SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

15 ta’ Ġunju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (UE) Nru 1215/2012 — Artikolu 7(1) — Kunċetti ta’ ‘materji kuntrattwali’ u ta’ ‘provvista ta’ servizzi’ — Azzjoni ta’ rkupru bejn il-kodebituri in solidum ta’ kuntratt ta’ kreditu — Determinazzjoni tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ kreditu”

Fil-Kawża C-249/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Mejju 2016, fil-proċedura

Saale Kareda

vs

Stefan Benkö,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal S. Kareda, minn C. Függer, avukat,

għal S. Benkö, minn S. Alessandro, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ April 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012 L 351, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Stefan Benkö u Saale Kareda dwar ir-rimbors ta’ pagamenti mensili fir-rigward ta’ kuntratt ta’ kreditu komuni, imħallsa minn S. Benkö fin-nuqqas ta’ ħlas minn S. Kareda.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1215/2012

3

Mill-premessa 4 tar-Regolament Nru 1215/2012 jirriżulta li dan huwa intiż, fl-interess tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, sabiex jintroduċi “dispożizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, u sabiex jiżguraw għarfien u eżekuzzjoni malajr u sempliċi ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru”.

4

Il-premessi 15 u 16 tal-imsemmi regolament jgħidu:

“(15)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(16)

Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. Dan hu importanti b’mod partikolari fir-rigward ta’ tilwim li jirriżulta minn obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża l-malafama.”

5

Ir-regoli ta’ ġurisdzzjoni jinsabu fil-Kapitolu II tal-istess regolament. Dan il-kapitolu fih b’mod partikolari t-Taqsimiet 1, 2 u 4, rispettivament intitolati “Disposizzjonijiet ġenerali”, “Ġurisdizzjoni speċjali” u “Ġurisdizzjoni fuq kuntratti tal-konsumatur”.

6

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, li jinsab fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu II, huwa fformulat kif ġej:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

7

L-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament Nru 1215/2012, li jinsab fit-Taqsima 2 tal-imsemmi Kapitolu II, huwa fformulat kif ġej:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

1)

a)

fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni;

b)

għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni u sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettiq tal-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti ġew ikkonsenjati jew suppost li kienu kkonsenjati,

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti [provvista ta’ servizzi], il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti [is-servizzi] ġew ikkonsenjati [ipporvduti] jew suppost li kienu kkonsenjati [pprovduti];

c)

jekk il-punt (b) ma japplikax, japplika l-punt (a);

[…]”

8

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 hija identika għal dik tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) li ġie abrogat bir-Regolament Nru 1215/2012. Barra minn hekk, dan l-Artikolu 7(1) jikkorrispondi għall-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32) kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”).

9

L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, li jinsab fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II ta’ din, jipprovdi:

“Fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jitqies lil hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 u l-punt 5 tal-Artikolu 7, jekk:

a)

ikun kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti li jitħallsu bin-nifs;

b)

ikun kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti;

c)

fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, bi kwalunkwe mezzi, tidderieġi tali attivitajiet lejn dak l-Istat Membru jew lejn diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u l-kuntratt jidħol fl-ambitu ta’ attivitajiet bħal dawk.”

10

L-Artikolu 18(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, li jinsab ukoll taħt din it-Taqsima 4, jipprovdi:

“1.   Konsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt fil-qrati tal-Istat Membru li fih tkun domiċiljata dik il-parti jew, irrispettivament mid-domiċilju tal-parti l-oħra, fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur.

2.   Jistgħu jitressqu proċeduri kontra konsumatur mill-parti l-oħra tal-kuntratt biss fil-qrati tal-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.”

11

Il-formulazzjoni tal-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament Nru 1215/2012 tikkorrispondi għal dik tal-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament Nru 44/2001.

Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008

12

Il-premessi 7 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, u rettifika ĠU 2009, L 309, p. 87), jipprovdu:

“(7)

L-ambitu sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament [Nru 44/2001] u r-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) […].

[…]

(17)

Sa fejn tkun konċernata l-liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla, il-kunċetti ta’ ‘forniment [provvista] ta’ servizzi’ u ‘bejgħ ta’ oġġetti’ għandhom jkunu interpretati bl-istess mod meta jiġi applikat l-Artikolu 5 tar-Regolament [Nru 44/2001] sa fejn il-bejgħ ta’ oġġetti u l-forniment ta’ servizzi ikunu koperti minn dak ir-Regolament. Għalkemm kuntratti ta’ konċessjoni u ta’ distribuzzjoni huma kuntratti għal servizzi, huma s-suġġett ta’ regoli speċifiċi.”

13

Skont l-Artikolu 15 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Surroga ġuridika”:

“Fejn persuna (“il-kreditur”) ikollha dritt kuntrattwali kontra oħra (“id-debitur”) u persuna terza jkollha l-obbligu li tissodisfa lill-kreditur, jew fil-fatt issodisfat lill-kreditur fit-twettiq ta’ dak l-obbligu, il-liġi li tirregola l-obbligu tal-persuna terza li tissodisfa lill-kreditur għandha tiddetermina jekk u sa liema punt il-persuna terza jkollha l-jedd li teżerċita kontra d-debitur d-drittijiet li l-kreditur kellu kontra d-debitur taħt il-liġi li tirregola r-relazzjoni tagħhom”.

14

L-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament, intitolat “Pluralità ta’ debituri”, jipprovdi:

Jekk kreditur ikollu pretensjoni kontra diversi debituri li jkunu marbuta mill-istess pretensjoni, u wieħed mid-debituri diġà ssodisfa l-pretensjoni fis-sħiħ jew parzjalment, il-liġi li tirregola l-obbligazzjoni tad-debitur lejn il-kreditur għandha tirregola ukoll id-dritt tad-debitur li jitlob adempiment mid-debituri l-oħra. Id-debituri l-oħra jistgħu jeċċepixxu d-difiżi li kellhom kontra l-kreditur sal-limitu permess mil-liġi li tirregola l-obbligazzjonijiet tagħhom lejn il-kreditur”.

Id-dritt Awstrijak

15

L-Artikolu 896 tal-Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch (kodiċi ċivili ġenerali, iktar ’il quddiem l-“ABGB) huwa fformulat kif ġej:

“Kodebitur in solidum li jkun ħallas waħdu d-dejn kollu huwa awtorizzat, anki mingħajr ma kien hemm trasferiment ta’ drittijiet, jitlob lid-debituri l-oħra r-rimbors, u dan f’ammonti ugwali jekk ma jkun ġie miftiehem ebda ammont ieħor bejniethom.”

16

Qabel ma ġie emendat miż-Zahlungsverzugsgesetz (liġi dwar id-dewmien fil-ħlas, BGBl. I, 2013/50), l-Artikolu 905(2) tal-ABGB kien jipprovdi li, “f’każ ta’ dubju, id-debitur għandu jħallas lill-kreditur il-ħlasijiet fi flus kontanti għar-riskju u bi spejjeż tiegħu, fid-domiċilju (post ta’ stabbiliment) tal-kreditur.”

17

L-Artikolu 1042 tal-ABGB jipprevedi:

“Kull persuna li ssostni spiża għal persuna oħra li kellha tiġi sostnuta minn din tal-aħħar stess skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi għandha d-dritt li titlob ir-rimbors tagħha”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

S. Benkö, ċittadin Awstrijak iddomiċiljat fl-Awstrija, ressaq azzjoni quddiem il-Landesgericht St. Pölten (qorti reġjonali ta’ St. Pölten, l-Awstrija) kontra l-ex sieħba tiegħu, S. Kareda, ċittadina Estonjana residenti f’indirizz mhux magħruf fl-Estonja, sabiex jikseb ir-rimbors tas-somma ta’ EUR 17145,41, flimkien mal-interessi u l-ispejjeż. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, matul l-2007, meta kienu jgħixu flimkien fl-Awstrija, S. Benkö u S. Kareda xtraw dar, għall-prezz ta’ EUR 190000, li issa huma kull wieħed minnhom proprjetarju ta’ nofs indiviż. Fl-assenza ta’ fondi proprji, irrikorrew għal tliet selfiet, rispettivament ta’ EUR 150000, ta’ EUR 100000 u ta’ EUR 50000, miftiehma f’Marzu 2007 mingħand bank Awstrijak sabiex jiffinanzjaw dan ix-xiri u x-xogħlijiet fuq il-fond neċessarji. Kemm S. Benkö kif ukoll S. Kareda kellhom il-kwalità ta’ persuna li tissellef.

19

Fit-tmiem tas-sena 2011, S. Kareda kienet temmet il-ħajja komuni ma’ S. Benkö u reġgħet marret toqgħod fl-Estonja, f’post mhux magħruf f’dan il-pajjiż. Hija waqfet tipparteċipa għar-rimbors ta’ dan is-self minn Ġunju 2012, u għalhekk, minn dak iż-żmien, S. Benkö qiegħed jerfa’ waħdu l-oneru tar-rimbors ta’ dan is-self. L-azzjoni mressqa minn S. Benkö hija intiża għalhekk għall-kundanna ta’ S. Kareda sabiex tirrimborsalu, skont l-Artikolu 1042 tal-ABGB, is-somom korrispondenti għall-ħlas li huwa għamel għaliha sa Ġunju 2014 inkluż.

20

Il-qorti tal-ewwel istanza, il-Landesgericht St. Pölten (qorti reġjonali ta’ St. Pölten, l-Awstrija) ikkuntattjat l-ambaxxata tal-Estonja fl-Awstrija sabiex tikseb l-indirizz tad-domiċilju ta’ S. Kareda, iżda mingħajr l-ebda riżultat.

21

Il-mandatar maħtur sabiex jirċievi n-notifiki kollha għal S. Kareda qajjem eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni fejn sostna li din kellha d-domiċilju tagħha fl-Estonja. Skont dan, minn naħa, il-fatti deskritti minn S. Benkö ma jaqgħux taħt id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II, Taqsimiet 2 sa 7 tar-Regolament Nru 1215/2012. Min-naħa l-oħra, il-qorti adita ma għandhiex ġurisdizzjoni territorjali, peress li l-post fejn hija stabbilita s-sede soċjali tal-bank fejn ġie kkuntrattat is-self inkwistjoni, u li jikkorrispondi għall-post tal-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ rimbors ta’ dan is-self, ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni territorjali tal-Landesgericht St. Pölten (qorti reġjonali ta’ St. Pölten).

22

Filwaqt li laqgħet dan l-argument, din il-qorti kkonstatat li ma kellhiex ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tisma’ l-kawża.

23

Adita b’appell kontra din id-deċiżjoni minn S. Benkö, l-Oberlandesgericht Wien (qorti reġjonali superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija) iddeċidiet li l-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 kienet determinata mill-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu kuntrattwali ta’ rimbors, jiġifieri, skont din il-qorti, id-domiċilju ta’ debitur. Il-Landesgericht St. Pölten (qorti reġjonali ta’ St. Pölten) għandha għalhekk ġurisdizzjoni internazzjonali u territorjali.

24

Il-mandatarju ta’ S. Kareda ppreżenta rikors għal “reviżjoni” kontra din id-deċiżjoni tal-qorti tal-appell quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Oberster Gerichtshof, l-Awstrija), sabiex tikkonstata n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Awstrijaċi.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-azzjoni għal rimbors (azzjoni għal kumpens/azzjoni għal irkupru) li d-debitur li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu (komuni) ma’ bank, ikun ħa waħdu r-responsabbiltà tar-rimbors tal-kreditu, jeżerċita kontra d-debitur l-ieħor obbligat minn dan il-kuntratt ta’ kreditu, tikkostitwixxi azzjoni kuntrattwali (sekondarja) li tirriżulta mill-kuntratt ta’ kreditu?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

Fir-rigward tal-azzjoni għal rimbors (bħala azzjoni għal kumpens/azzjoni għal irkupru) ta’ debitur kontra d-debitur l-ieħor obbligat mill-kuntratt ta’ kreditu li jservi bħala bażi għat-talba, il-post ta’ eżekuzzjoni huwa stabbilit

a)

skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 ([“provvista ta’ servizzi”]) jew

b)

skont il-lex causae, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 7(1)(c) u (a) tar-Regolament Nru 1215/2012?

3)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda, parti (a):

L-għoti tal-kreditu mill-bank jikkostitwixxi l-provvista kuntrattwali li tikkaratterizza l-kuntratt ta’ kreditu u, konsegwentement, il-post ta’ eżekuzzjoni għall-provvista ta’ dan is-servizz huwa stabbilit, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, skont is-sede tal-bank, meta l-għoti tal-kreditu jkun sar esklużivment f’dan il-post?

4)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda, parti b):

Sabiex jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu kuntrattwali miksur, għandu jsir riferiment

a)

għad-data li fiha s-self ikun sar miż-żewġ debituri (Marzu 2007) jew

b)

għad-dati partikolari li fihom id-debitur tal-kreditu li għandu d-dritt li jeżerċita l-azzjoni għal irkupru jkun għamel lill-bank il-pagamenti li fuqhom huma bbażati t-talbiet tiegħu (Ġunju 2012 sa Ġunju 2014)?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjoni ta’ rkupru bejn il-kodebituri in solidum ta’ kuntratt ta’ kreditu taqa’ taħt il-“materji kuntrattwali”, imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

27

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jaqbel li jsir riferiment għall-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll għall-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li tapplika wkoll għall-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kkwalifikati bħala ekwivalenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB, C‑147/12, EU:C:2013:490, punt 28).

28

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta, minn naħa, li l-kunċett ta’ “materji kuntrattwali”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha u, min-naħa l-oħra, li, sabiex taqa’ taħt dawn il-materji, l-azzjoni tar-rikorrent għandha tkun dwar obbligu ġuridiku aċċettat liberament minn persuna fir-rigward ta’ persuna oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna, C-419/11, EU:C:2013:165, punti 45 sa 47, kif ukoll tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C-375/13, EU:C:2015:37, punti 37 u 39).

29

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-kriterji tal-fatturi ta’ konnessjoni stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom japplikaw għat-talbiet kollha bbażati fuq l-istess kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder, C-204/08, EU:C:2009:439, punt 33).

30

Sussegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li jaqgħu taħt il-materji kuntrattwali l-obbligi kollha li joriġinaw mill-kuntratt li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tiegħu tiġi invokata insostenn tal-azzjoni tar-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1976, De Bloos, 14/76, EU:C:1976:134, punti 16 u 17, kif ukoll tat-8 ta’ Marzu 1988, Arcado, 9/87, EU:C:1988:127, punt 13).

31

L-istess japplika għall-obbligi li jirriżultaw bejn żewġ kodebituri in solidum, bħall-partijiet fil-kawża prinċipali, u, b’mod partikolari, għall-possibbiltà għal kodebitur li jkun ħallas parti minn jew is-sehem kollu tal-kodebitur fid-dejn komuni li jirkupra l-ammont hekk imħallas billi jibda azzjoni ta’ rkupru (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2016, Kostanjevec, C-185/15, EU:C:2016:763, punt 38). Fil-fatt, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjoni tiegħu, peress li r-raġuni għal din l-azzjoni hija hi stess marbuta mal-eżistenza ta’ dan il-kuntratt, ikun artifiċjali, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, li jiġu sseparati dawn ir-relazzjonijiet legali mill-kuntratt minn fejn jirriżultaw u li jikkostitwixxi l-bażi tagħhom.

32

Fl-aħħar nett, anki jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhom jiġu interpretati fid-dawl tas-sistema stabbilita minn dan kif ukoll tal-għanijiet li jsostnuh (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, Kainz, C-45/13, EU:C:2014:7, punt 19), għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan ta’ koerenza fl-applikazzjoni, b’mod partikolari, ta’ dan l-aħħar regolament u tar-Regolament Ruma I (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige BalticC-359/14 u C-475/14, EU:C:2016:40, punt 43). Issa, l-interpretazzjoni li azzjoni ta’ rkupru, bħal dik fil-kawża prinċipali, għandha tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ taħt materji kuntrattwali, fis-sens tar-Regolament Nru 1215/2012 taqbel ukoll ma’ dan l-għan ta’ koerenza. Fil-fatt, l-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma I jorbot ir-relazzjoni bejn diversi debituri espressament ma’ dik li teżisti bejn id-debitur u l-kreditur.

33

Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni ta’ rkupru bejn il-kodebituri in solidum ta’ kuntratt ta’ kreditu taqa’ taħt il-“materji kuntrattwali”, imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

Fuq it-tieni domanda

34

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk it-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ kreditu, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konkluż bejn stabbiliment ta’ kreditu u żewġ kodebituri in solidum, għandu jiġi kkwalifikat bħala “kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni.

35

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “servizzi”, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, li l-formulazzjoni tiegħu hija identika għal dik tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, jimplika, tal-inqas, li l-parti li tipprovdihom twettaq attività determinata bħala kontroparti ta’ remunerazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016, Granarolo, C-196/15, EU:C:2016:559, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn stabbiliment ta’ kreditu u persuna li tissellef, il-provvista ta’ servizzi tinsab fl-għoti lit-tieni ta’ somma ta’ flus minn tal-ewwel kontra remunerazzjoni mħallsa mill-persuna li tissellef, bħala regola fil-forma ta’ interessi.

37

Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li tali kuntratt ta’ kreditu għandu jiġi kkwalifikat bħala “kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012.

38

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ kreditu, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konkluż bejn stabbiliment ta’ kreditu u żewġ kodebituri in solidum, għandu jiġi kkwalifikat bħala “kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni.

Fuq it-tielet domanda

39

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta stabbiliment ta’ kreditu jagħti kreditu lil żewġ kodebituri in solidum, il-“post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti [is-servizzi] ġew ikkonsenjati [ipporvduti] jew suppost li kienu kkonsenjati [pprovduti]”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa ħlief jekk jiġi miftiehem kuntrarju, dak tas-sede ta’ dan l-istabbiliment, inkluż sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti adita sabiex tisma’ l-azzjoni ta’ rkupru bejn dawn il-kodebituri.

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ddeterminat, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu karatteristiku tal-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016, Granarolo, C-196/15, EU:C:2016:559, punt 33).

41

Issa, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu, l-obbligu karatteristiku huwa l-għoti stess tas-somma mislufa, meta l-obbligu tal-persuna li tissellef li tirrimborsa l-imsemmija somma huwa biss il-konsegwenza tal-eżekuzzjoni tal-prestazzjoni tal-persuna li ssellef.

42

Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li, ħlief fl-ipoteżi, invokata mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, ta’ ftehim kuntrarju, il-post fejn is-servizzi ġew ipprovduti, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, huwa, f’każ ta’ għoti ta’ kreditu minn stabbiliment ta’ kreditu, il-post fejn tinsab is-sede ta’ dan l-istabbiliment.

43

Fir-rigward tal-punt dwar jekk din il-kunsiderazzjoni hijiex ukoll rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-qorti li għandha ġurisdizzjoni territorjali sabiex tiddeċiedi dwar azzjoni ta’ rkupru bejn il-kodebituri in solidum tal-obbligu ta’ rimbors, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 31 ta’ din is-sentenza, tali azzjoni tikseb il-fondament tagħha fil-kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn il-kodebituri in solidum u l-istabbiliment ta’ kreditu.

44

Minn dak li jippreċedi kif ukoll mill-għanijiet ta’ prevedibbiltà, ta’ unifikazzjoni u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja kif intiżi mir-Regolament Nru 1215/2012, skont il-premessi 15 u 16 ta’ dan tal-aħħar jirriżulta li t-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tisma’ tali azzjoni hija dik tal-post tal-Istat Membru fejn tinsab is-sede ta’ dan l-istabbiliment ta’ kreditu, bħala post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li jservi ta’ bażi għal tali azzjoni ta’ rkupru.

45

F’dan ir-rigward, l-osservazzjoni magħmula minn kull waħda mill-partijiet, skont liema għandhom, it-tnejn li huma, il-kwalità ta’ konsumaturi u għandhom, konsegwentement, jibbenefikaw mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti, fil-qasam ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi, mill-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament Nru 1215/2012, ma hijiex rilevanti. Fil-fatt, kif irrelevat il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 15 u 16 tar-Regolament Nru 44/2001, l-imsemmija regoli ma jistgħux japplikaw għar-relazzjonijiet bejn żewġ konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Vapenik, C-508/12, EU:C:2013:790, punt 34).

46

Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li t-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta stabbiliment ta’ kreditu jkun ta kreditu lil żewġ kodebituri in solidum, il-“post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti [is-servizzi] ġew ikkonsenjati [ipprovduti] jew suppost li kienu kkonsenjati [pprovduti]”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa, ħlief ftehim kuntrarju, dak tas-sede ta’ dan l-istabbiliment, inkluż sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti adita bl-azzjoni ta’ rkupru bejn dawn il-kodebituri.

Fuq ir-raba’ domanda

47

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tielet domanda, ma hemmx għalfejn tingħata risposta għar-raba’ domanda.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni ta’ rkupru bejn il-kodebituri in solidum ta’ kuntratt ta’ kreditu taqa’ taħt il-“materji kuntrattwali”, imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

 

2)

It-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ kreditu, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konkluż bejn stabbiliment ta’ kreditu u żewġ kodebituri in solidum, għandu jiġi kkwalifikat bħala “kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni.

 

3)

It-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta stabbiliment ta’ kreditu jkun ta kreditu lil żewġ kodebituri in solidum, il-“post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti [is-servizzi] ġew ikkonsenjati [ipprovduti] jew suppost li kienu kkonsenjati [pprovduti]”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa, ħlief ftehim kuntrarju, dak tas-sede ta’ dan l-istabbiliment, inkluż sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti adita bl-azzjoni ta’ rkupru bejn dawn il-kodebituri.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.