SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

27 ta’ Ġunju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Għajnuna mill-Istat — Artikolu 107(1) TFUE — Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ — Kunċetti ta’ ‘impriża’ u ta’ ‘attività ekonomika’ — Kundizzjonijiet oħra għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE — Artikolu 108(1) u (3) TFUE — Kunċetti ta’ ‘għajnuna eżistenti’ u ta’ ‘għajnuna ġdida’ — Ftehim tat-3 ta’ Jannar 1979 konkluż bejn ir-Renju ta’ Spanja u s-Santa Sede — Taxxa fuq il-kostruzzjoni, l-installazzjonijiet u x-xogħlijiet — Eżenzjoni favur proprjetà immobbli tal-Knisja Kattolika”

Fil-Kawża C‑74/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 4 de Madrid (qorti amministrattiva provinċjali Nru 4 ta’ Madrid, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Jannar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Frar 2016, fil-proċedura

Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania

vs

Ayuntamiento de Getafe,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, M. Ilešič, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, E. Juhász, M. Berger, A. Prechal, M. Vilaras u E. Regan, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, A. Arabadjiev (Relatur), M. Safjan, D. Šváby u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Jannar 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, minn M. Muñoz Pérez u A. Fanjul Guerricaechevarría, avukati,

għall-Ayuntamiento de Getafe, minn L. López Díez, avukat,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Sampol Pucurull u A. Rubio González, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Luengo, P. Němečková u F. Tomat, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Frar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (Comunidad de Casa de Escuelas Pías de Getafe, PP. Escolapios) [kongregazzjoni tal-iskejjel reliġjużi tal-provinċja ta’ Betania (komunità tad-djar tal-iskejjel reliġjużi ta’ Getafe, il-Pjaristi), iktar ’il quddiem il-“kongregazzjoni”] u l-ayuntamiento de Getafe (muniċipalità ta’ Getafe, iktar ’il quddiem il-“muniċipalità”) dwar ir-rifjut minn din tal-aħħar tat-talba tal-kongregazzjoni intiża li tikseb ir-rimbors ta’ somma li hija ħallset skont it-taxxa fuq il-kostruzzjoni, l-installazzjonijiet u x-xogħlijiet (iktar ’il quddiem l-“ICIO”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

L-Artikolu IV tal-ftehim dwar affarijiet ekonomiċi, konkluż bejn l-Istat Spanjol u s-Santa Sede fit‑3 ta’ Jannar 1979 (iktar ’il quddiem il-“ftehim tat‑3 ta’ Jannar 1979”) jipprovdi:

“1.   Is-Santa Sede, il-Konferenza tal-Isqfijiet, id-djoċesijiet, il-parroċċi u kostitwenzi territorjali oħrajn tal-kongregazzjonijet u ta’ ordnijiet reliġjużi u tal-istituti ta’ ħajja sagra, il-provinċji u d-djar tagħhom jibbenefikaw, bid-dritt, mill-eżenzjonijiet li ġejjin:

[...]

B)

eżenzjoni sħiħa u permanenti mit-taxxi reali u mit-taxxi fuq il-profitti kif ukoll mit-taxxa fuq id-dħul u mit-taxxa fuq il-ġid.

Din l-eżenzjoni ma tapplikax “għal dħul minn attivitajiet ekonomiċi jew mill-isfruttament tal-assi tal-Knisja meta dan l-isfruttament kien mgħoddi lil terzi, u lanqas għal profitti minn kapital kif ukoll għal dħul suġġett għat-tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul f’ras il-għajn.

[...]”

4

Konformement mal-Artikolu VI ta’ dan il-ftehim:

“Is-Santa Sede u l-Gvern Spanjol jobbligaw ruħhom li jirriżolvu bi qbil komuni l-ambigwitajiet u d-diffikultajiet li jistgħu jirriżultaw mill-interpretazzjoni jew mill-applikazzjoni tal-artikoli ta’ dan il-Ftehim, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipji inklużi fih.”

Id-dritt Spanjol

5

L-ICIO hija taxxa muniċipali li kienet stabbilita bil-Ley 39/1988 reguladora de las Haciendas Locales (Liġi 39/1988 li tirregola l-finanzi lokali), tat‑28 ta’ Diċembru 1988 (BOE Nru 313, tat‑30 ta’ Diċembru 1988, p. 36636). Meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, kienet irregolata bl-Artikoli 100 sa 103 tar-Real Decreto Legislativo 2/2004, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley Reguladora de las Haciendas Locales (Digriet Irjali Leġiżlattiv 2/2004, li fassal mill-ġdid il-liġi li tirregola l-finanzi lokali), tal‑5 ta’ Marzu 2004 (BOE Nru 59, tad‑9 ta’ Marzu 2004, p. 10284, iktar ’il quddiem it-“test imfassal mill-ġdid tal-liġi li tirregola l-finanzi lokali”).

6

Skont l-Artikolu 100(1) tat-test imfassal mill-ġdid tal-liġi li tirregola l-finanzi lokali:

“L-[ICIO] hija taxxa indiretta imposta fuq it-tlestija ta’ kull kostruzzjoni, installazzjoni jew xogħol, fit-territorju muniċipali, suġġett għall-kisba ta’ permess tal-bini, irrispettivament minn jekk ikunx inkiseb jew le, jew għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà jew ta’ informazzjoni minn qabel, sakemm il-ħruġ tal-permess jew tal-kontroll ikun jaqa’ taħt il-kompetenza tal-awtorità muniċipali li timponi t-taxxa.”

7

Konformement mal-Artikolu 101(1) ta’ dan it-test:

“Huma suġġetti għal din it-taxxa bħala persuni taxxabbli l-persuni fiżiċi, il-persuni ġuridiċi jew l-entitajiet [...] li huma l-iżviluppaturi tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, tal-installazzjonijiet jew tax-xogħlijiet, irrispettivament minn jekk jaġixxux f’isem is-sidien tal-proprjetà immobbli li qegħdin isiru x-xogħlijiet fuqha, jew le.

Għall-finijiet tal-paragrafu preċedenti, huwa meqjus bħala żviluppatur tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, tal-installazzjonijiet jew tax-xogħlijiet dak li huwa responsabbli għall-ispejjeż għat-tlestija.”

8

Il-ministeru tal-finanzi Spanjol, permezz tal-Orden por la que se aclara la inclusión del Impuesto sobre Construcciones, Instalaciones y Obras en la letra B) del apartado l del articulo IV del Acuerdo entre el Estado Español y la Santa Sede sobre Asuntos Económicos, de 3 de enero de 1979 (digriet li jispeċifika l-inklużjoni tat-taxxa fuq il-kostruzzjoni, l-installazzjonijiet u x-xogħlijiet fl-Artikolu IV(1)(B) tal-ftehim dwar affarijiet ekonomiċi, konkluż bejn l-Istat Spanjol u s-Santa Sede fit‑3 ta’ Jannar 1979), tal‑5 ta’ Ġunju 2001 (BOE Nru 144, tas‑16 ta’ Ġunju 2001, p. 21427, iktar ’il quddiem id-“digriet tal‑5 ta’ Ġunju 2001”), jispeċifika, fl-ewwel punt tad-dispożittiv ta’ dan id-digriet, li l-ICIO “taqa’ taħt it-taxxi reali jew fuq il-produzzjoni msemmija fl-Artikolu IV(1)(B) tal-ftehim tat‑3 ta’ Jannar 1979” u, fit-tieni punt ta’ dan id-dispożittiv, li s-“Santa Sede, il-Konferenza tal-Isqfijiet, id-djoċesijiet, il-parroċċi u kostitwenzi territorjali oħrajn, il-kongregazzjonijet u ordnijiet reliġjużi u l-istituti ta’ ħajja sagra u l-provinċji u d-djar tagħhom jibbenefikaw mill-eżenzjoni sħiħa u permanenti mill-[ICIO]”.

9

Bħalma tispeċifika l-qorti tar-rinviju, dan id-digriet irrikonoxxa, favur il-Knisja Kattolika, eżenzjoni sħiħa mill-ICIO fir-rigward tal-proprjetà immobbli miżmuma minnha, indipendentement min-natura tal-attivitajiet li ġew assenjati għalihom.

10

L-Orden EHA/2814/2009 por la que se modifica la Orden de 5 de junio de 2001, por la que se aclara la inclusión del Impuesto sobre Construcciones, Instalaciones y Obras en la letra B) del apartado 1 del artículo IV del Acuerdo entre el Estado Español y la Santa Sede sobre asuntos económicos, de 3 de enero de 1979 (Digriet EHA/2814/2009 li jemenda d-digriet tal‑5 ta’ Ġunju 2001, li jispeċifika l-inklużjoni tat-taxxa fuq il-kostruzzjoni, l-installazzjonijiet u x-xogħlijiet fl-Artikolu IV(1)(B) tal-ftehim dwar affarijiet ekonomiċi, konkluż bejn l-Istat Spanjol u s-Santa Sede fit‑3 ta’ Jannar 1979), tal‑15 ta’ Ottubru 2009 (BOE Nru 254, tal‑21 ta’ Ottubru 2009, p. 88046, iktar ’il quddiem id-“digriet tal‑15 ta’ Ottubru 2009”), issostitwixxa t-tieni punt tad-dispożittiv tad-digriet tal‑5 ta’ Ġunju 2001 bit-test li ġej:

“Is-Santa Sede, il-Konferenza tal-Isqfijiet, id-djoċesijiet, il-parroċċi u kostitwenzi territorjali oħrajn tal-kongregazzjonijet u ta’ ordnijiet reliġjużi u tal-istituti ta’ ħajja sagra, il-provinċji u d-djar tagħhom jibbenefikaw minn eżenzjoni sħiħa u permanenti mill-[ICIO] għall-proprjetà immobbli kollha li hija eżentata mill-Kontribuzzjoni Territorjali Urbana (bħalissa, it-taxxa fuq il-proprjetà immobbli).”

11

Bħalma jsegwi mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, minn din l-emenda kien jirriżulta li l-Knisja Kattolika kienet tibbenefika minn eżenzjoni mill-ICIO li tapplika għall-proprjetà immobbli intiża għal finijiet esklużivament reliġjużi biss.

12

Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li d-digriet tal‑15 ta’ Ottubru 2009 ġie annullat b’sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2013 tal-Awla għal proċeduri amministrattivi kontenzjużi tal-Audiencia Nacional (qorti ċentrali, Spanja) u li dan l-annullament ġie kkonfermat b’sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2014 tal-Awla għal proċeduri amministrattivi kontenzjużi tat-Tribunal Supremo (qorti suprema, Spanja), għar-raġuni, b’mod partikolari, li dan id-digriet naqqas il-portata tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu IV(1)(B) tal-ftehim tat‑3 ta’ Jannar 1979.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13

Il-kongregazzjoni hija inkluża fir-reġistru tal-entitajiet reliġjużi mal-ministeru tal-ġustizzja Spanjol u tibbenefika mill-ftehim tat‑3 ta’ Jannar 1979. Hija proprjetarja ta’ numru ta’ binjiet f’Getafe, fosthom l-iskola “La Inmaculada” li hija tamministra.

14

Fl‑4 ta’ Marzu 2011, il-kongregazzjoni talbet permess għall-konverżjoni u għall-estensjoni tal-bini tas-sala tal-imsemmija skola, intiża għaż-żamma, b’mod partikolari, ta’ laqgħat, korsijiet u konferenzi, sabiex tiġi attrezzata b’450 siġġu. L-imsemmi permess ingħata fit‑28 ta’ April 2011, u l-kongregazzjoni ħallset l-ICIO fl-ammont ta’ EUR 23730.41.

15

Sussegwentement, il-kongregazzjoni ppreżentat talba għar-rimbors ta’ dan l-ammont, peress li qieset li hija kienet eżentata mill-ħlas ta’ din it-taxxa skont id-digriet tal‑5 ta’ Ġunju 2001, li jimplementa l-Artikolu IV(1)(B) tal-ftehim tat‑3 ta’ Jannar 1979.

16

Din it-talba ġiet miċħuda b’deċiżjoni tas‑6 ta’ Novembru 2013 tal-Órgano de Gestión Tributaria (l-awtorità tat-taxxa) tal-muniċipalità, peress li din qieset li l-imsemmija eżenzjoni ma kinitx applikabbli, għar-raġuni li din kienet intalbet għal attività tal-Knisja Kattolika mingħajr ebda skop reliġjuż.

17

Il-kongregazzjoni tikkontesta din id-deċiżjoni, ikkonfermata fl-istanza ta’ rtirar, fil-kuntest tar-rikors ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, billi targumenta li l-ammont imħallas bħala ICIO ma kienx dovut, u dan għaliex l-Artikolu IV(1)(B) tal-ftehim tat‑3 ta’ Jannar 1979 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżentaha minn din it-taxxa, indipendentement mill-użu tal-proprjetà immobbli li tikkostitwixxi l-bażi tal-imsemmija taxxa.

18

Il-muniċipalità tirribatti li, skont id-digriet tal‑15 ta’ Ottubru 2009, l-eżenzjoni mill-ICIO tapplika biss għall-proprjetà immobbli eżentata mit-taxxa fuq il-proprjetà immobbli minħabba li hija intiża għall-finijiet reliġjużi tal-Knisja Kattolika u li, fin-nuqqas ta’ tali limitazzjoni, fid-dawl tal-importanza tal-eżerċizzju, minn din il-Knisja, ta’ attivitajiet ekonomiċi (amministrazzjoni ta’ skejjel, sptarijiet, eċċ), tali eżenzjoni tista’ tirriżulta li hija inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat.

19

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, minkejja li l-kwistjoni tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-eżenzjoni mill-ICIO li tibbenefika minnha l-Knisja Kattolika qatt ma tqajmet quddiem il-qrati Spanjoli, il-Kummissjoni Ewropea madankollu kienet adita b’din il-kwistjoni iżda ma ħaditx pożizzjoni definittiva dwarha. Dik il-qorti tispeċifika, f’dan ir-rigward, li l-imsemmija eżenzjoni ma hijiex, kuntrarjament għal dak li qieset dik l-istituzzjoni, limitata għall-installazzjonijiet, għall-kostruzzjoni u għax-xogħlijiet li jappartjenu għall-Knisja Kattolika u magħmula għal finijiet esklużivament reliġjużi.

20

Filwaqt li tagħmel riferiment ukoll għall-punti 19 sa 23 tas-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2014, Ministerio de Defensa et Navantia (C‑522/13, EU:C:2014:2262), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-eżenzjoni mill-ICIO li tibbenefika minnha l-Knisja Kattolika, anki meta l-proprjetà immobbli kkonċernata b’din il-miżura tkun intiża għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika minnha, tistax tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 4 de Madrid (qorti amministrattiva provinċjali Nru 4 ta’ Madrid) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-eżenzjoni lill-Knisja Kattolika [mill-ICIO] fir-rigward ta’ kostruzzjoni, installazzjonijiet u xogħlijiet imwettqa fi proprjetà immobbli intiża għall-iżvilupp ta’ attivitajiet eknomiċi li ma għandhom ebda għan strettament reliġjuż tmur kontra l-Artikolu 107(1) TFUE?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

22

Il-Gvern Spanjol jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Skont dan il-gvern, minn naħa, id-domanda preliminari hija ipotetika, sa fejn, mingħajr ma tistabbilixxi rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, hija intiża li tikseb opinjoni konsultattiva ġenerali dwar l-eżenzjoni mill-ICIO li tibbenefika minnha l-Knisja Kattolika fid-dawl tas-sistema ta’ għajnuna mill-Istat.

23

Min-naħa l-oħra, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha lakuni kbar f’dak li jirrigwarda d-deskrizzjoni tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti risposta utli għad-domanda magħmula. Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda deskrizzjoni tal-attività mmexxija mill-kongregazzjoni, b’mod partikolari fil-proprjetà immobbli kkonċernata bl-eżenzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u lanqas tal-istruttura u tal-organizzazzjoni ekonomika tagħha. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju naqset milli tindika r-raġunijiet speċifiċi li wassluha biex tqis li kien meħtieġ li tagħmel id-domanda preliminari.

24

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha qiegħda tinstema’ l-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et, C‑76/15, EU:C:2016:975, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et, C‑76/15, EU:C:2016:975, punt 57).

26

F’dan ir-rigward tal-aħħar, għandu jitfakkar li n-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Dawn l-eżiġenzi japplikaw b’mod partikolari fil-qasam tal-kompetizzjoni, li huwa kkaratterizzat minn sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi kumplessi (sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 20).

27

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa importanti wkoll li l-qorti nazzjonali tindika r-raġunijiet speċifiċi li wassluha sabiex tistaqsi lilha nfisha dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis li huwa neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 21).

28

F’dan il-każ, l-ewwel nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju hija adita b’mod partikolari bil-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 107 TFUE jipprekludix li l-kongregazzjoni tkun tista’ tibbenefika, skont id-digriet tal‑5 ta’ Ġunju 2001, li jimplementa l-Artikolu IV(1)(B) tal-ftehim tat‑3 ta’ Jannar 1979, mill-eżenzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

29

Minn dik id-deċiżjoni jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex tagħti deċiżjoni fuq ir-rikors ippreżentat quddiemha, hija għandha tivverifika l-konformità ta’ tali eżenzjoni mal-Artikolu 107 TFUE, liema dubji li hija għandha f’dan ir-rigward joħorġu b’mod ċar mill-imsemmija deċiżjoni.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda problema ipotetika jew ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

31

It-tieni nett, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-deċiżjoni tar-rinviju fiha d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim tat‑3 ta’ Jannar 1979, tad-dritt fiskali Spanjol kif ukoll tal-prassi amministrattiva u l-ġurisprudenza nazzjonali relatata magħhom, u l-Gvern Spanjol ma jidentifika, madankollu, ebda punt li huwa utli sabiex tinftiehem il-kawża u li l-qorti tar-rinviju naqset milli ssemmi.

32

Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-deskrizzjoni tal-qafas fattwali, id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi l-informazzjoni suffiċjenti sabiex tinftiehem kemm id-domanda preliminari kif ukoll il-portata tagħha.

33

Għaldaqstant għandu jitqies li d-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi risposta utli lill-qorti tar-rinviju. Din id-deċiżjoni, barra minn hekk, ippermettiet lill-partijiet interessati, imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, konformement ma’ din id-dispożizzjoni.

34

Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

35

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk eżenzjoni fiskali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tibbenefika minnha kongregazzjoni tal-Knisja Kattolika għal xogħlijiet imwettqa fi proprjetà immobbli intiża għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet li ma għandhom ebda għan strettament reliġjuż, tistax taqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE.

36

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Il-fatt li qorti nazzjonali fasslet, formalment, domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil dik il-qorti bil-punti kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, indipendentement minn jekk għamlitx riferiment għalihom jew le meta għamlet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Biovet, C‑306/14, EU:C:2015:689, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dan il-każ, fid-dawl b’mod partikolari tal-osservazzjonijiet sottomessi mir-Renju ta’ Spanja u mill-Kummissjoni, hemm lok, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata tali elementi utli ta’ interpretazzjoni, li tingħata risposta għad-domanda magħmula fid-dawl mhux biss tal-Artikolu 107(1) TFUE iżda wkoll tal-Artikolu 108(1) u (3) TFUE.

Fuq il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE

38

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet segwenti kollha jiġu ssodisfatti. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, huwa għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 40, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 53).

39

Barra minn hekk, id-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE, ikopru l-attivitajiet tal-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse, C‑237/04, EU:C:2006:197, punti 2728, kif ukoll tal‑5 ta’ Marzu 2015, Il‑Kummissjoni et vs Versalis et, C‑93/13 P u C‑123/13 P, EU:C:2015:150, punt 88).

40

Minn dan isegwi li għandu jiġi eżaminat, f’dan il-każ, fl-ewwel lok, jekk il-kongregazzjoni tistax tiġi kklassifikata bħala “impriża”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE; fit-tieni lok, jekk l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex it-tendenza li tagħti vantaġġ ekonomiku selettiv lill-kongregazzjoni; fit-tielet lok, jekk din il-miżura tikkostitwixxix intervent mill-Istat Spanjol jew permezz ta’ riżorsi ta’ dan l-Istat u, fl-aħħar nett, jekk l-imsemmija eżenzjoni tistax tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri u twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern.

Fuq il-kunċetti ta’ “impriża” u ta’ “attività ekonomika”

41

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “impriża” jinkludi, fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni, kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus legali ta’ din l-entità u mill-mezz ta’ finanzjament tagħha (sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, EU:C:2006:8, punt 107).

42

Minn dan isegwi li n-natura pubblika jew privata tal-entità li teżerċita l-attività inkwistjoni ma tistax tinfluwenza l-kwistjoni dwar jekk din l-entità għandhiex il-kwalità ta’ “impriża” jew le.

43

Barra minn hekk, sakemm l-attività inkwistjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala “ekonomika”, il-fatt li din tkun eżerċitata minn komunità reliġjuża ma huwiex ta’ ostakolu għall-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat, fosthom dawk li jirregolaw id-dritt tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 1988, Steymann, 196/87, EU:C:1988:475, punti 914).

44

Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-attivitajiet inkwistjoni humiex ta’ “impriża”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni, għandha tiġi eżaminata n-natura ta’ dawn l-attivitajiet, u l-klassifikazzjoni ta’ “attività ekonomika” trid tiġi eżaminata għal kull waħda mid-diversi attivitajiet eżerċitati mill-istess entità partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni, C‑82/01 P, EU:C:2002:617, punt 75, u tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 25).

45

Kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika (sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, EU:C:2006:8, punt 108).

46

Il-fatt li l-offerta ta’ prodotti jew ta’ servizzi ssir mingħajr skop ta’ lukru ma huwiex ta’ ostakolu sabiex l-entità li twettaq dawn it-tranżazzjonijiet fis-suq jkollha titqies li hija impriża, ladarba din l-offerta tikkompeti ma’ dik ta’ operaturi oħrajn li jkollhom skop ta’ lukru (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 27).

47

Jikkostitwixxu servizzi li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “attivitajiet ekonomiċi” is-servizzi normalment mogħtija bi ħlas. Il-karatteristika essenzjali tal-ħlas hija li dan jikkostitwixxi l-korrispettiv ekonomiku tas-servizz inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz, C‑76/05, EU:C:2007:492, punti 3738, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-korsijiet mogħtija minn istituzzjonijiet edukattivi ffinanzjati, essenzjalment, minn fondi privati li ma jiġux mill-fornitur tas-servizzi stess, jikkostitwixxu servizzi, peress li l-għan ta’ dawn l-istabbilimenti huwa, fil-fatt, li joffru servizz bi ħlas (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz, C‑76/05, EU:C:2007:492, punt 40, kif ukoll tal‑11 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑318/05, EU:C:2007:495, punt 69).

49

Ma huwiex meħtieġ li dan il-finanzjament privat ikun żgurat prinċipalment mill-istudenti jew mill-ġenituri tagħhom, sa fejn in-natura ekonomika ta’ attività ma tiddependix mill-fatt li s-servizz jitħallas minn dawk li jibbenefikaw minnu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz, C‑76/05, EU:C:2007:492, punt 41, kif ukoll tal‑11 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑318/05, EU:C:2007:495, punt 70).

50

Madankollu, dan ma japplikax għal korsijiet ipprovduti minn ċerti istituzzjonijiet li jagħmlu parti minn sistema ta’ edukazzjoni pubblika u li huma ffinanzjati, totalment jew prinċipalment, minn fondi pubbliċi. Fil-fatt, billi jistabbilixxi u jżomm fis-seħħ tali sistema ta’ edukazzjoni pubblika, iffinanzjata bħala regola ġenerali mill-finanzi pubbliċi u mhux mill-istudenti jew mill-ġenituri tagħhom, l-Istat ma jkollux l-intenzjoni li jeżerċita attivitajiet bi ħlas iżda li jissodisfa l-missjoni tiegħu fl-oqsma soċjali, kulturali u edukattivi fil-konfront taċ-ċittadini tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz, C‑76/05, EU:C:2007:492, punt 39, kif ukoll tal‑11 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑318/05, EU:C:2007:495, punt 68).

51

F’dan il-kuntest, ma huwiex eskluż li l-istess istituzzjoni tista’ teżerċita diversi attivitajiet, fl-istess waqt ekonomiċi u mhux ekonomiċi, sakemm iżżomm kontabbiltà separata f’dak li jirrigwarda d-diversi finanzjamenti rċevuti, b’mod li jiġi eskluż kull riskju ta’ sussidju “inkroċjat” tal-attivitajiet ekonomiċi tagħha permezz ta’ fondi pubbliċi li hija tibbenefika minnhom permezz tal-attivitajiet mhux ekonomiċi tagħha.

52

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-kongregazzjoni teżerċita tliet tipi ta’ attivitajiet fi ħdan l-iskola “La Inmaculada”, jiġifieri attivitajiet strettament reliġjużi, tagħlim issussidjat mill-Istat Spanjol u tagħlim awtonomu, mingħajr għajnuna finanzjarja ta’ dan l-Istat Membru. Barra minn hekk, din l-istituzzjoni tipprovdi servizzi addizzjonali ta’ catering u ta’ trasport lill-istudenti tagħha.

53

Madankollu, peress li l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda t-trasformazzjoni u l-estensjoni tas-sala tal-iskola “La Inmaculada” u li l-kongregazzjoni enfasizzat, fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li din is-sala tintuża biss għall-attivitajiet ta’ tagħlim li hija toffri, din l-eżenzjoni la jidher li għandha rabta mal-attivitajiet ta’ natura strettament reliġjuża tal-imsemmija entità u lanqas mas-servizzi addizzjonali msemmija fil-punt preċedenti.

54

F’dan il-kuntest, għall-finijiet tal-applikabbiltà tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE għall-imsemmija eżenzjoni, hija r-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju li tiddetermina, fid-dawl tal-indikazzjonijiet fil-punti 41 sa 51 ta’ din is-sentenza, jekk u, skont il-każ, liema fost it-tagħlim mogħti mill-kongregazzjoni għandu natura ekonomika jew le.

55

F’dan ir-rigward, fid-dawl tad-dettalji kkorroborati mogħtija matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-kongregazzjoni, mill-muniċipalità u mill-Gvern Spanjol, jidher li l-attivitajiet ta’ tagħlim issussidjati mill-Istat Spanjol jidħlu fil-qafas tas-sistema ta’ tagħlim primarju u sekondarju pubbliku ta’ dan l-Istat Membru, peress li t-tagħlim fi ħdan l-iskola “La Inmaculada” huwa eżentat bis-saħħa ta’ u konformement mal-kundizzjonijiet stipulati fi ftehim konkluż bejn il-kongregazzjoni u l-komunità awtonoma ta’ Madrid u ffinanzjat fit-totalità tiegħu mill-finanzi pubbliċi.

56

Jekk jirriżulta li din l-informazzjoni hija korretta, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, l-attivitajiet ta’ tagħlim tal-kongregazzjoni ssussidjati mill-Istat Spanjol ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “ekonomiċi”, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punti 41 sa 50 ta’ din is-sentenza.

57

Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-kongregazzjoni, mill-muniċipalità u mill-Gvern Spanjol, l-attivitajiet ta’ tagħlim tal-kongregazzjoni mhux issussidjati mill-Istat Spanjol, li jaqgħu taħt it-tagħlim tal-kindergarten, extrakurrikulari u postobbligatorju, jidher li jissodisfaw il-kriterji kollha stipulati fil-punti 44 sa 49 ta’ din is-sentenza sabiex ikunu kklassifikati bħala “attivitajiet ekonomiċi”, fatt li madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

58

Fil-fatt, dawn l-attivitajiet ma jiġux iffinanzjati mill-Istat Spanjol. Għall-kuntrarju, dawn huma attivitajiet organizzati mill-kongregazzjoni nfisha u ffinanzjati essenzjalment permezz ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji privati għall-ispejjeż tal-iskola, b’mod partikolari mill-istudenti kif ukoll mill-ġenituri tagħhom.

59

Jekk il-qorti tar-rinviju kellha tqis, fl-aħħar ta’ din il-verifika, li l-attivitajiet ta’ tagħlim tal-kongregazzjoni mhux issussidjati mill-Istat Spanjol jikkostitwixxu “attività ekonomika”, hija dik il-qorti li għandha tivverifika wkoll jekk is-sala tal-iskola “La Inmaculada” tintużax għal skop li jaqa’ esklużivament taħt wieħed jew l-ieħor minn dawn l-attivitajiet ta’ tagħlim, jew taħt użu mħallat.

60

Fil-fatt, jekk din kienet tintuża biss għall-attivitajiet ta’ tagħlim issussidjati mill-Istat Spanjol u li jissodisfaw il-kriterji kollha msemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax taqa’ taħt il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 107(1) TFUE.

61

Jekk, min-naħa l-oħra, din is-sala kienet tintuża biss għall-attivitajiet ta’ tagħlim mogħtija mill-kongregazzjoni mingħajr sussidju mill-Istat Spanjol u tissodisfa l-kriterji kollha stipulati fil-punti 44 sa 49 ta’ din is-sentenza, l-eżenzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun tista’ taqa’ taħt din il-projbizzjoni.

62

Fis-sitwazzjoni ta’ użu mħallat ta’ din is-sala, l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun tista’ taqa’ taħt l-imsemmija projbizzjoni sa fejn l-imsemmija sala tintuża għal attivitajiet li jissodisfaw il-kriterji stipulati fil-punti 44 sa 49 u 51 ta’ din is-sentenza.

63

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ taqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE biss jekk, minn naħa, għall-inqas parti mill-attivitajiet ta’ tagħlim mogħtija mill-kongregazzjoni fl-iskola “La Inmaculada” għandha tiġi kklassifikata bħala “attività ekonomika”, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 44 sa 49 ta’ din is-sentenza u, min-naħa l-oħra, is-sala ta’ din l-iskola tintuża, għall-inqas parzjalment, għal tali attivitajiet ekonomiċi.

64

Huwa għaldaqstant suġġett għall-fatt li l-qorti tar-rinviju għandha tqis, abbażi ta’ evalwazzjoni fil-fatt, li l-imsemmija sala tintuża għal attivitajiet imwettqa mill-kongregazzjoni li għandhom jiġu kklassifikati bħala “ekonomiċi”, li għandu jiġi eżaminat sussegwentement jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-erba’ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza humiex issodisfatti.

Fuq il-kunċett ta’ “vantaġġ ekonomiku selettiv”

65

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex tiġi analizzata fis-sens li tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi, jew li għandhom jitqiesu li huma vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2013, Ministerio de Defensa u Navantia, C‑522/13, EU:C:2014:2262, punt 21).

66

Għaldaqstant, jitqiesu b’mod partikolari li huma għajnuna, l-interventi li, taħt forom differenti, inaqqsu l-piżijiet li normalment jaqgħu fuq il-finanzi ta’ impriża u li, għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et u Il‑Kummissjoni vs Franza et, C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175, punt 101).

67

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, minn naħa, konformement mal-Artikolu 100(1) u mal-Artikolu 101(1) tat-test imfassal mill-ġdid tal-liġi li tirregola l-finanzi lokali, kwalunkwe impriża li twettaq xogħlijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija suġġetta għall-ICIO u li l-kongregazzjoni ħallset it-taxxa dovuta f’dan ir-rigward. Jirriżulta, min-naħa l-oħra, li l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-effett li t-taxxa diġà mħallsa mill-kongregazzjoni titħallas lura lilha.

68

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li l-ICIO tikkostitwixxi taxxa normalment dovuta mill-persuni taxxabbli kollha li jagħmlu xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ rinovazzjoni koperti minn din it-taxxa u li l-eżenzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-effett li tnaqqas il-piżijiet li jaqgħu fuq il-finanzi tal-kongregazzjoni. Konsegwentement, jidher li tali eżenzjoni fiskali tagħti vantaġġ ekonomiku lill-kongregazzjoni.

69

Barra minn hekk, mid-digriet tal‑5 ta’ Ġunju 2001 jirriżulta li s-Santa Sede, il-Konferenza tal-Isqfijiet, id-djoċesijiet, il-parroċċi u kostitwenzi territorjali oħrajn, il-kongregazzjonijet u ordnijiet reliġjużi u l-istituti ta’ ħajja sagra, kif ukoll il-provinċji u d-djar tagħhom jibbenefikaw minn eżenzjoni sħiħa u permanenti mill-ICIO.

70

Għaldaqstant, jidher li l-imsemmi digriet ma jikkostitwixxix miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha, iżda miżura selettiva a priori.

71

Madankollu, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” ma jirreferix għall-miżuri tal-Istat li jintroduċu differenzazzjoni bejn l-impriżi u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta din id-differenzazzjoni tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema ta’ spejjeż li huma jagħmlu parti minnha, ħaġa li għandha tiġi pprovata mill-Istat Membru kkonċernat (sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2014, Ministerio de Defensa et Navantia, C‑522/13, EU:C:2014:2262, punt 42).

72

F’dan il-każ, madankollu, ma jirriżulta mill-ebda element tal-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-eżenzjoni fiskali prevista mid-digriet tal‑5 ta’ Ġunju 2001 tirriżulta direttament mill-prinċipji bażiċi jew ta’ gwida tas-sistema fiskali tar-Renju ta’ Spanja u li hija meħtieġa kemm għall-funzjonament kif ukoll għall-effikaċja ta’ din is-sistema.

73

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jitqies li, f’dan il-każ, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku selettiv tista’ tiġi ssodisfatta.

Fuq il-kunċett ta’ “għajnuna mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat”

74

Sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, huma għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 16).

75

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kundizzjoni dwar l-imputabbiltà tal-miżura, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżulta direttament mid-digriet tal‑5 ta’ Ġunju 2001, adottat mill-ministeru tal-finanzi tal-Istat Spanjol, u hija bbażata fuq il-ftehim tat‑3 ta’ Jannar 1979, konkluż u implementat mill-imsemmi Stat Membru.

76

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kundizzjoni dwar il-fatt li l-vantaġġ jingħata direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat, huwa stabbilit li l-eżenzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li twassal għat-tneħħija ta’ piż li normalment jaqa’ fuq il-finanzi tal-kongregazzjoni, għandu bħala korollarju tnaqqis korrispondenti tad-dħul tal-muniċipalità.

77

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kundizzjoni dwar intervent tal-Istat permezz tar-riżorsi tiegħu jidher li hija ssodisfatta.

Fuq il-kunċetti ta’ għajnuna li “tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri” u li “twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni”

78

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet dwar l-effett ta’ vantaġġ ekonomiku fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li jista’ jwassal għalihom, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, hemm lok mhux li jiġi stabbilit effett reali tal-għajnuna inkwistjoni fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li jiġi eżaminat jekk din l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et, C‑76/15, EU:C:2016:975, punt 102).

79

B’mod partikolari, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ ċerti impriżi meta mqabbla ma’ dik ta’ impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu li huma influwenzati mill-għajnuna. F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li l-impriżi benefiċjarji jipparteċipaw huma stess fil-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, meta Stat Membru jagħti għajnuna lil impriżi, l-attività interna tista’ tinżamm jew tiżdied b’riżultat ta’ dan, bil-konsegwenza li l-possibbiltajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jippenetraw is-suq ta’ dan l-Istat Membru jonqsu (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et, C‑76/15, EU:C:2016:975, punt 104).

80

Fir-rigward tal-kundizzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-għajnuna intiża li teħles impriża mill-ispejjeż li hija jkollha normalment issostni fil-kuntest tal-ġestjoni ta’ kuljum jew tal-attivitajiet normali tagħha, bħala prinċipju toħloq distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, Orange vs Il‑Kummissjoni, C‑211/15 P, EU:C:2016:798, punt 66).

81

Fil-kawża prinċipali, huwa possibbli li l-eżenzjoni mill-ICIO li tista’ tibbenefika minnha l-kongregazzjoni jkollha l-effett li tagħmel iktar attraenti l-provvista tas-servizzi tagħha ta’ tagħlim meta mqabbla ma’ dik ta’ servizzi ta’ istituzzjonijiet ukoll attivi fl-istess suq.

82

Madankollu, konformement mal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006, tal‑15 ta’ Diċembru 2006, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [107 u 108 TFUE] dwar l-għajnuna de minimis (ĠU 2007, L 314M, p. 654), moqri fid-dawl tal-premessa 8 tiegħu, l-għajnuna li ma teċċedix limitu ta’ EUR 200000 fuq perijodu ta’ tliet snin titqies li ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri u ma toħloqx distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, b’mod li tali miżuri huma esklużi mill-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2013, Libert et, C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288, punt 81).

83

F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan il-limitu ntlaħaqx f’dan il-każ, billi tqis il-fatt li, għall-finijiet tal-kalkolu meħtieġ, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-vantaġġi li l-kongregazzjoni bbenefikat minnhom minħabba l-attivitajiet ekonomiċi eventwali tagħha, peress li l-attivitajiet mhux ekonomiċi għandhom jiġu esklużi minn dan il-kalkolu, konformement mal-indikazzjonijiet ipprovduti fil-punti 41 sa 63 ta’ din is-sentenza.

84

Hija għaldaqstant il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa fil-fatt, fid-dawl tal-punti ta’ interpretazzjoni preċedenti u abbażi taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ li hija adita bih, jekk il-kummerċ bejn l-Istati Membri jistax jiġi affettwat bl-eżenzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u jekk ir-Regolament Nru 1998/2006 huwiex applikabbli għal din il-kawża.

85

F’dan ir-rigward, jekk din il-qorti jkollha dubji jew diffikultajiet f’dak li jirrigwarda l-kwantifikazzjoni tal-ammont ta’ għajnuna li l-kongregazzjoni setgħet ibbenefikat minnha minħabba l-attivitajiet ekonomiċi eventwali tagħha, hija dejjem għandha l-possibbiltà, minbarra li titlob il-kollaborazzjoni ta’ organi oħrajn tal-Istat Membru kkonċernat, li titlob, għal dan l-għan, l-għajnuna tal-Kummissjoni, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, bħalma jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 77 sa 96 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat mill-qrati nazzjonali (ĠU 2009, C 85, p. 1) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Mediaset, C‑69/13, EU:C:2014:71, punt 30).

Fuq il-kunċetti ta’ “għajnuna eżistenti” u ta’ “għajnuna ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 108(1) u (3) TFUE rispettivament

86

Peress li l-Gvern Spanjol argumenta fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, fid-dawl tal-fatt li l-ftehim tat‑3 ta’ Jannar 1979 ġie konkluż qabel l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja fl-Unjoni Ewropea u li l-eżenzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija bbażata fuq dan il-ftehim, fi kwalunkwe każ din l-eżenzjoni hija għajnuna eżistenti, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, stabbilita permezz tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, il-proċedura tvarja skont jekk l-għajnuna tkunx eżistenti jew ġdida. Filwaqt li l-għajnuna eżistenti tista’, konformement mal-Artikolu 108(1) TFUE, tiġi implementata b’mod regolari sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha, l-Artikolu 108(3) TFUE jipprovdi li l-proġetti intiżi sabiex tiġi stabbilita għajnuna ġdida jew sabiex tiġi mmodifikata għajnuna eżistenti għandhom jiġu nnotifikati, fi żmien effettiv, lill-Kummissjoni u ma tistax tiġi implementata qabel ma l-proċedura tkun waslet għal deċiżjoni finali (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, DEI u Il‑Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados, C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punt 45).

87

“Għajnuna eżistenti”, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-att ta’ adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat, hija l-għajnuna eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat f’dan l-Istat Membru, jiġifieri l-iskemi ta’ għajnuna u l-għajnuna individwali li daħlu fis-seħħ qabel, u jkunu baqgħu jgħoddu wara, l-imsemmi dħul fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, P, C‑6/12, EU:C:2013:525, punt 42).

88

F’dan il-każ, filwaqt li, ċertament, l-Artikolu IV(1)(B) tal-ftehim tat‑3 ta’ Jannar 1979, li jipprevedi eżenzjoni ġenerali mit-taxxi reali favur il-Knisja Kattolika Spanjola, huwa preċedenti għall-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja mal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-ICIO ddaħħlet fl-ordinament ġuridiku Spanjol biss wara din l-adeżjoni u li l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali rriżultat mid-digriet tal‑5 ta’ Ġunju 2001.

89

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat għall-benefiċċju tal-kongregazzjoni, din tista’ tkun biss għajnuna ġdida, fis-sens tal-Artikolu 108(3) TFUE.

90

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li eżenzjoni fiskali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tibbenefika minnha kongregazzjoni li tappartjeni lill-Knisja Kattolika għal xogħlijiet imwettqa fi proprjetà immobbli intiża għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet li ma għandhom ebda għan strettament reliġjuż, tista’ taqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE jekk, u sa fejn, dawn l-attivitajiet huma ekonomiċi, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Fuq l-ispejjeż

91

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Eżenzjoni fiskali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tibbenefika minnha kongregazzjoni li tappartjeni lill-Knisja Kattolika għal xogħlijiet imwettqa fi proprjetà immobbli intiża għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet li ma għandhom ebda għan strettament reliġjuż, tista’ taqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE jekk, u sa fejn, dawn l-attivitajiet huma ekonomiċi, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.