tat‑28 ta’ Frar 2017, temm il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

13

Fis‑16 ta’ Diċembru 2020, il-Ministeru għall-Ġustizzja nieda proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt.

14

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Jannar 2021, l-Uffiċċju ta’ Sorveljanza tal-Kuntratti Pubbliċi, wara li rċieva lment minn Baltic, ikkonferma d-deċiżjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2020. Huwa osserva li l-punt 24 tad-Digriet Nru 107 tat‑28 ta’ Frar 2017 jimponi lill-awtorità kontraenti, bil-għan ta’ prevenzjoni tal-possibbiltà ta’ prattika miftiehma bejn l-impriżi tal-istess grupp wara s-sottomissjoni tal-offerti, ittemm il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku jekk tikkonstata li l-offerent inizjalment magħżul, li rrifjuta li jikkonkludi l-kuntratt mal-awtorità kontraenti, u l-offerent sussegwenti għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu operatur ekonomiku wieħed. Barra minn hekk, skont l-Uffiċċju ta’ Sorveljanza tal-Kuntratti Pubbliċi, l-awtorità kontraenti, konformement mal-punt 23 ta’ dan id-digriet, għandha d-dritt, fi kwalunkwe ipoteżi, li ttemm il-kuntratt pubbliku jekk l-offerent rebbieħ jirrifjuta li jikkonkludi l-kuntratt mal-awtorità kontraenti, fejn ebda offerent ieħor ma għandu d-dritt suġġettiv li jirrikjedi li jiġi ddikjarat li ser jingħata l-kuntratt.

15

Għalhekk Baltic ippreżentat rikors quddiem l-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja), jiġifieri l-qorti tar-rinviju, sabiex tikseb l-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

16

Skont Baltic, l-awtorità kontraenti kellha obbligu teżamina l-ispjegazzjonijiet tagħha dwar in-natura tar-rabta bejn iż-żewġ kumpanniji u l-preparazzjoni tal-offerti, biex b’hekk tasal għal ekwilibriju ġust fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipji kollha stabbiliti fl-Artikolu 2 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi.

17

Il-preżunzjoni li tinsab fil-punt 24 tad-Digriet Nru 107 tat‑28 ta’ Frar 2017, li skontha l-impriżi tal-istess grupp ikoordinaw l-offerti tagħhom bil-għan li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni, hija sproporzjonata u tikser il-prinċipji ddikjarati kemm fid-Direttiva 2014/24 kif ukoll fis-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2009, Assitur (C‑538/07, EU:C:2009:317).

18

Il-fatt li l-ammont tal-offerta tal-offerent inizjalment magħżul kien ogħla minn dak tal-offerta tagħha jservi bħala prova li l-offerti ma ġewx ikkoordinati, fejn għalhekk l-irtirar tal-ewwel offerta ma setgħax jagħti xi tip ta’ vantaġġ lill-kumpanniji tal-grupp.

19

L-Uffiċċju ta’ Sorveljanza tal-Kuntratti Pubbliċi jqis, min-naħa tiegħu, li s-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2009, Assitur (C‑538/07, EU:C:2009:317), tikkonċerna biss id-dritt tal-impriżi li jkollhom rabta bejniethom li jipparteċipaw fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku u li jissottomettu offerti, liema dritt ma ġiex ristrett f’dan il-każ.

20

Din is-sitwazzjoni għandha tiġi distinta mis-sitwazzjoni li fiha l-awtorità kontraenti għandu l-obbligu jtemm il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku meta l-offerent magħżul jirrifjuta li jikkonkludi l-kuntratt ikkonċernat. Fil-fatt, fl-ewwel każ, ittrattat mis-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2009, Assitur (C‑538/07, EU:C:2009:317), l-awtorità kontraenti, wara li tiċħad l-offerti tal-impriżi li jkollhom rabta bejniethom, tagħżel offerta oħra u l-kuntratt pubbliku jimmaterjalizza ruħu fl-għoti ta’ kuntratt, filwaqt li, fit-tieni każ, l-awtorità kontraenti ttemm il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku billi ma tagħżel ebda offerta, li jkollu bħala effett li terġa’ tiġi stabbilita l-kompetizzjoni billi l-offerenti kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw fi proċedura ġdida.

21

Barra minn hekk il-Ministeru għall-Ġustizzja jsostni li, fi kwalunkwe każ, il-punt 23 tad-Digriet Nru 107 tat‑28 ta’ Frar 2017 jagħti lill-awtorità kontraenti setgħa diskrezzjonali fuq it-tkomplija tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt meta l-offerent rebbieħ jirrifjuta li jikkonkludi l-kuntratt ikkonċernat.

22

Skont l-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali), l-eżitu tat-tilwima quddiemha jiddependi mill-kwistjoni dwar jekk is-sempliċi ċirkustanza, mhux ikkontestata f’dan il-każ, li Baltic u Compensa għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu l-istess operatur ekonomiku wieħed teżerċitax effett fuq id-dritt tal-awtorità kontraenti li tiddeċiedi li ttemm il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

23

Din il-qorti tqis li Stat Membru għandu, mingħajr dubju, seta’ diskrezzjonali wiesgħa biex jipprevedi l-possibbiltà li jadotta deċiżjoni ta’ rtirar tas-sejħa għal offerti. Fil-fatt, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hekk kif jirriżulta mis-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Croce Amica One Itala (C‑440/13, EU:C:2014:2435, punti 33 sa 35), ir-raġunijiet għall-irtirar jistgħu jkunu bbażati, b’mod partikolari, fuq raġunijiet li huma relatati mal-evalwazzjoni tal-opportunità, mill-perspettiva tal-interess pubbliku, li proċedura ta’ għoti titwassal sal-aħħar, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni, fost l-oħrajn, il-bdil eventwali tal-kuntest ekonomiku jew taċ-ċirkustanzi fattwali, jew inkella bżonnijiet tal-awtorità kontraenti kkonċernata.

24

F’dan il-każ, madankollu, mill-espożizzjoni tal-fatti jirriżulta li l-awtorità kontraenti, minkejja r-rifjut tal-offerent rebbieħ li jikkonkludi l-kuntratt, kellha l-intenzjoni li tkompli l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt billi tagħti l-kuntratt pubbliku lill-offerent sussegwenti li ssottometta l-offerta li kienet l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Fil-fatt, il-bżonnijiet tal-awtorità kontraenti ma nbidlux, hekk kif tikkonferma t-tnedija ta’ proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt, u l-offerta sussegwenti tissodisfa l-bżonnijiet kif ukoll ir-rekwiżiti tal-awtorità kontraenti. Madankollu din tal-aħħar, b’applikazzjoni tal-punt 24 tad-Digriet Nru 107, tat‑28 ta’ Frar 2017, temmet il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku minħabba li ż-żewġ offerenti kkonċernati kellhom jitqiesu li jikkostitwixxu l-istess operatur ekonomiku wieħed.

25

Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali mal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-proċeduri ta’ għoti tal-kuntratti pubbliċi.

26

Huwa minnu li din il-leġiżlazzjoni ma tipprojbixxix lill-impriżi li bejniethom teżisti relazzjoni ta’ kontroll jew li għandhom rabta bejniethom milli jipparteċipaw għall-istess kuntratt pubbliku. Għaldaqstant hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenzi tad‑19 ta’ Mejju 2009, Assitur (C‑538/07, EU:C:2009:317, punti 2930), kif ukoll tat‑8 ta’ Frar 2018, Lloyd’s of London (C‑144/17, EU:C:2018:78, punti 34 sa 36), li skontha d-dritt tal-Unjoni jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi projbizzjoni assoluta, għal impriżi li bejniethom teżisti relazzjoni ta’ kontroll jew li għandhom rabta bejniethom, milli jipparteċipaw b’mod simultanju u konkorrenti għall-istess sejħa għal offerti mingħajr ma jingħataw il-possibbiltà li juru l-indipendenza tal-offerti tagħhom, inkwantu tali leġiżlazzjoni tmur kontra l-interess tal-Unjoni li tiġi żgurata l-ikbar parteċipazzjoni possibbli ta’ offerenti f’sejħa għal offerti.

27

Madankollu, minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li impriżi li bejniethom teżisti relazzjoni ta’ kontroll jew li għandhom rabta bejniethom għandhom id-dritt li jingħataw il-kuntratt li għalih ipparteċipaw. Issa, il-punt 24 tad-Digriet Nru 107, tat‑28 ta’ Frar 2017, jipprojbixxi lill-awtorità kontraenti li tagħti l-kuntratt pubbliku lill-offerent sussegwenti meta dan u l-offerent inizjalment magħżul li rtira l-offerta tiegħu jikkostitwixxu flimkien l-istess operatur ekonomiku wieħed. Għaldaqstant tali leġiżlazzjoni tistrieħ, essenzjalment, fuq il-preżunzjoni inkonfutabbli li ż-żewġ offerenti ftiehmu u li l-offerent rebbieħ irtira l-offerta tiegħu għal din ir-raġuni.

28

Il-qorti tar-rinviju tqis, għalhekk, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minkejja s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li minnha jgawdu l-Istati Membri biex jipprevedu l-każijiet li fihom ikun hemm lok li tiġi mitmuma proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku f’ċirkustanzi fejn il-bżonnijiet tal-awtorità kontraenti ma jkunux inbidlu u fejn l-offerta sussegwenti tissodisfa l-bżonnijiet kif ukoll ir-rekwiżiti tal-awtorità kontraenti, ma hijiex kompatibbli mal-prinċipji ddikjarati fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24, b’mod partikolari mal-obbligu li għandhom l-Istati Membri li jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi b’mod ugwali u mingħajr diskriminazzjoni kif ukoll fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-istadju tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni huwa mingħajr importanza għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, inkwantu din hija applikabbli wkoll għal deċiżjoni li din il-proċedura tiġi mitmuma. Għaldaqstant din il-leġiżlazzjoni għandha tagħti lill-offerent ikkonċernat il-possibbiltà li juri l-indipendenza tal-offerta tiegħu.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-awtorità kontraenti l-obbligu vinkolanti li ttemm proċedura għal għoti ta’ kuntratt jekk jiġi kkonstatat li l-offerent inizjalment magħżul, li rrifjuta li jikkonkludi l-kuntratt mal-awtorità kontraenti u l-offerent sussegwenti, li ppropona offerta li tissodisfa l-interessi u l-bżonnijiet tal-awtorità kontraenti, għandhom jitqiesu bħala operatur ekonomiku wieħed, hija kompatibbli mal-prinċipji ta’ għoti ta’ kuntratti stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva [2014/24], b’mod partikolari l-obbligu tal-Istati Membri li jittrattaw l-operaturi ekonomiċi b’mod ugwali u mingħajr diskriminazzjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità?”

Fuq id‑domanda preliminari

30

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni bħal, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi lill-awtorità kontraenti ttemm proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku meta, fil-każ ta’ rtirar tal-offerent inizjament magħżul li ressaq l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, l-offerent li ressaq l-offerta sussegwenti li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament jikkostitwixxi operatur ekonomiku wieħed ma’ dan tal-aħħar.

31

F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà, imsemmija fl-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/24, li jadottaw deċiżjoni ta’ rtirar ta’ sejħa għal offerti għal raġunijiet li għandhom relazzjoni, b’mod partikolari, mal-evalwazzjoni tal-opportunità, mill-perspettiva tal-interess pubbliku, li proċedura ta’ għoti titwassal sal-aħħar, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, il-bidla eventwali tal-kuntest ekonomiku jew taċ-ċirkustanzi fattwali, tal-bżonnijiet tal-awtorità kontraenti kkonċernata jew tal-livell insuffiċjenti ta’ kompetizzjoni meta, fi tmiem il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt ikkonċernat, offerent wieħed jibqa’ adattat biex jeżegwixxi dan il-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Croce Amica One Italia, C‑440/13, EU:C:2014:2435, punt 35).

32

Madankollu, tali deċiżjoni ta’ rtirar ta’ sejħa għal offerti għandha tiġi adottata fl-osservanza tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità, li jissemmew ukoll fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2002, HI, C‑92/00, EU:C:2002:379, punti 4245 sa 47, kif ukoll tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Croce Amica One Italia, C‑440/13, EU:C:2014:2435, punti 33, 3436).

33

F’dan il-każ, huwa ċar li billi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, timponi lill-awtorità kontraenti ttemm proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, hija għandha l-intenzjoni li teskludi kull kollużjoni potenzjali bejn il-parteċipanti fl-istess proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku wara s-sottomissjoni tal-offerti tagħhom u li b’dan il-mod tiggarantixxi ż-żamma ta’ livell suffiċjenti tal-kompetizzjoni sabiex tiġi ssalvagwardjata l-ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati kif ukoll it-trasparenza tal-proċedura (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Frar 2018, Lloyd’s of London, C‑144/17, EU:C:2018:78, punt 31).

34

Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tali leġiżlazzjoni madankollu ma għandhiex, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Frar 2018, Lloyd’s of London, C‑144/17, EU:C:2018:78, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi ġew adottati fil-kuntest tat-twettiq ta’ suq uniku maħsub sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu u jiġu eliminati r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni (sentenza tat‑8 ta’ Frar 2018, Lloyd’s of London, C‑144/17, EU:C:2018:78, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

F’dan il-kuntest, huwa fl-interess tad-dritt tal-Unjoni li tiġi żgurata l-ikbar parteċipazzjoni possibbli ta’ offerenti għal sejħa għal offerti (sentenza tat‑8 ta’ Frar 2018, Lloyd’s of London, C‑144/17, EU:C:2018:78, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Minn dan jirriżulta, skont ġurisprudenza stabbilita, li l-esklużjoni awtomatika ta’ kandidati jew ta’ offerenti li jinsabu f’relazzjoni ta’ kontroll jew ta’ assoċjazzjoni ma’ kompetituri oħra tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-prevenzjoni tal-aġir kollużorju u, għalhekk, biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-osservanza tal-obbligu ta’ trasparenza. Fil-fatt, tali esklużjoni awtomatika, sa fejn din tikkostitwixxi preżunzjoni inkonfutabbli reċiproka fl-offerti rispettivi, għall-istess kuntratt, ta’ impriżi marbuta f’relazzjoni ta’ kontroll jew ta’ assoċjazzjoni u teskludi b’dan il-mod il-possibbiltà għal dawn il-kandidati jew offerenti li juru l-indipendenza tal-offerti tagħhom, tmur kontra l-interess tal-Unjoni li tiġi żgurata l-ikbar parteċipazzjoni possibbli ta’ offerenti f’sejħa għal offerti (sentenza tat‑8 ta’ Frar 2018, Lloyd’s of London, C‑144/17, EU:C:2018:78, punti 3536 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li l-gruppi ta’ impriżi jistgħu jkollhom għamliet u għanijiet differenti u mhux bilfors jeskludu li l-impriżi kkontrollati jgawdu minn ċerta awtonomija fit-tmexxija tal-politika kummerċjali u fl-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, b’mod partikolari fil-qasam tal-parteċipazzjoni fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Fil-fatt, ir-relazzjonijiet bejn l-impriżi tal-istess grupp jistgħu jkunu rregolati minn dispożizzjonijiet partikolari li jistgħu jiggarantixxu kemm l-indipendenza kif ukoll il-kunfidenzjalità matul it-tfassil tal-offerti li jkunu ser jiġu sottomessi simultanjament mill-impriżi inkwistjoni fil-kuntest tal-istess sejħa għal offerti (sentenza tat‑8 ta’ Frar 2018, Lloyd’s of London, C‑144/17, EU:C:2018:78, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Għaldaqstant, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tirrikjedi li l-awtorità kontraenti tkun obbligata li teżamina u li tevalwa l-fatti, bil-għan li tiddetermina jekk ir-rapport eżistenti bejn żewġ entitajiet inċidiex b’mod konkret fuq il-kontenut rispettiv tal-offerti sottomessi fil-kuntest tal-istess proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, fejn il-konstatazzjoni ta’ tali influwenza, irrispettivament mill-forma tagħha, hija suffiċjenti biex l-imsemmija impriżi jkunu jistgħu jiġu esklużi mill-proċedura (sentenza tat‑8 ta’ Frar 2018, Lloyd’s of London, C‑144/17, EU:C:2018:78, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Din il-ġurisprudenza, żviluppata fir-rigward tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jipprevedu l-esklużjoni awtomatika tal-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, tapplika bl-istess mod bħal leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li timponi lill-awtorità kontraenti, fl-istadju ulterjuri tal-proċedura ta’ għoti, li tali proċedura tiġi mitmuma.

41

Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni, għalkemm ma teskludix, minn tal-inqas b’mod awtomatiku, lil offerenti li jaqgħu taħt l-istess entità ekonomika mill-parteċipazzjoni fl-istess proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, hija għandha effetti analogi għal dan.

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, billi tipprevedi għat-tmiem awtomatiku ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku meta, fil-każ ta’ rtirar ta’ offerent inizjalment magħżul li ssottometta l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, l-offerent ikklassifikat fit-tieni post, li kien issottometta l-offerta sussegwenti li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, jikkostitwixxi operatur ekonomiku wieħed ma’ dan tal-aħħar, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistabbilixxi preżunzjoni inkonfutabbli li skontha dawn l-offerenti ftiehmu għall-preparazzjoni tal-offerti tagħhom jew wara s-sottomissjoni tagħhom għas-sempliċi raġuni li dawn jaqgħu taħt l-istess entità ekonomika u dan mingħajr ma jkunu jistgħu juru n-natura indipendenti tal-offerti tagħhom.

43

Issa, tali leġiżlazzjoni nazzjonali, li tirrigwarda fażi tal-proċedura li matulha l-klassifikazzjoni tal-offerti u l-kontenut tagħhom ġew żvelati, hija iktar u iktar kuntrarja għall-interess tal-Unjoni li tiġi żgurata l-ikbar parteċipazzjoni possibbli ta’ offerenti f’sejħa għal offerti u għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.

44

Fil-fatt, mhux biss din il-leġiżlazzjoni hija ta’ natura li tiddiswadi lil kumpanniji li jaqgħu taħt l-istess grupp milli jissottomettu offerti konkorrenti fi proċedura ta’ kuntratt pubbliku, ladarba l-klassifikazzjoni tagħhom fl-ewwel żewġ postijiet ikollha bħala effett awtomatiku, fil-każ li l-offerent li jiġi l-ewwel jirtira ruħu, li tiġi mitmuma kemm din il-proċedura kif ukoll dawk sussegwenti, fejn b’hekk jiġu esklużi, de facto, minn kull possibbiltà li jikkompetu fil-kuntest ta’ tali kuntratt pubbliku, iżda, barra minn hekk, l-imsemmija leġiżlazzjoni tidher fiha nnifisha li tista’ żżid ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni peress li l-iżvelar tal-klassifikazzjoni tal-offerti u tal-kontenut tagħhom fi tmiem l-ewwel proċedura hija ta’ natura li tiffaċilita ftehim eventwali bejn l-offerenti fil-kuntest tal-proċedura sussegwenti.

45

Għalkemm huwa minnu li l-irtirar tal-offerent inizjalment magħżul li ssottometta l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, meta l-offerent li ssottometta l-offerta sussegwenti li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament jikkostitwixxi operatur ekonomiku wieħed ma’ dan tal-aħħar, jista’ jikkostitwixxi l-indizju ta’ ftehim antikompetittiv, peress li tali rtirar jista’ jidher li huwa mmotivat mill-intenzjoni li tiġi magħżula l-ogħla offerta sottomessa mill-grupp ikkunsidrat fl-intier tiegħu, jibqa’ l-fatt li ma tista’ tiġi stabbilita ebda preżunzjoni inkonfutabbli f’dan is-sens bil-konsegwenza li dawn l-offerenti jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li juru n-natura indipendenti tal-offerti tagħhom.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi lill-awtorità kontraenti ttemm proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku meta, fil-każ ta’ rtirar tal-offerent inizjalment magħżul li ressaq l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, l-offerent li ressaq l-offerta sussegwenti li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament jikkostitwixxi operatur ekonomiku wieħed ma’ dan tal-aħħar.

Fuq l‑ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi lill-awtorità kontraenti ttemm proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku meta, fil-każ ta’ rtirar tal-offerent inizjalment magħżul li ressaq l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, l-offerent li ressaq l-offerta sussegwenti li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament jikkostitwixxi operatur ekonomiku wieħed ma’ dan tal-aħħar.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.