SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

7 ta’ Settembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Konċentrazzjoni ta’ impriżi – Regolament (KE) Nru 139/2004 – Artikolu 3(1)(b) u (4) – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘konċentrazzjoni’ – Tibdil tan-natura tal-kontroll ta’ impriża eżistenti, li minn esklużiv isir bi sħab – Ħolqien ta’ impriża konġunta li twettaq, fuq bażi dewwiema, il-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma”

Fil-Kawża C-248/16:

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Mejju 2016, fil-proċedura

Austria Asphalt GmbH & Co OG

vs

Bundeskartellanwalt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, A. Borg Barthet, E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott

Reġistratur: Lopez Bancalari, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Marzu 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Austria Asphalt GmbH & Co OG, minn B. Kofler-Senoner, S. Huber, M. Mayer u H. Kristoferitsch, avukati,

għall-Bundeskartellanwalt, minn A. Mair, H. L. Majer u G. Stifter, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Christoforou, H. Leupold u M. Farley, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ April 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).

2

Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ tilwima bejn Austria Asphalt GmbH & Co OG (iktar 'il quddiem “Austria Asphalt”) u l-Bundeskartellanwalt (prosekutur federali tal-akkordji) dwar allegata operazzjoni ta’ konċentrazzjoni.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 5, 6, 8 u 20 tar-Regolament Nru 139/2004 huma redatti kif ġej:

“(5)

[…] għandu jkun assigurat li l-proċess ta’ riorganizzazzjoni ma jwassalx għal ħsara fil-kompetizzjoni li ddum tinħass; il-liġi Komunitarja għandha, għaldaqstant, tinkludi dispożizzjonijiet li jirregolaw dawk il-konċentrazzjonijiet li jistgħu jfixklu b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu.

(6)

Għaldaqstant, hemm il-bżonn ta’ strument legali speċifiku li jippermetti li jsir kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha skont l-effett tagħhom fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fil-Komunità. Dan l-istrument għandu jkun l-uniku strument li japplika għal dawn il-konċentrazzjonijiet. Ir-Regolament (KEE) Nru 4064/89 ippermetta li tiżviluppa politika Komunitarja f’dan il-qasam. Madankollu, fid-dawl ta’’ l-esperjenza, dan ir-Regolament għandu issa jinkiteb mill-ġdid fl-leġislazzjoni miktuba apposta sabiex tilqa’ l-isfidi ta’ suq aktar integrat u tat-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea fil-futur. Skont il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat, dan ir-Regolament ma jaqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan li jkun assigurat li l-kompetizzjoni fis-suq komuni ma tkunx imfixkla, dejjem skont il-prinċipju tal-ekonomija ta’ suq miftuħ b’kompetizzjoni ħielsa.

[…]

(8)

Id-dispożizzjonijiet li ħa jkunu adottati b’dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal bidliet strutturali sinifikanti li l-impatt tagħhom fuq is-suq jinħass ukoll lil hinn mill-fruntieri nazzjonali ta’ wieħed mill-Istati Membri. Bħala regola ġenerali, dawn it-tip ta’ konċentrazzjonijiet għandhom ikunu eżaminati mill-ġdid esklużivament fuq livell Komunitarju u dan bħala applikazzjoni tas-sistema ta’ “one-stop shop” u b’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

[…]

(20)

Ikun jaqbel li jiġi definit il-kunċett ta’ konċentrazzjoni b’mod li jkopri operazzjonijiet li jwasslu għal bidla fil-tul fil-kontroll ta’ l-impriżi konċernati u għalhekk fl-istruttura tas-suq. Għaldaqstant, huwa xieraq li fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ikunu inklużi l-joint ventures [impriżi konġunti] kollha li jħaddmu, fuq bażi dejjiema, l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma. Barra minn hekk, huwa xieraq li jkunu meqjusa bħala konċentrazzjoni waħda dawk it-transazzjonijiet li jkunu marbuta ħafna ma xulxin fis-sens li jkunu relattati b’kundizzjoni jew jieħdu l-forma ta’ serje ta’ transazzjonijiet f’titoli liema transazzjonijiet isiru f’perjodu ta’ żmien raġjonevolment qasir.”

4

L-Artikolu 2(1) u (4) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprevedi:

“1.   Konċentrazzjonijiet li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu stmati skond l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet li ġejjin bil-għan li jkun stabbilit jekk humiex kompatibbli mas-suq komuni jew le.

Meta tagħmel dan l-assessjar, il-Kummissjoni għandha tqis:

a)

il-bżonn li tippriserva u tiżviluppa kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni bil-ħsieb, fost affarijiet oħra, ta’ l-istruttura tas-swieq kollha konċernati u l-kompetizzjoni attwali jew potenzjali minn impriżi oħra fil-Komunità jew barra mill-Komunità;

[…]

4.   Safejn il-ħolqien ta’ joint venture li tammonta għal konċentrazzjoni skont l-Artikolu 3 jkollu bħala l-għan jew l-effett tiegħu il-kordinazzjoni tal-imġieba kompetittiva tal-impriżi li jibqgħu indipendenti, din il-kordinazzjoni għandha tkun stmata skont il-kriterji tal-Artikolu [101](1) u (3) [TFUE] bil-għan li jkun stabbilit jekk l-operazzjoni hix kompatibbli mas-suq komuni jew le.”

5

L-Artikolu 3 tal-istess regolament, intitolat “Taxxa fuq il-produzzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1.   Għandu jitqies li hemm konċentrazzjoni meta jkun hemm bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema, liema bidla tkun ir-riżultat ta’:

[…]

b)

l-akkwist, minn persuna jew minn aktar minn persuna waħda li diġa tikkontrolla jew jikkontrollaw mill-anqas impriża waħda, jew minn impriża jew minn aktar minn impriża waħda, ta’ kontroll dirett jew indirett ta’ impriża jew ta’ aktar minn impriża waħda, jew ta’ partijiet minn impriża jew minn aktar minn impriża waħda. Dan l-akkwist jista’ jsir kemm permezz tal-akkwist ta’ titoli jew ta’ assi, permezz ta’ kuntratt jew permezz ta’ kull mezz ieħor.

[…]

4.   Il-ħolqien ta’ joint venture li twettaq, fuq bażi dewwiema, il-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma għandha tammonta għal konċentrazzjoni skond it-tifsira tal-paragrafu 1(b).”

6

L-Artikolu 21 tar-Regolament Numru 139/2004 intitolat “Applikazzjoni tar-Regolament u ġurisdizzjoni”, jistipula fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament biss għandu japplika għal konċentrazzjonijiet kif definiti fl-Artikolu 3, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 [tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)], (KEE) Nru 1017/68 […], (KEE) Nru 4056/86 […] u (KEE) Nru 3975/87 […] ma għandhomx japplikaw, minbarra fir-rigward ta’ joint ventures li ma għandhomx dimensjoni Komunitarja u li għandhom bħala skop jew effett il-kordinazzjoni ta’ l-imġieba kompetittiva li baqgħa indipendenti.”

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7

Austria Asphalt hija sussidjarja ta’ Strabag SE li tikkontrollaha indirettament. Il-grupp Strabag li għalih dawn il-kumpanniji jappartjenu huwa grupp internazzjonali ta’ impriżi ta’ kostruzzjoni li joperaw b’mod partikolari fil-qasam tat-toroq.

8

Porr AG, li wkoll tagħmel parti minn grupp internazzjonali ta’ impriżi ta’ kostruzzjoni li jibni toroq, għandha l-kapital kollu ta’ Teerag Asdag AG. Din tal-aħħar hija l-unika proprjetarja tal-impjant għat-taħlit tal-asfalt ta’ Mürzzuschlag (iktar 'il quddiem l-“impriża mmiratata”), li tipproduċi l-asfalt meħtieġ għall-kostruzzjoni tat-toroq. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-biċċa l-kbira tal-produzzjoni ta’ din l-impriża kumpanija hija ddestinata għall-grupp Porr hekk li l-imsemmija impriża ma tistax tiġi deskritta bħala impriża li twettaq il-funzjonjiet kollha.

9

Austria Asphalt u Teerag Asdag jaħsbu li joħolqu kumpannija rregolata bid-dritt Awstrijak li ser tixtri l-impriża mmirata. B’hekk, huwa previst li Austria Asphalt jkollha 50 % tal-kapital f’din il-kumpanija u jkollha, flimkien ma’ Teerag Asdag, il-kontroll tal-impriża mmirata. Konsegwentement, sa mid-data ta’ din l-operazzjoni, Teerag Asdag ser teżerċita kontroll mhux esklużiv tal-impriża mmirata, iżda flimkien ma’ Austria Asphalt. Skont il-qorti tar-rinviju, l-impriża konġunta li tirriżulta mill-imsemmija operazzjoni ma tistax tiġi deskritta bħala l-impriża konġunta li twettaq il-funzjonjiet kollha, peress li l-biċċa l-kbira tal-produzzjoni tagħha ser tkun iddestinata għall-impriżi taż-żewġ gruppi li jikkontrollawha.

10

Austria Asphalt innotifikat l-abbozz ta’ konċentrazzjoni lill-prosekutur federali tal-akkordji, fit-3 ta’ Awwissu 2015.

11

Skont id-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali, il-prosekutur federali tal-akkordji talab lill-Kartellgericht (qorti tal-kompetizzjoni, l-Awstrija) sabiex teżamina dan l-abbozz. Din il-qorti qieset, essenzjalment, li l-operazzjoni maħsuba tikkostitwixxi konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004 u li, peress li l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-regolament kienu ssodisfatti, din l-operazzjoni ma setgħetx tiġi eżaminata fid-dawl tad-dritt Awstrijak. Hija għaldaqstant iddikkjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni u, b’deċiżjoni tas-6 ta’ Ottubru 2015, ċaħdet it-talba għal eżami.

12

Austira Asphalt ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija), billi sostniet li, skont l-Artikolu 3(4) tal-imsemmi regolament, il-ħolqien ta’ impriża konġunta twassal għal operazzjoni ta’ konċentrazzjoni biss meta din l-impriża twettaq fuq bażi dewwiema l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma, jiġifieri sa fejn hija impriża konġunta li twettaq il-funzjonijiet kollha. Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk, hekk li r-Regolament Nru 139/2004 ma jistax jiġi applikat.

13

Il-qorti tar-rinviju kkonstatat, qabel kollox, li ma hemm l-ebda ġurisprudenza li tispeċifika l-portata tal-kunċett ta’ “ħolqien ta’ joint venture [impriża konġunta]” imsemmi fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004 jew tiċċara r-relazzjoni bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament li jiddefinixxi b’mod ġenerali l-kriterji li fil-preżenza tagħhom konċentrazzjoni titqies li twettqet barra mill-każ tal-amalgamazzjoni ta’ żewġ kumpanniji jew ta’ iżjed kumpanniji jew ta’ partijiet ta’ tali impriżi. Insegwitu, la l-Avviż ġuriżdizzjonali kkonsolidat tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU 2008, C 95, p. 1 u rettifika ĠU 2009, C 43, p. 10) u lanqas il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma jippermettu li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati b’mod ċar. Fl-aħħar nett, id-duttrina stess hija maqsuma.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 3(1)(b) u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament [Nru 139/2004] għandhom jiġu interpretati fis-sens li bidla minn kontroll uniku għal kontroll bi sħab ta’ impriża eżistenti, f’ċirkustanzi fejn l-impriża li qabel kellha kontroll uniku ssir impriża li teżerċita kontroll bi sħab, tikkostitwixxi konċentrazzjoni biss meta l-impriża [li l-kontroll tagħha huwa mmodifikat] jkollha l-funzjonijiet kollha ta’ entità awtonoma fuq bażi dewwiema?”

Fuq id-domanda preliminari

15

Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1)(b) u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li konċentrazzjoni għandha titqies imwettqa bħala riżultat tal-bidla fin-natura tal-kontroll eżerċitat fuq impriża eżistenti, li, qabel kien esklużiv, u jsir bi sħab, biss bil-kundizzjoni li l-impriża konġunta bħala riżultat ta’ din l-operazzjoni twettaq fuq bażi dewwiema l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma.

16

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament, konċentrazzjoni għandha titqies li twettqet b’mod partikolari meta bidla dewwiema tal-kontroll tirriżulta mill-akkwist, minn impriża waħda jew iktar, tal-kontroll dirett jew indirett ta’partijiet minn impriża waħda jew iżjed jew tal-imsemmija impriża jew impriżi kollha.

17

Madankollu, skont l-Artikolu 3(4) tal-imsemmi regolament, il-ħolqien ta’ impriża konġunta tikkostitwixxi konċentrazzjoni fis-sens tal-paragrafu 1(b) ta’ dan l-artikolu biss meta din l-impriża twettaq fuq bażi dewwiema l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma.

18

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 3 ma tippermettix, waħedha, li tiddetermina jekk konċentrazzjoni, fis-sens ta’ din tal-aħħar, għandhiex titqies imwettqa wara operazzjoni li biha l-kontroll ta’ impriża eżistenti minn esklużiv isir bi sħab meta l-impriża konġunta li tirriżulta minn tali operazzjoni ma twettaqx il-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma.

19

Fil-fatt, tali operazzjoni, minn naħa, timplika bdil dewwiemi tal-kontroll tal-impriża li hija s-suġġetta tagħha, li jissodisfa, b’hekk, wieħed mill-kriterji previsti fl-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament, u, min-naħa l-oħra, tista’ titqies bħala ħolqien ta’ impriża konġunta u taqa’ b’hekk f’dan l-Artikolu (4) hekk li konċentrazzjoni tista’ titqies mwettqa biss jekk din l-impriża twettaq fuq bażi dewwiema l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma.

20

Issa, meta l-interpretazzjoni litterali ta’ dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni ma tippermettix li tevalwa l-portata eżatta ta’ din id-dispożizzjoni, hemm lok li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tiġi interpretata abbażi kemm tal-għan tagħha kif ukoll l-istruttura ġenerali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C-68/94 u C-30/95, EU:C:1998:148, punt 168, kif ukoll tas-7 ta’ April 2016, Marchon Germany, C-315/14, EU:C:2016:211, punti 28 u 29).

21

Rigward l-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 139/2004, mill-premessi 5, 6 u 8 tiegħu jirriżulta li hija mmirata li tiżgura li r-ristrutturazzjonijiet ta’ impriżi ma jwasslux għal ħsara dewwiema għall-kompetizzjoni. Konsegwentement, skont dawn il-premessi, id-dritt tal-Unjoni għandu jinkludi dispożizzjonijiet applikabbli għall-konċentrazzjonijiet li jistgħu jfixklu b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern f’parti sostanzjali minnu u li jippermettu kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha skont l-effett tagħhom fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fl-Unjoni. Għaldaqstant, dan ir-regolament għandu japplika għall-bidliet strutturali sinjifikattivi li l-impatt tagħhom fuq is-suq jinħass ukoll lil hinn mill-fruntieri nazzjonali ta’ Stat Membru.

22

B’hekk, kif jirriżulta mill-kunċett tal-premessa 20 tal-imsemmi regolament, il-kunċett ta’ konċentrazzjoni għandu jiġi ddefinit b’tali mod li jkopri l-operazzjonijiet li jwasslu għal bidla dewwiema tal-kontroll tal-impriżi kkonċernati u tal-istruttura tas-suq. Barra minn hekk, fir-rigward tal-impriżi konġunti, dawn tal-aħħar għandhom jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess regolament jekk iwettqu fuq bażi dewwiema l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma.

23

F’dan ir-rigward, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-Regolament Nru 139/2004 ma jagħmel, fil-premessi tiegħu, l-ebda distinzjoni dwar jekk l-impriża inkwistjoni kinitx għadha kif inħolqot bħala riżultat tal-operazzjoni rilevanti jew jekk, diġà eżistenti u sa dak iż-żmien suġġetta għall-kontroll uniku ta’ grupp, l-imsemmija impriża tgħaddi taħt il-kontroll bi sħab ta’ diversi impriżi.

24

Dan l-assenza ta’ distinzjoni hija ġġustifikata għal kollox mill-fatt li, jekk il-ħolqien ta’ impriża konġunta għandu jiġi kkontrollat mill-Kummissjoni rigward l-effetti tiegħu fuq l-istruttura tas-suq, l-okkorrenza ta’ tali effetti tiddependi fuq id-dehra effettiva ta’ tali impriża konġunta fuq is-suq, jiġifieri impriża li twettaq fuq bażi dewwiema l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma.

25

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament huwa intiż għall-impriżi konġunti biss fejn il-ħolqien tagħhom ikollu impatt dejjiemi fuq l-istruttura tas-suq.

26

Tali interpretazzjoni hija kkonfermata bl-Artikolu 3(1)(b) tal-istess regolament li tadotta bħala element kostituttiv tal-kunċett ta’ konċentrazzjoni, mhux dak tal-ħolqien ta’ impriża iżda dak tal-bidla tal-kontroll ta’ impriża.

27

Li tingħata interpretazzjoni kuntrarja tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004, bħal dik xprunata b’mod partikolari mill-Kummissjoni, iwassal għal differenza fit-trattament inġustifikata bejn, minn naħa, l-impriżi li għadhom kemm inħolqu bħala riżultat tal-operazzjoni inkwistjoni, li jaqgħu fil-kunċett ta’ konċentrazzjoni biss jekk iwettqu fuq bażi dewwiema l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma, u l-impriżi preeżistenti għal tali operazzjoni, li jaqgħu taħt dan il-kunċett irrispettivament mill-fatt li, ladarba l-operazzjoni twettqet, huma jwettqu b’mod dejjiemi l-imsemmija funzjonijiet.

28

Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 139/2004, l-Artikolu 3(4) tal-istess regolament għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-ħolqien ta’ impriża konġunta, jiġifieri operazzjoni li fi tmiemha impriża kkontrollata bi sħab minn tal-inqas żewġ impriżi oħra li dehru fis-suq, mingħajr ma huwa sinjifikattiv li din l-impriża li għadha kif bdiet tiġi ikkontrollata bi sħab kienet teżisti qabel il-operazzjoni inkwistjoni.

29

Tali interpretazzjoni ta’dan l-Artikolu 3 taqa’ wkoll fl-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 139/2004.

30

Filwaqt li huwa minnu li, skont il-premessa 6 ta’ dan ir-regolament, il-kontroll preventiv ta’ operazzjonijiet stabbilit minn dan tal-aħħar ikopri l-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni li jaffettwaw l-istruttura tal-kompetizzjoni fl-Unjoni, minn dan bl-ebda mod ma jirriżulta li kwalunkwe aġir ta’ impriżi li ma jipproduċix tali effetti jevita l-kontroll tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar il-kompetizzjoni.

31

Issa, l-imsemmi regolament, bħal, b’mod partikolari, ir-Regolament (KE) Nru 1/2003, jagħmel parti minn pakkett leġiżlattiv intiż li jimplementa l-Artikoli 101 u 102 TFUE kif ukoll jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tkunx distorta fis-suq intern tal-Unjoni.

32

Kif jirriżulta mill-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 139/2004, dan tal-aħħar biss japplika għall-konċentrazzjonijiet kif iddefiniti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li għalihom ir-Regolament Nru 1/2003 ma jistax, fil-prinċipju, jiġi applikat.

33

Madankollu, dan l-aħħar regolament jibqa’ japplika għall-aġir ta’ impriżi li, mingħajr ma jikkostitwixxu operazzjoni ta’ konċentrazzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 139/2004, huma madankollu jistgħu jwasslu għal koordinazzjoni bejniethom kuntrarja għall-Artikolu 101 TFUE u li, għal din ir-raġuni, huma suġġetti għall-kontroll mill-Kummissjoni jew l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

34

Għaldaqstant ma hijiex konformi mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 139/2004 l-interpretazzjoni magħmula mill-Kummissjoni tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament li skontha l-bidla fil-kontroll ta’ impriża li minn esklużiv isir bi sħab taqa’ fil-kunċett ta’ konċentrazzjoni anki meta din l-impriża konġunta ma twettaqx fuq bażi dewwiema l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma. Fil-fatt, li tingħata tali interpretazzjoni jwassal sabiex jiġi estiż il-kontroll preventiv previst minn dan ir-regolament għal operazzjonijiet li ma jistgħux ikollhom effett fuq l-istruttura tas-suq rilevanti u jnaqqas, b’mod korrispondenti, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003, li ma jibqax għaldaqstant applikabbli għal tali operazzjonijiet, minkejja li dawn jistgħu jagħtu lok għal koordinazzjoni bejn impriżi fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE.

35

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li konċentrazzjoni għandha titqies imwettqa bħala riżultat ta’ bidla fin-natura tal-kontroll eżerċitat fuq impriża eżistenti, li, qabel kien esklużiv, u sar bi sħab, biss bil-kundizzjoni li l-impriża konġunta bħala riżultat ta’ din l-operazzjoni twettaq fuq bażi dewwiema l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma.

Fuq l-ispejjeż

36

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet), għandu jiġi interpretat fis-sens li konċentrazzjoni għandha titqies imwettqa bħala riżultat ta’ bidla fin-natura tal-kontroll eżerċitat fuq impriża eżistenti, li, qabel kien esklużiv, u sar bi sħab, biss bil-kundizzjoni li l-impriża konġunta bħala riżultat ta’ din l-operazzjoni twettaq fuq bażi dewwiema l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż