KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-20 ta’ Lulju 2017 ( 1 )

Kawża C‑434/16

Peter Nowak

vs

Data Protection Commissioner

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (qorti suprema, l-Irlanda)]

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 95/46/KE – Ipproċessar ta’ data personali – Kunċett ta’ data personali – Aċċess għall-karta tal-eżami tal-persuna stess – Korrezzjonijiet”

I. Introduzzjoni

1.

Karta tal-eżami tinkludi data personali, b’mod li kandidat jista’ possibbilment jitlob aċċess għal din il-karta mingħand l-entità responsabbli għall-organizzazzjoni tal-eżami tal-kopja tal-eżami tiegħu abbażi tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data ( 2 )? Din hija l-kwistjoni ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari tas-Supreme Court (qorti suprema, l-Irlanda). Madankollu, il-kawża prinċipali ma tirrigwardax direttament l-aċċess għal karta tal-eżami, iżda tirrigwarda r-rifjut tal-ex kummissarju tal-protezzjoni tad-data Irlandiż li jindirizza ilment magħmul li tressaq b’reazzjoni għar-rifjut li jingħata aċċess.

2.

Il-kwistjoni prinċipali hawnhekk hija dwar jekk ir-risposti mogħtija minn kandidat f’karta tal-eżami jistgħux jikkostitwixxu data personali. Madankollu, b’mod sussidjarju jista’ wkoll jiġi diskuss jekk huwiex rilevanti l-fatt li l-eżami nkiteb bl-idejn u jekk il-korrezzjonijiet tal-eżaminatur fuq il-karta tal-eżami jikkostitwixxux ukoll data personali tal-kandidat.

3.

Għalkemm id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data dalwaqt ser tiġi ssostitwita bir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data ( 3 ) li għadu ma huwiex applikabbli, dan tal-aħħar ma huwiex ser jaffettwa l-kunċett ta’ data personali. Għalhekk, din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija importanti wkoll għall-applikazzjoni futura tad-dritt għall-protezzjoni tad-data tal-Unjoni.

II. Il-kuntest ġuridiku

4.

L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data jiddefinixxi diversi kunċetti, speċjalment dak li għandu jinftiehem bħala data personali:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

(b)

‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

(ċ)

‘sistema ta’ ħażna ta’ data personali’ (‘sistema ta’ ħażna’) tfisser sett strutturat ta’ data personali li jkun aċċessibbli skond kriterji speċifiċi, kemm jekk ċentraliżżat, di-ċentraliżżat jew imferrex fuq bażi funzjonali jew ġeografika”.

5.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva huwa ddefinit fl-Artikolu 3:

“1.   Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar.

2.   […]”

6.

L-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data jirregola d-dritt ta’ aċċess:

“Stati Membri għandhom jiggarantixxu lil kull suġġett tad-data d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur:

(a)

mingħajr restrizzjoni f’perjodi raġjonevoli u mingħajr dewmien jew spejjeż eċċessivi:

konferma jekk data dwaru tkunx qed tiġi pproċessata, u għall-inqas informazzjoni dwar l-għanijiet ta’ l-ipproċessar, il-kategoriji tad-data in kwistjoni, u r-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri li lilhom ikun żvelat id-data,

komunikazzjoni lilu b’mod li tinftiehem tad-data li tkun qed tiġi pproċessata u informazzjoni oħra li jkun hemm dwar l-oriġini tiegħu,

għarfien tar-raġuni għal kull ipproċessar awtomatiku tad-data dwaru, għall-inqas fil-każ ta’ deċiżjonijiet awtomatizzati imsemmija fl-Artikolu 15(1);

(b)

skond kif jixraq, ir-rettifika, tħassir jew imblokk ta’ data li l-ipproċessar tiegħu ma jkunx skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, partikolarment minħabba n-natura mhux kompluta jew mhux eżatta tad-data”.

7.

Il-premessa 41 tispjega l-għan tad-dritt ta’ aċċess:

“Billi kull persuna għandha tkun tista’ teżerċita id-dritt ta’ aċċess għal data dwarha li tkun qed tiġi pproċessata, biex tivverifika partikolarment l-eżatezza tad-data jekk l-ipproċessar ikunx skond il-liġi. […]”

8.

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data jikkostitwixxi l-bażi għal derogi minn dispożizzjonijiet partikolari:

“1.   Stati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-finijiet ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet provduti fl-Artikoli 6(1), 10, 11(1), 12 u 21 meta dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri meħtieġa li jagħtu protezzjoni lil:

(a)

sigurtà nazzjonali;

(b)

difiża;

(ċ)

sigurtà pubblika;

(d)

prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien u prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali jew il-ksur ta’ etika ta’ professjonijiet regolati;

(e)

interess ekonomiku jew finanzjarju ta’ importanza għal Stat Membru jew għall-Unjoni Ewopea, magħduda affarijiet monetarji, fiskali [baġitarji] jew ta’ l-estmi [fiskali];

(f)

monitoraġġ, spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta, ukoll jekk kulltant, ma’ l-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali fil-każi msemmija f’ (ċ), (d) u (e);

(g)

il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-oħrajn.”

III. Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

9.

Meta seħħew il-fatti, P. Nowak kien kontabilist prattikant li kien għamel u għadda minn diversi eżamijiet tal-Institute of Chartered Accountants of Ireland (korp professjonali tal-kontabilisti/konsulenti tat-taxxa tal-Irlanda – iktar ’il quddiem is-“CAI”). Madankollu, huwa għamel l-eżami ta’ Strategic Finance and Management Accounting erba’ darbiet mingħajr suċċess. Dan kien eżami li matul tiegħu jista’ jintuża l-materjal tal-kandidat stess (“open book exam”).

10.

Wara li għamel dan l-eżami r-raba’ darba fil-ħarifa tal-2009, P. Nowak ikkontesta r-riżultat, iżda f’Mejju tal-2010 iddeċieda, fl-aħħar mill-aħħar, li jissottometti applikazzjoni għal aċċess għad-data skont id-dritt Irlandiż dwar il-protezzjoni tad-data u talab aċċess għad-“data personali” kollha dwaru miżmuma għand is-CAI.

11.

B’ittra tal-1 ta’ Ġunju 2010, is-CAI bagħat 17-il dokument lil P. Nowak, iżda rrifjuta li jittrażmettilu l-karta tal-eżami tiegħu, abbażi tal-fatt li s-CAI kien ġie informat li l-karta tal-eżami ma tikkostitwixxix “data personali” għall-finijiet tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-data.

12.

P. Nowak imbagħad ikkuntattja lil Office of the Data Protection Commissioner, l-uffiċċju tal-kummissarju tal-protezzjoni tad-data fl-Irlanda, talab l-appoġġ mingħandu u sostna li l-karta tal-eżami tiegħu tikkostitwixxi data personali. F’Ġunju tal-2010, il-kummissarju tal-protezzjoni tad-data indika lil P. Nowak b’messaġġ elettroniku, li l-“karti tal-eżami […] b’mod ġenerali ma humiex evalwati [għall-finijiet ta’ protezzjoni tad-data] […] peress li dawn id-dokumenti ġeneralment ma jikkostitwixxux data personali”.

13.

Sussegwentement ġiet skambjata korrispondenza oħra bejn P. Nowak u l-ex kummissarju tal-protezzjoni tad-data u dan wassal għal ilment formali li tressaq minn P. Nowak fl-1 ta’ Lulju 2010. B’ittra tal-21 ta’ Lulju 2010, il-kummissarju tal-protezzjoni tad-data informa lil P. Nowak li, wara li kien eżamina l-informazzjoni, huwa ma kien ikkonstata ebda ksur sostanzjali tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data. Barra minn hekk, din l-ittra indika ukoll li P. Nowak ried jeżerċita d-“dritt għal rettifika” ta’ dokumenti li “ma jikkostitwixxux data personali suġġetta għad-[dritt dwar il-protezzjoni tad-data]”. Għaldaqstant, il-kummissarju tal-protezzjoni tad-data ma ssoktax bl-eżaminazzjoni tal-ilment.

14.

P. Nowak ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qrati Irlandiżi, u l-proċedura issa tinsab pendenti quddiem is-Supreme Court (qorti suprema). Din tal-aħħar għamlet id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

1)

Informazzjoni miżmuma [fi]/bħala tweġibiet mogħtija minn kandidat matul eżami professjonali tista’ titqies bħala data personali fis-sens tad-Direttiva 95/46/KE?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun li din l-informazzjoni kollha jew parti minnha tista’ titqies bħala data personali fis-sens tad-Direttiva, liema fatturi huma rilevanti għad-determinazzjoni tal-fatt jekk f’xi każ, tali test huwiex data personali, u x’saħħa għandha tingħata lil dawn il-fatturi?

15.

Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub P. Nowak u l-kummissarju tal-protezzjoni tad-data Irlandiża attwali bħala l-partijiet fil-kawża prinċipali, kif ukoll ir-Repubblika Ellenika, l-Irlanda, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Awstrija, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni Ewropea. Minbarra P. Nowak u l-kummissarju tal-protezzjoni tad-data Irlandiż, fis-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2017, kienu rrappreżentati wkoll l-Irlanda u l-Kummissjoni Ewropea kienu rrappreżentati wkoll.

IV. Analiżi legali

16.

Il-qofol tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk karti tal-eżami jistgħux jitqiesu bħala data personali (ara, f’dan ir-rigward, il-parti A iktar ’il quddiem). Addizzjonalment, uħud mill-partijiet iqajmu l-kwistjoni dwar jekk il-korrezzjonijiet tal-eżaminaturi jikkostitwixxux data personali tal-kandidat (ara, f’dan ir-rigward, il-parti B iktar ’il quddiem). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni b’mod partikolari esprimiet il-fehma tagħha dwar kundizzjonijiet oħra tad-dritt ta’ aċċess skont il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data (ara, f’dan ir-rigward, il-parti C iktar ’il quddiem).

A.  Fuq il-karta tal-eżami

17.

Permezz taż-żewġ domandi, li jistgħu jingħataw risposta flimkien, is-Supreme Court (qorti suprema) tixtieq issir taf jekk karta tal-eżami bil-miktub taqax taħt id-definizzjoni ta’ data personali skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data. L-isfond ta’ din il-kwistjoni huwa li P. Nowak, il-kandidat inkwistjoni, qiegħed jitlob aċċess għall-karta tal-eżami tiegħu abbażi tad-dritt ta’ aċċess skont il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data, kif stabbilit fl-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, u li f’dan ir-rigward kien ressaq ilment, mingħajr suċċess, lill-ex kummissarju tal-protezzjoni tad-data Irlandiż.

1.  Fuq id-definizzjoni ta’ data personali

18.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data huwa wiesa’ ħafna u d-data personali koperta mid-direttiva hija varja ( 4 ). Skont l-Artikolu 2(a), data personali tfisser l-informazzjoni kollha dwar persuna fiżika identifikata jew identifikabbli.

a)  Fuq il-klassifikazzjoni tal-karti tal-eżami

19.

Il-kummissarju tal-protezzjoni tad-data Irlandiża attwali huwa tal-fehma li karta tal-eżami, speċjalment meta jkun permess l-użu ta’ materjal ta’ referenza tal-persuna stess, ma tikkostitwixxix data personali. Din l-opinjoni tista’ tkun korretta, b’mod ġenerali, meta ssir evalwazzjoni, b’mod iżolat, tas-soluzzjoni għal eżerċizzji tal-eżami. Peress li l-eżerċizzji tal-eżami huma normalment ifformulati b’mod astratt jew jirrigwardaw sitwazzjonijiet ipotetiċi ( 5 ), ir-risposti tagħhom ma għandhomx jinkludu informazzjoni dwar persuni fiżiċi identifikati jew identifikabbli.

20.

Għalkemm id-domandi tas-Supreme Court (qorti suprema) fir-realtà jidhru li qegħdin jindirizzaw is-soluzzjoni biss, jiġifieri l-“[i]nformazzjoni […] mogħtija minn kandidat”, ma jkunx jagħmel sens li l-analiżi tieqaf hawn.

21.

Fil-fatt, kif kważi l-partijiet l-oħra kollha ġustament sostnew, karta tal-eżami ma tinkludix biss informazzjoni dwar is-soluzzjoni ta’ ċerti eżerċizzji iżda tassoċja l-imsemmija soluzzjoni mal-kandidat individwali li jipproduċi l-karta. Il-karta tal-eżami hija rekordju rreġistrat li l-individwu jkun għamel eżami speċifiku u turi kif mar fl-eżami. L-assoċjazzjoni tal-imsemmija prestazzjoni mal-persuna tidher ukoll fil-fatt li l-kandidati tal-eżami ħafna drabi jinkludu r-riżultati tal-eżamijiet l-iktar importanti fil-curriculum vitae tagħhom.

22.

Il-fatt dwar jekk karta tal-eżami hijiex komposta minn risposti fformulati mill-kandidat innifsu jew minn għażla ta’ risposti speċifiċi skont il-proċedura ta’ mistoqsijiet b’għażla multipla ma huwiex rilevanti jekk karta tal-eżami tiġix ikklassifikata bħala li tinkorpora data personali u lanqas għall-possibbiltà f’dan il-każ li jintuża ċertu materjali (“open book exam”).

23.

Ir-rabta bejn kandidat ta’ eżami u l-prestazzjoni tiegħu f’eżami tiżdied meta huwa jkollu jifformula r-risposti huwa stess. Dan peress li l-formulazzjoni awtonoma ta’ risposta ma hijiex limitata biss għar-riproduzzjoni tal-għarfien iżda turi wkoll kif il-kandidat jaħseb u jaħdem.

24.

Madankollu, fi kwalunkwe każ, l-għan ta’ eżami – għall-kuntrarju, pereżempju, ta’ stħarriġ rappreżentattiv – ma huwiex li tinkiseb informazzjoni li hija indipendenti minn persuna. Dan huwa iktar intiż li jidentifika u jiddokumenta l-prestazzjoni ta’ persuna partikolari, jiġifieri tal-kandidat. Kull eżami għandu l-għan li jiddetermina l-prestazzjoni strettament personali u individwali tal-kandidat. Hemm raġuni valida għalfejn l-użu inġustifikat ta’ prestazzjonijiet ta’ ħaddieħor fl-eżamijiet huwa ssanzjonat severament bħala attent qarrieqi.

25.

Konsegwentement, karta tal-eżami tinkorpora informazzjoni dwar il-kandidat u f’dan ir-rigward hija ġabra ta’ data personali.

26.

Il-korrettezza ta’ din il-konklużjoni tidher ukoll, barra minn hekk, mill-fatt li kandidat għandu interess leġittimu, ibbażat fuq il-protezzjoni tal-ħajja privata tiegħu, fil-possibbiltà li joġġezzjona għall-ipproċessar tal-karta tal-eżami attribwita lilu lil hinn mill-proċedura tal-eżami. Fil-fatt, kandidat ma huwiex obbligat jaċċetta li l-karta tiegħu tiġi żvelata lil terzi jew ippubblikata mingħajr il-kunsens tiegħu.

27.

Kuntrarjament għal dak li jsostni l-kummissarju tal-protezzjoni tad-data Irlandiż, id-data personali inkorporata f’karta tal-eżami ma hijiex limitata għar-riżultat tal-eżami, għall-marka miksuba jew anki għall-punti assenjati għal taqsimiet speċifiċi tal-eżami. Dawn il-valuri sempliċement jiġbru flimkien il-prestazzjoni fl-eżami, li hija ddokumentata fid-dettall fil-karta tal-eżami stess.

28.

Il-klassifikazzjoni ta’ karta tal-eżami bħala li tinkorpora data personali ma tinbidilx jekk, minflok bl-isem tal-kandidat, il-karta tkun immarkata b’numru ta’ identifikazzjoni jew barcode. Skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, għall-informazzjoni personali huwa biżżejjed li l-persuna inkwistjoni tkun tista’ tiġi identifikata minn tal-inqas indirettament ( 6 ). Għaldaqstant, minn tal-inqas meta l-kandidat jitlob il-karta mingħand l-entità responsabbli għall-organizzazzjoni tal-eżami, din tal-aħħar tkun tista’ tidentifikah permezz tan-numru ta’ identifikazzjoni.

b)  Fuq is-sinjifikat tal-kaligrafija

29.

P. Nowak, il-Polonja u r-Repubblika Ċeka jargumentaw ukoll bir-raġun li risposti miktubin bl-idejn jinkludu informazzjoni addizzjonali dwar il-kandidat, jiġifieri dwar il-kaligrafija tiegħu. Għaldaqstant, eżami miktub bl-idejn prattikament huwa kampjun tal-kaligrafija li jista’ jintuża, għall-inqas potenzjalment, f’mument iktar tard bħala indikazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk test ieħor inkitibx ukoll bil-kaligrafija tal-kandidat. Għalhekk, din tista’ tipprovdi indikazzjonijiet dwar l-identità tal-kittieb tal-karta tal-eżami.

30.

Il-kwistjoni dwar jekk kampjun tal-kaligrafija bħal dan ikunx adattat sabiex il-kittieb jiġi identifikat mingħajr ebda dubju ma hijiex rilevanti għall-klassifikazzjoni bħala data personali. Dan minħabba li hemm ħafna iktar data personali li, b’mod iżolat, lanqas ma tippermetti identifikazzjoni inekwivoka ta’ persuni. Għalhekk, lanqas ma huwa neċessarju li jiġi deċiż jekk il-kaligrafija għandhiex titqies bħala informazzjoni bijometrika.

2.  Fuq l-iskop tad-dritt ta’ aċċess

31.

Kuntrarjament għall-fehma tal-Irlanda, lanqas l-iskop tad-dritt ta’ aċċess għal data personali stabbilit fil-premessa 41 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data ma jipprekludi l-klassifikazzjoni ta’ karta tal-eżami bħala data personali. Din tipprovdi li kull persuna għandha tkun tista’ teżerċita d-dritt ta’ aċċess għal data dwarha li tkun qiegħda tiġi pproċessata, sabiex tivverifika b’mod partikolari l-preċiżjoni tad-data u l-ammissibbiltà tal-ipproċessar tagħha. L-Irlanda turi tħassib dwar il-fatt li l-kandidat ser jitlob, flimkien mad-dritt ta’ rettifika stabbilit fl-Artikolu 12(b), il-korrezzjoni ta’ risposti tal-eżami li huma żbaljati.

a)  Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika tal-kunċett ta’ data personali

32.

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li d-dritt ta’ aċċess hawnhekk huwa kwistjoni sekondarja, filwaqt li l-kwistjoni ewlenija pjuttost hija l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ data personali. Kif sostniet ġustament il-Kummissjoni matul is-seduta, ħafna rekwiżiti oħra tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data huma marbuta ma’ dan il-kunċett. Għalhekk, pereżempju, l-Artikolu 6(1)(a) jeżiġi li d-data personali tiġi pproċessata b’mod ġust u skont il-liġi u l-Artikolu 6(1)(b) jipprovdi li għandu jkun hemm skop limitat għad-data personali.

33.

B’rabta ma’ dan il-każ, huwa ta’ interess partikolari li skont l-Artikolu 8(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-Artikolu 16(2) TFUE kif ukoll l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, għandu jkun hemm awtoritajiet ta’ kontroll li jinvestigaw l-osservanza tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tat-trattament ta’ data personali ( 7 ). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8(1) u (3) tal-Karta u l-Artikolu 28(4) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data jiggarantixxu d-dritt lill-persuni li għalihom tirreferi d-data inkwistjoni li jressqu quddiem l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni talba għall-finijiet tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom ( 8 ).

34.

Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni ta’ informazzjoni bħala data personali ma tistax tiddependi minn jekk hemmx dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-aċċess għal din l-informazzjoni li possibbilment jistgħu japplikaw flimkien mad-dritt ta’ aċċess jew minfloku. Barra minn hekk, il-problemi b’rabta ma’ dritt ta’ rettifika lanqas ma jistgħu jkunu determinanti sabiex jiġi kkonstatat jekk teżistix data personali. Li kieku dawn il-fatturi jitqiesu bħala determinanti, jista’ jkun hemm data personali speċifika li tiġi eskluża mis-sistema ta’ protezzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, għalkemm ir-regoli li jkunu japplikaw minflok ma jiggarantixxux protezzjoni ekwivalenti, iżda l-iktar l-iktar protezzjoni frammentata.

b)  Fuq ir-rettifika tad-data

35.

Madankollu, jekk wieħed jikkonċentra fuq id-dritt ta’ aċċess u l-kwistjoni tar-rettifika, għandu jiġi rrikonoxxut li dan id-dritt, fir-rigward ta’ karta tal-eżami, evidentement ma jistax jiġi invokat sabiex, wara li jinkiseb l-aċċess, tintalab rettifika tal-kontenut tal-karta, jiġifieri tas-soluzzjoni li l-kandidat ikun kiteb fuq il-karta, skont l-Artikolu 12(b) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data ( 9 ). Fil-fatt, kif tenfasizza ġustament il-Polonja, il-korrettezza u l-kompletezza ta’ data personali skont l-Artikolu 6(1)(b) għandhom jiġu evalwati fir-rigward tal-iskop li għalih id-data tkun inġabret u ġiet ipproċessata. L-iskop ta’ karta tal-eżami huwa li jiġu evalwati l-għarfien u l-kompetenzi tal-kandidat fil-mument tal-eżami, u dan jirriżulta proprju mill-prestazzjoni tiegħu fl-eżami u partikolarment mill-iżbalji. Għaldaqstant, żbalji fis-soluzzjoni ma jfissrux li d-data personali inkorporata fil-karta hija skorretta.

36.

Madankollu, rettifika tkun konċepibbli jekk ikun il-każ li l-karta tal-eżami ma tiddokumentax b’mod korrett u komplut il-prestazzjoni tal-persuna kkonċernata. Sitwazzjoni bħal din tqum jekk, kif tosserva l-Greċja, il-karta ta’ kandidat ieħor tiġi attribwita lill-persuna kkonċernata, li jista’ jiġi pprovat, b’mod partikolari, bl-għajnuna tal-kaligrafija, jew jekk partijiet mill-karta jkunu ntilfu.

37.

Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li kandidat f’mument iktar tard ikollu interess leġittimu li d-data personali inkorporata fil-karta tal-eżami titħassar skont l-Artikolu 12(b) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, jiġifieri li l-karta tal-eżami tinqered. Interess bħal dan jista’ jiġi preżunt l-iktar tard meta, minħabba l-iskadenza ta’ termini, il-karta tal-eżami tkun tilfet kull valur probatorju b’rabta mal-kontroll tar-riżultat tal-eżami. Dan id-dritt ta’ tħassir ukoll jippresupponi r-rikonoxximent tal-inklużjoni ta’ data personali fil-karta tal-eżami.

38.

Finalment, ir-rettifika u d-drittijiet l-oħra skont l-Artikolu 12(b) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, jiġifieri l-imblokkar u t-tħassir, ma humiex l-unika għanijiet tad-dritt ta’ aċċess.

39.

Huwa minnu li l-premessa 41 effettivament tiddeskrivi l-iskop tal-aċċess fis-sens li l-persuna kkonċernata għandha tkun tista’ tikkonferma, b’mod partikolari, l-eżattezza ta’ din id-data u l-legalità tal-ipproċessar tagħha. Madankollu, bl-użu tal-kelma “partikolarment” fil-biċċa l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi ( 10 ), il-leġiżlatur diġà wera li l-iskop imur lil hinn minn dan. Dan għaliex indipendentement minn rettifika, tħassir jew imblokkar, il-persuni kkonċernati normalment għandhom interess leġittimu li jsiru jafu liema informazzjoni dwarhom tkun qiegħda tiġi pproċessata mill-persuna responsabbli.

40.

Huwa minnu li, fir-rigward ta’ karta tal-eżami, il-bżonn ta’ informazzjoni min-naħa tal-kandidat aktarx ikun limitat ħafna inizjalment. Huwa jkun għadu, ġeneralment, jiftakar sew ir-risposti tiegħu u jassumi li l-entità li organizzat l-eżami għadha żżomm il-karta tal-eżami tiegħu.

41.

Madankollu, numru ta’ snin wara l-memorja aktarx li tiddgħajjef, hekk li talba ta’ aċċess ġenwina tkun riflessa f’talba possibbli għal aċċess, indipendentement mir-raġuni. Barra minn hekk, iktar ma jgħaddi żmien, speċjalment wara li jkunu skadew kwalunkwe termini għal ilmenti jew kontrolli, tiżdied l-inċertezza dwar jekk il-karta tal-eżami għadhiex miżmuma. F’sitwazzjoni bħal din, il-kandidat għandu jkun jista’ jsir jaf, għall-inqas, jekk il-karta tal-eżami tiegħu għadhiex miżmuma. Anki dan id-dritt jassumi li huwa rrikonoxxut li l-karta tal-eżami tinkorpora data personali tal-kandidat.

c)  Fuq l-abbuż tad-dritt ta’ aċċess

42.

Barra minn hekk, għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-abbuż tad-drittijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data, fid-dawl tal-fatt li l-ilment imressaq minn P. Nowak tqies li kien abbużi mill-kummissarju tal-protezzjoni tad-data u t-talba ta’ aċċess tiegħu f’din il-proċedura tqieset li kienet abbużiva mir-Repubblika Ċeka. Din il-kritika tidher li hija marbuta mal-fatt li P. Nowak ma għamilx użu mill-proċedura għall-kontroll tar-riżultat tal-eżami tiegħu, iżda invoka dritt ta’ aċċess skont il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

43.

F’dan ir-rigward, huwa minnu li wieħed ma jistax jibbenefika abbużivament jew frawdolentement mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ( 11 ).

44.

Il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ prattika abbużiva teħtieġ li jiġu ssodisfatti element oġġettiv u element suġġettiv. Minn naħa, fir-rigward tal-element oġġettiv, din il-konstatazzjoni teħtieġ li minn serje ta’ ċirkustanzi oġġettivi jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan li din il-leġiżlazzjoni tfittex li tilħaq ma jkunx intlaħaq. Min-naħa l-oħra, tali konstatazzjoni teħtieġ element suġġettiv, jiġifieri li minn serje ta’ elementi oġġettivi għandu jirriżulta li l-għan essenzjali tal-operazzjonijiet inkwistjoni huwa l-ksib ta’ vantaġġ indebitu. Fil-fatt, il-projbizzjoni tal-prattiki abbużivi ma hijiex rilevanti meta l-operazzjonijiet inkwistjoni jista’ jkollhom ġustifikazzjoni oħra għajr is-sempliċi ksib ta’ vantaġġ (indebitu) ( 12 ).

45.

Skont l-argumenti tal-kummissarju tal-protezzjoni tad-data u tal-Irlanda, jekk il-karti tal-eżami jinkorporaw data personali, dan ikun ifisser li ma jintlaħaqx l-għan tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data sa fejn dritt ta’ aċċess skont il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data jkun jippermetti li jiġu evitati r-regoli dwar il-proċedura tal-eżami u l-oppożizzjoni għad-deċiżjonijiet b’rabta mal-eżami.

46.

Madankollu, l-allegat evitar tal-proċedura tal-eżami u tal-oġġezzjoni għar-riżultati tal-eżami permezz tad-dritt ta’ aċċess stabbilit bil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data jkollu jiġi indirizzat bl-użu tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar partikolarment l-Artikolu 13 li jippermetti li jiġu stabbiliti derogi mid-dritt ta’ aċċess għall-protezzjoni ta’ interessi partikolari speċifikati hemmhekk.

47.

Sakemm dawn il-motivi ma jiġġustifikawx derogi f’ċerti sitwazzjonijiet, bħal pereżempju derogi relatati mal-eżamijiet, għandu jiġi rrikonoxxut li l-leġiżlatur ipprijoritizza r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data li huma bbażati fuq id-drittijiet fundamentali fuq kwalunkwe interess ieħor affettwat b’mod speċifiku.

48.

Madankollu, għandu jiġi nnotat li r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, applikabbli fil-futur, ser itaffi din it-tensjoni. Minn naħa, skont l-Artikolu 15(4) ta’ dan ir-regolament, id-dritt li tinkiseb kopja tad-data personali ma jistax jirrestrinġi d-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni oħra. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi r-raġunijiet għal limitazzjoni tal-garanziji tal-protezzjoni tad-data b’mod iktar wiesa’ milli jagħmel l-Artikolu 13 tad-Direttiva, peress li, b’mod partikolari, il-protezzjoni ta’ għanijiet oħra iktar importanti għall-interess tal-pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 23(1)(e) tar-regolament tista’ tiġġustifika limitazzjonijiet.

49.

Min-naħa l-oħra, is-sempliċi eżistenza ta’ regoli nazzjonali oħra li wkoll jikkonċernaw l-aċċess għal karti tal-eżami ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi preżunt li l-għan tad-direttiva ma ntlaħaqx.

50.

Madankollu, anki jekk jitqies li l-għan ma ntlaħaqx, xorta waħda ma huwiex evidenti fejn jinsab il-vantaġġ indebitu jekk kandidat jingħata aċċess għall-karta tiegħu permezz tad-dritt ta’ aċċess. B’mod partikolari, ma jistax jitqies abbużiv il-fatt li, permezz tad-dritt ta’ aċċess, persuna tikseb informazzjoni li kieku ma kinitx tikseb. Fil-fatt, li kieku kien jeżisti diġà l-aċċess għal informazzjoni personali, ma kienx ikun hemm bżonn tal-introduzzjoni tad-dritt ta’ aċċess fil-qasam tal-protezzjoni tad-data. Dan id-dritt ta’ aċċess għandu kuntrarjament l-għan li jippermetti lill-persuna kkonċernata tikkonsulta d-data tagħha stess, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, meta ma jkollha ebda dritt ta’ aċċess ieħor.

3.  Konklużjoni ad interim

51.

Fil-qosor, jista’ jiġi konkluż li karta tal-eżami miktuba bl-idejn li tista’ tiġi attribwita lil kandidat tikkostitwixxi data personali għall-finijiet tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data.

B.  Fuq il-korrezzjonijiet fil-karta tal-eżami

52.

Uħud mill-partijiet u speċjalment P. Nowak iqajmu d-domanda dwar jekk korrezzjonijiet fuq il-karta tal-eżami jikkostitwixxux ukoll data personali fir-rigward tal-kandidat.

53.

Madankollu, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għal din id-domanda sabiex tiġi deċiża l-kawża prinċipali peress li l-kwistjoni ma hijiex dwar jekk l-eventwali korrezzjonijiet jikkostitwixxux informazzjoni dwar P. Nowak. Għall-kuntrarju, is-suġġett tal-proċedura huwa dwar jekk l-ex kummissarju tal-protezzjoni tad-data Irlandiż kienx intitolat li jiċħad l-ilment imressaq minn P. Nowak, bil-motivazzjoni li l-karta tal-eżami tiegħu a priori ma kinitx data personali. Il-kwistjoni dwar sa fejn il-korrezzjonijiet għandhom ukoll jitqiesu bħala data relatata mal-kandidat ma għandhiex tiġi deċiża mis-Supreme Court (qorti suprema) iżda, jekk ir-rikors jintlaqa’, fl-ewwel istanza mill-kummissarju tal-protezzjoni tad-data Irlandiża attwali. Madankollu, jiena ser niddiskuti dan il-punt fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja xorta waħda tiddeċiedi li tindirizzah.

54.

Kuntrarjament għall-karta tal-eżami fl-intier tagħha, fir-rigward tal-korrezzjonijiet, diffiċli li jiġi previst dritt għal rettifika, għal tħassir jew għal imblokkar ta’ data skorretta, skont il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data. Jidher li huwa inkonċepibbli li kummenti fuq il-karta tal-eżami jistgħu fil-fatt jirreferu għal karta oħra jew ma jirriflettux l-opinjoni tal-eżaminatur. Hija proprju din l-opinjoni li dawn għandhom jiddokumentaw. Għalhekk, fis-sens tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, tali kummenti ma jkunux żbaljati jew ma jirrikjedux korrezzjoni anki jekk l-evalwazzjoni ddokumentata fil-kummenti ma tkunx oġġettivament iġġustifikata.

55.

Għalhekk, kwalunkwe oġġezzjoni għall-korrezzjonijiet ikollha tiġi ttrattata fil-kuntest ta’ oppożizzjoni għall-evalwazzjoni tal-karta.

56.

Madankollu, jista’ jkun konċepibbli li d-dritt ta’ tħassir imsemmi hawn fuq fir-rigward tal-karta tal-eżami jinkorpora wkoll il-korrezzjoni.

57.

Fl-istess waqt, l-għan prinċipali tad-dritt ta’ aċċess għall-korrezzjonijiet ikollu l-iskop li l-kandidat jiġi informat dwar l-evalwazzjoni ta’ partijiet speċifiċi tal-karta tiegħu.

58.

F’dan ir-rigward, dan il-każ huwa simili għal dak li fih il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat l-estensjoni tad-dritt ta’ aċċess għall-abbozz ta’ analiżi ġuridika ta’ applikazzjoni għall-ażil, għaliex dan ma jservix l-għanijiet tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data iżda kien jiġġustifika dritt ta’ aċċess għal dokumenti amministrattivi ( 13 ). Fil-każ preżenti, jista’ jitqies li l-aċċess għal informazzjoni dwar l-evalwazzjoni ta’ karta tal-eżami għandu jinkiseb prinċipalment fil-kuntest tal-proċedura tal-eżami jew proċedura speċjali għall-oppożizzjoni tad-deċiżjonijiet tal-eżami u mhux abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-data. U sa fejn proċedura tal-eżami bħal din ma tiġix iddeterminata bid-dritt tal-Unjoni, kwalunkwe talbiet għal informazzjoni fil-kuntest tagħha jkunu jiddependu biss mid-dritt nazzjonali.

59.

Barra minn hekk, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali analiżi ġuridika ma tikkostitwixxix informazzjoni li tikkonċerna lill-applikant ta’ permess ta’ residenza, iżda l-iktar l-iktar, tikkostitwixxi informazzjoni li tirrigwarda l-evalwazzjoni u l-applikazzjoni, mill-awtorità kompetenti, ta’ dan id-dritt għas-sitwazzjoni ta’ dan l-applikant ( 14 ). Prima facie, din il-konstatazzjoni tista’ wkoll tiġi trasposta għall-korrezzjonijiet. Dawn għalhekk sempliċement juru kif l-eżaminatur evalwa r-risposti.

60.

Fil-fatt, bl-ebda mod ma huwa neċessarju li, waqt il-korrezzjoni ta’ karta tal-eżami, l-eżaminatur ikun jaf ta’ min hija tali karta. Għall-kuntrarju, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, f’ħafna proċeduri ta’ eżami bil-miktub, tingħata attenzjoni għall-fatt li l-eżaminaturi ma jsirux jafu l-identità tal-kandidati, sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interess jew parzjalità. Il-korrezzjonijiet tagħhom, bħal ma probabbilment kien il-każ ukoll tal-eżami inkwistjoni, ma għandhom ebda rabta mal-kandidat.

61.

Fl-istess waqt, tali korrezzjonijiet iservu sabiex titwettaq evalwazzjoni tal-prestazzjoni fl-eżami u għalhekk huma indirettament marbuta mal-kandidat. L-entità li torganizza l-eżami tista’ tidentifikah mingħajr problemi u tassoċjah mal-korrezzjonijiet ladarba tirċievi l-karta kkoreġuta mingħand l-eżaminatur.

62.

Barra minn hekk, kif issostni l-Awstrija, il-kummenti li jinsabu fuq il-karta tal-eżami tipikament huma inseparabbli mill-karta tal-eżami nnifisha, b’differenza pereżempju għal evalwazzjoni fil-qosor dwar il-karta, għaliex mingħajrha ma jkollhom ebda valur informattiv. Madankollu, kif diġà semmejt iktar ’il fuq, il-karta nnifisha tinkorpora data personali tal-kandidat. Din id-data tinġabar u tiġi pproċessata proprju sabiex tkun possibbli l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-kandidat kif inkorporata fil-korrezzjonijiet.

63.

Huwa preċiżament minħabba din ir-rabta mill-qrib bejn il-karta tal-eżami u kwalunkwe korrezzjonijiet magħmula fuqha, li dawn tal-aħħar ukoll jikkostitwixxu data personali tal-kandidat skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data.

64.

Min-naħa l-oħra, il-possibbiltà tal-evitar tal-proċedura ta’ ilment dwar l-eżami ma tistax teskludi l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data. Il-fatt li jista’ jkun hemm, parallellament, regoli oħra dwar l-aċċess għal informazzjoni speċifika ma jissupera l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data. L-iktar l-iktar jista’ jkun ammissibbli li l-persuni kkonċernati jiġu mistiedna jirrikorru għal drittijiet ta’ aċċess simultanji, sakemm dawn jistgħu jiġu invokati effettivament.

65.

Għal raġunijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi nnotat li l-korrezzjonijiet fl-istess waqt jikkostitwixxu data personali tal-eżaminatur. Id-drittijiet tiegħu bħala prinċipju huma xierqa sabiex jiġġustifikaw restrizzjonijiet tad-dritt ta’ aċċess skont l-Artikolu 13(1)(g) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, jekk dawn ikunu jipprevalu fuq l-interessi leġittimi tal-kandidat. Madankollu, is-soluzzjoni definittiva ta’ dan il-kunflitt ta’ interess potenzjali normalment aktarx tkun il-qerda tal-karta tal-eżami kkoreġuta, ladarba ma jkunx għadu possibbli li jsir kontroll sussegwenti tal-proċedura tal-eżami minħabba li jkun skada ż-żmien.

C.  Fuq ir-rekwiżiti oħra ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data

66.

Il-Kummissjoni tirrimarka korrettament li l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data u tad-dritt ta’ aċċess lil hinn mill-eżistenza ta’ data personali hija suġġetta għal kundizzjonijiet oħra u tippermetti anki r-restrizzjoni tad-dritt ta’ aċċess.

67.

Madankollu, ma saret ebda domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dawn il-kundizzjonijiet u possibbiltajiet ta’ restrizzjoni oħra u għalhekk ma għandhomx għalfejn jiġu indirizzati. Jidher ukoll li l-evalwazzjoni tagħhom ma hijiex neċessarja sabiex is-Supreme Court (qorti suprema) tkun tista’ tiddeċiedi dwar jekk l-ex kummissarju tal-protezzjoni tad-data tal-Irlanda kienx korrett meta rrifjuta li jkompli jeżamina l-ilment imressaq minn P. Nowak.

68.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja xorta waħda tkun tixtieq tikkummenta dwar dawn il-kwistjonijiet, ikun partikolarment rilevanti prima facie l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data. Dan jipprovdi li d-direttiva għandha tapplika biss għall-ipproċessar ta’ data personali awtomatizzat kompletament jew parzjalment kif ukoll għall-ipproċessar mhux awtomatizzat ta’ data personali li hija maħżuna jew għandha tinħażen fl-arkivji.

69.

Ma jidhirx li huwa evidenti li l-karta tal-eżami ta’ P. Nowak ġiet ipproċessata b’mod awtomatizzat, pereżempju bl-inklużjoni u bir-reġistrazzjoni tagħha f’sistema elettronika għall-ipproċessar tad-data. Xorta waħda jista’ jiġi preżunt li minn tal-inqas din tagħmel parti mill-“arkivjar”. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, fajl ma għandux neċessarjament jiġi rreġistrat f’sistema elettronika għall-ipproċessar tad-data. Dan il-kunċett ikopri pjuttost kull ġabra strutturata ta’ data personali li hija aċċessibbli skont kriterji speċifiċi. Ġabra fiżika ta’ karti tal-eżami bil-miktub, organizzati alfabetikament jew skont kriterji oħra, ukoll tissodisfa dawn ir-rekwiżiti.

V. Konklużjoni

70.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

Karta tal-eżami miktuba bl-idejn li tista’ tiġi attribwita lil kandidat, inkluż kwalunkwe korrezzjoni tal-eżaminaturi li jista’ jkun fiha, tikkostitwixxi data personali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), fil-verżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447).

( 3 ) Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ April 2016, dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU 2016, L 119, p. 1).

( 4 ) Sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 88), u tas-7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer (C‑553/07, EU:C:2009:293, punt 59).

( 5 ) Dan jidher li huwa l-format tal-eżami li wassal għal din il-proċedura. Ara Strategic Finance and Management Accounting (SFMA), Interim Assessment – January 2017, Final Exam Version, Paper and Suggested Solution with Examiner’s Comments, https://www.charteredaccountants.ie/docs/default-source/dept-exams/cap2-sfma-2017-ia1-prs-final037b534808b3649fa7d8ff000079c5aa.pdf?sfvrsn=0, aċċessat fit-8 ta’ Ġunju 2017.

( 6 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2016, Breyer (C‑582/14, EU:C:2016:779, punti 40 sa 44).

( 7 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punti 40 et seq).

( 8 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punti 5859).

( 9 ) Dan huwa l-qofol, fih innifsu korrett, tal-argumenti, li fir-rigward tal-kumplament tagħhom ma humiex konvinċenti, fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali għas-servizz pubbliku tat-12 ta’ Frar 2014, De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni (F‑127/11, EU:F:2014:14, punt 101).

( 10 ) Dan japplika għall-verżjoni Ġermaniża, Ingliża, Franċiża, Spanjola, Taljana, Portugiża, Rumena, Bulgara, Kroata, Latvjana, Litwana, Pollakka, Slovena, Slovakka u Ċeka kif ukoll Estonjana, Griega, Ungeriża, Maltija u Finlandiża. Min-naħa l-oħra, din il-kelma jidher li hija nieqsa pereżempju fil-verżjoni Daniża, Svediża jew Olandiża.

( 11 ) Sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros (C‑212/97, EU:C:1999:126, punt 24), u tat-2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff (C‑438/14, EU:C:2016:401, punt 57).

( 12 ) Sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Kratzer (C‑423/15, EU:C:2016:604, punti 38 sa 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, YS et (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 46).

( 14 ) Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, YS et (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 40).