KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fid-19 ta’ Ottubru 2017 ( 1 )

Kawżi Magħquda C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16

flightright GmbH

vs

Air Nostrum, Líneas Aéreas del Mediterráneo SA (C‑274/16)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Düsseldorf (qorti lokali, Düsseldorf, il-Ġermanja)]

u

Roland Becker

vs

Hainan Airlines Co. Ltd (C‑447/16)

u

Mohamed Barkan

Souad Asbai

Assia Barkan

Zakaria Barkan

Nousaiba Barkan

vs

Air Nostrum, Lineas Aereas del Mediterraneo, SA (C‑448/16)

[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja)]

“Deċiżjonijiet preliminari — Regolamenti (KE) Nru 44/2001 u (KE) Nru 1215/2012 — Ġurisdizzjoni għal talbiet imressqa skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 — Titjira li ttardjat — Vjaġġ b’diversi waqfiet — Kunċett ta’ ‘kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt’ — Provvista ta’ servizzi — Post ta’ eżekuzzjoni — Konvenut iddomiċiljat f’pajjiż terz”

I. Introduzzjoni

1.

Il-kawżi preżenti jirrigwardaw tliet talbiet għal kumpens li tressqu skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 ( 2 ) kontra kumpanniji tal-linji tal-ajru għal dewmien u ċaħda ta’ imbarkazzjoni fuq segmenti differenti ta’ vjaġġ b’diversi waqfiet.

2.

L-ewwel żewġ talbiet għandhom tema komuni: vjaġġ magħmul minn żewġ titjiriet konnessi nbiegħ mit-trasportatur tal-ajru kuntrattwali (iktar ’il quddiem is-“CAC”) lill-passiġġieri. Is-CAC innifsu opera biss it-tieni parti tal-vjaġġ. L-ewwel parti tat-titjira saret minn trasportatur tal-ajru li jopera (iktar ’il quddiem l-“OAC”), u mhux mis-CAC. Fiż-żewġ każijiet, kien hemm dewmien fl-ewwel parti tal-vjaġġ li wassal biex il-passiġġieri jitilfu t-titjira ta’ konnessjoni.

3.

Dawn ix-xenarji fattwali jqajmu żewġ kwistjonijiet ta’ liġi. L-ewwel nett, x’inhi n-natura ta’ talba mressqa mill-passiġġieri kontra l-OAC għal dewmien fl-ewwel parti tal-vjaġġ? Tista’ din it-talba, anki fin-nuqqas ta’ kuntratt bejn il-passiġġier u l-OAC, tiġi kklassifikata bħala “kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt” fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 3 ) u tar-Regolament (KE) Nru 1215/2012 ( 4 )?

4.

It-tieni nett, liema qrati għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali fir-rigward ta’ talbiet ta’ kumpens bħal dawn? Il-passiġġieri ressqu t-talbiet tagħhom kontra l-OAC quddiem il-qrati Ġermaniżi, peress li l-Ġermanja kienet id-destinazzjoni tat-tieni parti tal-vjaġġ. Madankollu, l-OAC wettaq l-ewwel parti tal-vjaġġ, b’dik il-parti partikolari tat-titjira la tibda u lanqas tispiċċa fil-Ġermanja.

5.

It-tielet talba hija wkoll talba għal kumpens, imma tqajjem kwistjoni separata. Dik it-talba tressqet kontra l-OAC li kien ukoll is-CAC tal-passiġġier għall-parti tat-titjira li dwarha tressaq l-ilment. Madankollu, il-kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni hawnhekk hija ta’ natura differenti peress li t-trasportatur tal-ajru li ċaħad l-imbarkazzjoni huwa ddomiċiljat barra mill-Unjoni. Għalhekk, il-mistoqsija hija liema regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali japplikaw f’sitwazzjoni bħal din.

II. Il-kuntest ġuridiku

a)   Ir-Regolament Nru 261/2004

6.

L-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 261/2004 jiddefinixxi “trasportatur ta’ l-ajru li jopera” bħala “trasportatur ta’ l-ajru li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira taħt kuntratt ma’ passiġġier jew f’isem persuna oħra, legali jew naturali, li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier”.

7.

L-Artikolu 3(1) jgħid li r-Regolament Nru 261/2004 japplika:

“(a)

għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru għal liema japplika t-Trattat;

(b)

għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab f’pajjiż terz għal ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Mebru għal liema japplika t-Trattat, kemm-il darba rċievu vantaġġi jew kumpens u ġew mogħtija assistenza f’dak il-pajjiż terz, jekk il-trasportatur ta’ l-ajru li qed jopera tat-titjira in kwistjoni hu trasportatur Komunitarju.”

8.

Bis-saħħa tal-Artikolu 3(5), ir-Regolament Nru 261/2004 japplika għal kwalunkwe OAC li jipprovdi trasport lil passiġġieri koperti mill-paragrafi 1 u 2 tal-istess dispożizzjoni. It-tieni sentenza tal-Artikolu 3(5) tgħid li “[f]ejn [OAC] li jopera li m’għandu l-ebda kuntratt mal-passiġġier iwettaq obbligazzjonijiet taħt dan ir-Regolament, għandu jiġi meqjus li qed jagħmel dan f’isem il-persuna li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier”.

9.

L-Artikolu 6(1) jiddefinixxi l-assistenza li għandha tingħata mill-OAC lill-passiġġieri f’każ ta’ dewmien, skont id-dewmien u d-distanza tat-titjira. L-Artikolu 7(1) jistabbilixxi wkoll l-ammonti ta’ kumpens b’rata fissa li għandu jingħata lill-passiġġieri.

10.

L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 261/2004 jirrigwarda d-“Dritt għal rimedju”. Dan jgħid li “[…] fejn [OAC] jħallas kumpens jew jilħaq l-obbligazzjonijiet oħra li għandu d-dmir iwettaq taħt dan ir-Regolament, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jista’ jiġi interpretat li jirrestrinġi d-dritt tiegħu li jfittex kumpens minn kwalunkwe persuna, inklużi partijiet terzi, skond il-liġi applikabbli. […].Partikolarment, dan ir-Regolament m’għandu bl-ebda mod jirrestrinġi d-dritt tal-[OAC] biex ifittex rimbors minn operatur tat-tour jew persuna oħra ma’ liema l-[OAC] għandu kuntratt. B’mod simili, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma tista’ tiġi interpretata li tirrestrinġi d-dritt ta’ operatur tat-tour jew ta’ parti terza, barra minn passiġġier, ma’ liema [OAC] għandu kuntratt, biex ifittex rimbors jew kumpens [mill-OAC...]”.

b)   Ir-Regolamenti Nru 44/2001 u Nru 1215/2012

11.

L-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi li huwa japplika għal proċeduri legali mibdija fid-data jew wara l-10 ta’ Jannar 2015.

12.

Il-proċeduri fil-Kawżi C‑447/16 u C‑448/16 tressqu qabel dik id-data. Għal dawk il-kawżi, jibqa’ japplika r-Regolament Nru 44/2001. Il-Kawża C‑274/16 japplika għaliha r-Regolament Nru 1215/2012. Madankollu, ħlief għan-numerazzjoni, id-dispożizzjonijiet taż-żewġ regolamenti applikabbli f’dawn il-kawżi baqgħu identiċi.

13.

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, “persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

14.

Bis-saħħa tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jekk “il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ kull Stat Membru għandha […] tkun determinata bil-liġi ta’ dak l-Istat Membru” ( 5 ). Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 44/2001 u l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 “[m]inħabba li kontra tali konvenut, persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, independentament min-nazzjonalità tagħha, tapprofitta ruħha f’dak l-Istat mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli hemmhekk, […] bl-istess metodu bħal ċittadini ta’ dak l-Istat”.

15.

It-tieni taqsimiet taż-żewġ regolamenti fihom regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali. Id-dispożizzjonijiet rilevanti huma l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012. Il-paragrafu 1(a) ta’ dawk l-artikoli jipprovdi li persuna ddomiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu inkwistjoni. Fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi, il-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu inkwistjoni għandu jkun, skont it-tieni inċiż tal-paragrafu 1(b) tal-istess dispożizzjonijiet “fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi”.

16.

Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”.

III. Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi preliminari

17.

Il-fatti u l-proċedura ta’ kull kawża (Talba 1 ‑ flightright, Talba 2 - Barkan, u Talba 3 ‑ Becker) huma deskritti fit-taqsimiet A sa Ċ rispettivament.

A.  Kawża C‑274/16, flightright GmbH vs Air Nostrum, Líneas Aéreas del Mediterráneo, S.A

18.

Il-passiġġieri f’dan il-każ xtraw vjaġġ magħmul minn żewġ titjiriet konnessi minn Ibiza (Spanja) għal Düsseldorf (il-Ġermanja), vija Palma de Mallorca (Spanja) mingħand it-trasportatur tal-ajru Air Berlin PLC & Co Luftverkehrs KG (iktar ’il quddiem “Air Berlin”). L-ewwel parti kienet operata minn Air Nostrum, Líneas Aéreas del Mediterráneo, SA (iktar ’il quddiem l-“Air Nostrum”). It-tieni parti kienet operata minn Air Berlin. L-ewwel parti tat-titjira ttardjat, u rriżulta li l-passiġġieri tilfu t-titjira ta’ konnessjoni tagħhom. Eventwalment waslu f’Düsseldorf b’dewmien ta’ 13-il siegħa.

19.

Il-passiġġieri assenjaw it-talba li tirriżulta minn dak id-dewmien taħt ir-Regolament Nru 261/2004 lil flightright GmbH (iktar ’il quddiem “flightright”). Flightright issa qed titlob kumpens ta’ EUR 500 kontra Air Nostrum flimkien mal-interessi (iktar ’il quddiem it-“Talba 1 ‑ flightright”).

20.

Flightright ressqet it-talba quddiem l-Amtsgericht Düsseldorf (qorti lokali, Düsseldorf, il-Ġermanja). Dik il-qorti tiddubita jekk għandhiex ġurisdizzjoni internazzjonali biex tisma’ l-kawża. B’mod iktar speċifiku hija tistaqsi jekk id-destinazzjoni finali, Düsseldorf, hijiex il-post ta’ eżekuzzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012. Dan għaliex id-dewmien seħħ fl-ewwel parti tal-vjaġġ, li la bdiet u lanqas spiċċat fil-Ġermanja, u li kienet operata minn trasportatur tal-ajru differenti minn dak li miegħu ġie konkluż il-kuntratt ta’ trasport.

21.

F’dawk iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Düsseldorf (qorti lokali, Düsseldorf) issospendiet il-proċeduri quddiemha u rriferiet din id-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Fil-każ ta’ trasport bl-ajru ta’ persuni b’konnessjoni kompost minn żewġ titjiriet u li ma jkunx jinkludi dewmien notevoli fl-ajruport ta’ korrispondenza, il-post tal-wasla tat-tieni titjira għandu jitqies bħala l-post ta’ eżekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 meta r-rikors ikun ippreżentat kontra t-trasportatur tal-ajru effettiv tal-ewwel titjira li fuqha seħħet l-anomalija u meta t-trasport għat-tieni titjira jkun twettaq minn trasportatur tal-ajru ieħor?”

B.  Kawża C‑448/16, Mohamed Barkan et vs Air Nostrum L.A.M. S.A

22.

Mohamed Barkan, martu u t-tliet uliedhom (M. Barkan et) xtraw ukoll vjaġġ magħmula minn żewġ titjiriet konnessi, minn Melilla (Spanja) sa Frankfurt am Main (il-Ġermanja) vija Madrid (Spanja). Il-kuntratt ta’ trasport ġie konkluż ma’ Iberia Líneas Aéreas de España (iktar ’il quddiem “Iberia”). L-ewwel parti tat-titjira, minn Melilla sa Madrid, kienet operata minn Air Nostrum, filwaqt li t-tieni parti, minn Madrid sa Frankfurt am Main, kienet operata minn Iberia. It-tluq minn Melilla għal Madrid ittardja, li fisser li l-passiġġieri tilfu t-titjira ta’ konnessjoni u waslu fid-destinazzjoni finali tagħhom (Frankfurt am Main) erba’ sigħat tard.

23.

Dawn il-passiġġieri ressqu talba kontra Air Nostrum, fejn kull wieħed talab EUR 250 bħala kumpens skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004. M. Barkan jitlob ukoll rimbors ta’ EUR 100, flimkien mal-interessi, għall-ikel u telefonati magħmula matul id-dewmien (iktar ’il quddiem “Talba 2 ‑ Barkan”).

24.

Din it-talba ġiet milqugħa minn qorti tal-ewwel istanza. Madankollu, fl-appell, it-talba ġiet miċħuda. Il-qorti tal-appell qieset li l-qrati Ġermaniżi ma kellhomx ġurisdizzjoni internazzjonali. Skont dik il-qorti, ma kien hemm l-ebda post domestiku ta’ eżekuzzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 44/2001. It-talba inkwistjoni kienet tirrigwarda d-dewmien fit-titjira minn Melilla lejn Madrid u għalhekk dawk iż-żewġ postijiet biss tqiesu bħala l-postijiet ta’ eżekuzzjoni rilevanti.

25.

Il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja), adita b’appell fuq punti ta’ liġi, tinnota li l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi tista’ f’dan il-każ tiġi stabbilita biss jekk il-post ta’ eżekuzzjoni tas-servizz inkwistjoni huwa fil-Ġermanja. Dik id-determinazzjoni tiddependi fuq jekk ir-relazzjoni legali bejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u Air Nostrum tistax tiġi kklassifikata bħala kuntrattwali, minkejja l-fatt li ma teżisti l-ebda rabta kuntrattwali diretta bejn dawn il-passiġġieri u Air Nostrum.

26.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja) issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)

Il-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-[Regolament Nru 44/2001], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni ‘f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt’ tkopri wkoll dritt għall-kumpens finanzjarju previst fl-Artikolu 7 tar-[Regolament Nru 261/2004] invokat fir-rigward ta’ trasportatur tal-ajru effettiv li ma huwiex l-parti kontraenti l-oħra fil-kuntratt mal-passiġġier ikkonċernat?

2.

Fl-ipoteżi li l-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-[Regolament Nru 44/2001] japplika:

Għandu jitqies li, fir-rigward ta’ trasport ta’ persuni mwettaq fuq żewġ titjiriet, mingħajr waqfa kunsiderevoli fl-ajruport ta’ konnessjoni, id-destinazzjoni finali tal-passiġġier hija l-post ta’ eżekuzzjoni fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-[Regolament Nru 44/2001], anki meta d-dritt għall-kumpens finanzjarju previst fl-Artikolu 7 tar-[Regolament Nru 261/2004], invokat fir-rikors, ikun ibbażat fuq inċident li seħħ fl-ewwel parti tal-vjaġġ u meta r-rikors ikun ippreżentat kontra t-trasportatur tal-ajru effettiv tal-ewwel titjira li ma huwiex il-parti kontraenti l-oħra fil-kuntratt ta’ trasport?”

C.  Kawża C‑447/16, Roland Becker vs Hainan Airlines Co. Ltd

27.

R. Becker ikkonkluda kuntratt ta’ trasport bl-ajru mat-trasportatur tal-ajru Hainan Airlines Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Hainan Airlines”) għal vjaġġ magħmul minn żewġ titjiriet konnessi. Dak it-trasportatur tal-ajru huwa ddomiċiljat barra mill-Unjoni. L-ewwel parti ta’ dik it-titjira kienet waħda minn Berlin-Tegel (il-Ġermanja) għal Brussell (il-Belġju) u t-tieni parti kienet titjira ta’ konnessjoni minn Brussell sa Beijing (iċ-Ċina). R. Becker għamel ir-reġistrazzjoni (check in) għaż-żewġ titjiriet f’Berlin u rċieva l-karti tal-imbarkazzjoni korrispondenti. Il-bagalji tiegħu ġew irreġistati wkoll biex imorru t-triq kollha lejn Beijing. L-ewwel parti tal-vjaġġ, li kienet operata minn Brussels Airlines, marret skont l-iskeda. Madankollu, fi Brussell, R. Becker ġie mċaħħad milli jitla’ abbord għat-tieni parti lejn Beijing, li kienet operata minn Hainan Airlines.

28.

R. Becker jitlob, permezz ta’ talba mressqa kontra Hainan Airlines fil-Ġermanja, EUR 600 f’kumpens skont l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004, flimkien mal-interessi u l-ispejjeż tal-proċeduri (iktar ’il quddiem “Talba 3 – Becker”).

29.

Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet it-talba għar-raġuni li l-qrati Ġermaniżi ma kellhomx ġurisdizzjoni internazzjonali. Il-qorti tal-appell waslet għall-istess konklużjoni. Fil-fehma ta’ din tal-aħħar, ma kien hemm l-ebda post domestiku ta’ eżekuzzjoni minħabba li l-ewwel titjira minn Berlin għal Brussell u t-tieni waħda minn Brussell għal Beijing kienet magħmula minn żewġ titjiriet separati skont ir-Regolament Nru 261/2004. It-talba inkwistjoni tirrigwarda esklużivament il-parti tal-vjaġġ minn Brussell għal Beijing: il-post ta’ eżekuzzjoni għalhekk kien meqjus bħala Brussell. Dik il-qorti nnotat ukoll li s-sede ta’ Hainan Airlines ma hijiex fil-Ġermanja u għalhekk il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi ma tistax tkun ibbażata fuqha. Peress li l-kuntratt inkwistjoni jikkonċerna l-għoti ta’ servizzi, il-ġurisdizzjoni tista’ tirriżulta biss mill-Artikolu 5(1)(a) u mit-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001.

30.

Il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja), adita b’appell fuq punti ta’ dritt, tosserva li jekk il-qrati Ġermaniżi jgawdux ġurisdizzjoni internazzjonali jew le jiddependi min-natura tar-relazzjoni legali bejn R. Becker u Hainan Airlines. Dan jiddependi wkoll fuq jekk Berlin, il-post tat-tluq tal-ewwel titjira, jistax jitqies bħala l-post ta’ eżekuzzjoni skont ir-Regolament Nru 44/2001.

31.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja) issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Għandu jitqies li, fil-każ ta’ trasport ta’ persuni mwettaq fuq żewġ titjiriet, mingħajr waqfa kunsiderevoli fl-ajruporti ta’ konnessjoni, il-post ta’ tluq tal-ewwel parti tal-vjaġġ huwa l-post ta’ eżekuzzjoni fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-[Regolament Nru 44/2001], anki meta d-dritt għall-kumpens finanzjarju previst fl-Artikolu 7 tar-[Regolament Nru 261/2004], invokat fir-rikors, ikun bbażat fuq inċident li seħħ fit-tieni parti tal-vjaġġ u meta r-rikors ikun ippreżentat kontra l-parti kontraenti l-oħra fil-kuntratt ta’ trasport li hija, effettivament, it-trasportatur tal-ajru tat-tieni titjira, iżda mhux tal-ewwel titjira?”

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

32.

Għat-Talba 1 ‑ flightright, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn flightright, Air Nostrum, il-Gvern tal-Portugall u mill-Kummissjoni Ewropea. Rigward it-Talba 2 ‐ Barkan, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn M. Barkan et, Air Nostrum, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Kummissjoni. L-osservazzjonijiet bil-miktub għat-Talba 3 – Becker ġew ippreżentati minn R. Becker, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Kummissjoni.

33.

M. Barkan et, flightright, Air Nostrum, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni ressqu l-argumenti tagħhom waqt seduta orali konġunta li saret fis-6 ta’ Lulju 2017.

V. Evalwazzjoni

34.

Dawn il-konklużjonijiet huma sstrutturati kif ġej: it-Talba 1 ‑ flightright u t-Talba 2 ‑ Barkan jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni jew tar-Regolament Nru 44/2001 jew tar-Regolament Nru 1215/2012. Għalhekk se nibda billi nikkunsidra ż-żewġ kwistjonijiet legali mqajma minn dawn iż-żewġ talbiet: jekk it-talba għall-kumpens hijiex kwistjoni li għandha x’taqsam ma’ kuntratt (A.1.) u liema huwa l-post ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt bħal dan (A.2.). Imbagħad se nindirizza l-kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali fit-Talba 3 ‑ Becker (B).

A.  Talba 1 ‑ flightright u t-Talba 2 – Barkan

35.

Kif jista’ jiġi ddeterminat l-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali għal talbiet kontra trasportatur tal-ajru li jopera li ma kienx it-trasportatur tal-ajru li jopera tal-passiġġieri?

36.

Din id-determinazzjoni teħtieġ l-identifikazzjoni tal-kap tal-ġurisdizzjoni applikabbli (1), u mbagħad, fi ħdan dak il-kap partikolari, jiġi aċċertat il-forum internazzjonali korrett għal dawk it-talbiet fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Rehder ( 6 ). Dik id-deċiżjoni kienet tikkonċerna titjiriet diretti. Għaldaqstant tqum il-kwistjoni dwar kif tapplikaha għal vjaġġ b’diversi waqfiet (2).

1. Il-kap applikabbli tal-ġurisdizzjoni

a) In-natura tat-talba

37.

Ir-Regolament Nru 261/2004 jiddefinixxi d-drittijiet li l-passiġġieri jistgħu jinforzaw kontra trasportatur tal-ajru li jopera jekk isseħħ waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fih. Iżda, huwa minn ewl id-dinja li dak ir-regolament innifsu ma jispeċifikax in-natura tat-talbiet li jirriżultaw minnu għall-iskop tal-applikazzjoni tar-Regolamenti Nru 44/2001 u Nru 1215/2012.

38.

Il-konvenuta kkonċernata fil-kawża prinċipali, Air Nostrum, tidher li hija ddomiċiljata fi Spanja. Għalhekk, il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi ma tistax tkun ibbażata fuq il-kap ġenerali ta’ ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

39.

Fir-rigward tal-kapijiet speċjali ta’ ġurisdizzjoni, għandu l-ewwel nett jiġi mfakkar li l-kap speċjali ta’ ġurisdizzjoni previst għall-konsumaturi mir-Regolamenti Nru 44/2001 u Nru 1215/2012 lanqas ma jista’ japplika f’din il-kawża. Ċertament, ir-Regolament Nru 261/2004 huwa strument li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri ( 7 ). Madankollu, il-kap speċifiku ta’ ġurisdizzjoni disponibbli għall-konsumaturi skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 japplika, bis-saħħa tal-esklużjonijiet espliċiti li jinsabu fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001 u l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 1215/2012 rispettivament, biss għal kuntratti ta’ trasport, li, għal prezz li jinkludi kollox, jipprovdu taħlita ta’ vvjaġġar u akkomodazzjoni. Dwar il-fatti kif iddikjarati mill-qrati tar-rinviju, dan ma huwiex il-każ fil-kuntratti inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali.

40.

Peress li kapijiet ta’ ġurisdizzjoni oħra skont ir-Regolamenti Nru 44/2001 u Nru 1215/2012 ma jidhrux li huma rilevanti, il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi tista’ tiġi kkunsidrata biss fid-dawl tal-kap tal-ġurisdizzjoni speċjali għal kwistjonijiet kuntrattwali jew ta’ tort.

41.

Fid-digriet tar-rinviju tagħha fit-Talba 2 - Barkan, il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja) tikkunsidra li t-talbiet inkwistjoni huma talbiet statutorji mressqa taħt kuntratt. Fuq il-bażi ta’ kuntratt eżistenti ma’ CAC, il-passiġġieri fil-proċeduri prinċipali qegħdin jinforzaw drittijiet li ma jirriżultawx direttament mill-kuntratt ta’ trasport tagħhom imma li huma ddefiniti fir-Regolament Nru 261/2004. Il-possibbiltà li jiġu infurzati tippreżupponi kuntratt ta’ trasport bl-ajru u prenotazzjoni kkonfermata. Għalhekk, b’mod ġenerali, il-kwistjoni tirrigwarda kuntratt.

42.

Flightright, M. Barkan et, kif ukoll il-Gvern Franċiż u l-Konfederazzjoni Svizzera jqisu li t-talbiet inkwistjoni jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt” fis-sens tar-Regolamenti Nru 44/2001 jew Nru 1215/2012. Essenzjalment, flightright kif ukoll M. Barkan et jirreferu għall-oriġini kuntrattwali tat-talba minkejja n-nuqqas ta’ kuntratt iffirmat direttament minnhom u Air Nostrum.

43.

Il-Gvern Franċiż jistrieħ fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt” bħala li jkopri wkoll talba diretta kontra parti terza li tkun tat il-kunsens tagħha għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu miftiehem bejn oħrajn. Dak il-gvern jirreferi wkoll għad-dispożizzjoni “relatata ma’ aġenzija” li tinsab fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 261/2004 bħala li tikkonferma n-natura kuntrattwali tat-talbiet inkwistjoni.

44.

Bl-istess mod, il-Konfederazzjoni Svizzera filwaqt li jirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u għall-aħħar dispożizzjoni tar-Regolament Nru 261/2004, jargumenta li t-trasferiment statutorju ta’ obbligi skont ir-Regolament Nru 261/2004 mis-CAC għall-OAC jindika li t-talbiet inkwistjoni huma kuntrattwali.

45.

L-istess konklużjoni fil-prinċipju ntlaħqet mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tinnota li r-Regolament Nru 261/2004 jagħmel l-OAC responsabbli għall-obbligi speċifikati hemmhekk minflok is-CAC. Il-fatt li d-drittijiet korrispondenti tal-passiġġieri huma ddefiniti f’regolament u mhux f’kuntratt huwa irrilevanti. Dan huwa għaliex huma l-konsegwenza legali tal-eżekuzzjoni ħażina ta’ kuntratt.

46.

Air Nostrum tidher li taċċetta l-proposta li t-talba inkwistjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala kuntrattwali (għalkemm hija tenfasizza fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar it-Talba 1 – flightright, l-assenza ta’ rabta kuntrattwali). Madankollu hija ssostni li tista’ tinżamm responsabbli biss għall-parti tal-vjaġġ li effettivament operat u li l-eżekuzzjoni tagħha ma kinitx tinsab fil-Ġermanja.

b) Kuntratt jew tort?

47.

Kif jidher li huwa l-każ mill-informazzjoni pprovduta mill-qrati tar-rinviju kif ukoll dik ikkonfermata waqt is-seduta, essenzjalment hemm sitwazzjoni “trijangolari” li tinvolvi tliet atturi (CAC-OAC-passiġġier) u żewġ kuntratti: il-kuntratt ta’ trasport bejn is-CAC u l-passiġġier u, kif tidher li hija prattika komuni, kuntratt qafas ġenerali bejn is-CAC u l-OAC. Madankollu, ma hemm l-ebda kuntratt iffirmat direttament mill-passiġġieri u l-konvenut OAC ( 8 ).

48.

F’dan l-isfond fattwali u legali, il-qorti tar-rinviju fit-Talba 2 ‑ Barkan tesprimi dubji dwar jekk it-talba diretta kontra entità li ma hijiex parti fil-kuntratt sottostanti relevanti tistax tiġi kklassifikata bħala li toħroġ minn kuntratt.

49.

Matul dawn il-proċeduri ġew diskussi żewġ possibbiltajiet dwar kif tista’ tiġi evalwata n-natura tat-talbiet inkwistjoni.

50.

L-ewwel nett, dawn it-talbiet jistgħu jitqiesu li jirriżultaw minn delitt/tort. Peress li ma hemm l-ebda kuntratt bejn il-passiġġier u l-OAC, l-OAC qiegħed jiġi mħarrek effettivament minħabba li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont ir-Regolament Nru 261/2004. Għalhekk, għall-iskop ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali, it-talba tista’ tinftiehem bħala li toriġina minn tip ta’ tort statutorju: il-kontenut tal-obbligi, il-konsegwenzi tan-nuqqas li jiġu ssodisfatti dawk l-obbligi, kif ukoll l-identità tal-konvenut huma kollha ddefiniti fir-Regolament Nru 261/2004 ( 9 ).

51.

It-tieni nett, kif ġie diskuss waqt is-seduta, in-natura kuntrattwali tat-talba tista’ tinftiehem bħala li toħroġ minn tip ta’ kuntratt impliċitu bejn l-OAC u l-passiġġier ( 10 ) jew billi wieħed jara l-kuntratt qafas ġenerali [ta’ kondiviżjoni ta’ kodiċijiet (code-sharing) jew tip ieħor ta’ kooperazzjoni] bejn is-CAC u l-OAC bħala tip ta’ kuntratt għall-benefiċċju tal-parti terza, jiġifieri l-passiġġier.

52.

Jiena tal-fehma li n-natura tat-talba hija tabilħaqq kuntrattwali, u mhux ta’ tort. Madankollu, irrid nammetti li l-interpretazzjonijiet ta’ kuntratt impliċitu jew kuntratt għall-benefiċċju ta’ parti terza jidhru kemxejn imġebbda u problematiċi għalija. Ir-raġuni għaliex, skont it-tassonomija taż-żewġ Regolamenti Nru 44/2001 u Nru 1215/2012, talba bħal din hija ta’ natura kuntrattwali hija fl-opinjoni tiegħi iktar sempliċi.

53.

L-ewwel nett u fuq kollox, il-kliem tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 u tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 huwa pjuttost miftuħ u jgħid li persuna ddomiċiljata fi Stat Membru jista’ jitħarrek fi Stat Membru ieħor dwar “kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt” ( 11 ). Dak il-kliem, li jinsab ukoll f’verżjonijiet lingwistiċi oħra ( 12 ), jirreferi b’mod ċar għal “kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt” u mhux “parti kontraenti”.

54.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ir-regola ġurisdizzjonali fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 u fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 hija bbażata fuq il-kawża ta’ azzjoni, mhux l-identità tal-partijiet. Dak li huwa importanti huwa jekk is-sors oriġinali u sottostanti tad-drittijiet u l-obbligi li qegħdin jiġu kkontestati u r-raġuni għaliex dik it-talba qegħda titressaq kontra l-konvenut speċifiku jirriżultawx minn kuntratt. Jekk jagħmlu dan, l-azzjoni sussegwenti intiża għall-infurzar tagħhom tirrigwarda “kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt”, anki jekk, kif spiss ikun il-każ fid-dispożizzjonijiet legali li jipproteġu lill-konsumaturi, id-drittijiet u l-obbligi li qegħdin jiġu infurzati b’mod konkret fil-każ individwali kienu ġew “inskritti” (jiġifieri saru applikabbli mingħajr il-possibbiltà ta’ deroga) fil-kuntratt bl-operat ta’ regoli statutorji obbligatorji.

55.

Hemm żewġ analoġiji sistemiċi fi ħdan ir-Regolamenti Nru 44/2001 u Nru 1215/2012 li jikkonfermaw dak il-punt. L-ewwel nett, bl-istess mod bħall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kwistjoni relatata mal-assigurazzjoni”, dak li huwa rilevanti hu li r-rikorrent rispettiv qiegħed jinforza drittijiet li joriġinaw minn kuntratt ta’ assigurazzjoni u mhux jekk hu jew hi kinux parti f’dak il-kuntratt ( 13 ). It-tieni nett, wieħed jista’ jirreferi wkoll għall-każijiet ta’ suċċessjoni legali f’talbiet ta’ partijiet terzi. Taħt ċirkustanzi speċifiċi, parti terza tista’ tidħol fil-vesti ta’ ħaddieħor sabiex tinforza talbiet li nħolqu f’relazzjoni legali li r-rikorrent ma kienx parti fiha. Għal darba oħra, parti terza li tinforza d-drittijiet mill-kuntratt oriġinali tista’ tkun intitolata ( 14 ) li tagħmel dan taħt il-kap tal-ġurisdizzjoni ta’ kwistjoni li għandha x’taqsam ma’ kuntratt, anki jekk hija stess ma kinitx parti fil-kuntratt oriġinali ( 15 ). Kif tosserva l-Kummissjoni, fil-kawża Frahuil il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx fil-prinċipju li “kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt” jistgħu jkopru sitwazzjoni fejn entità terza fittxet waħda mill-partijiet kontraenti, abbażi ta’ assenjazzjoni statutorja ta’ talba lil rikorrent terz, jekk ikun jista’ jiġi stabbilit il-kunsens tal-konvenut għall-obbligu rilevanti ( 16 ). Dan juri mill-ġdid li għal kwistjoni li taqa’ taħt il-kap tal-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jew l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, it-talba ma għandhiex neċessarjament tkun bejn il-partijiet oriġinali tal-kuntratt: dan huwa l-każ sakemm ikun hemm bażi kuntrattwali sottostanti li fuqha dik it-terza persuna tista’ titlob, jew tista’ tinżamm responsabbli, għat-twettiq ta’ obbligi li kienu sottoskritti kuntrattwalment minn, jew favur, dik it-terza persuna.

56.

It-tieni nett, fuq livell ġenerali, meta jiġi ttrasportat passiġġier, OAC mhux kuntrattwali jwettaq obbligu ta’ oriġini kuntrattwali. Għall-OAC, it-trasport tal-passiġġier ma huwiex obbligu statutorju ta’ kwalunkwe tip. F’dan ir-rigward, ninnota dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet rigward il-kliem “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt” skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001: ikopri l-azzjonijiet kollha li jridu jistabbilixxu r-responsabbiltà ta’ konvenut u li ma humiex relatati ma’ “kuntratt” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tiegħu ( 17 ).

57.

A contrario, azzjonijiet li huma hekk jirrigwardaw, b’xi mod jew ieħor, kuntratt li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) Regolament Nru 44/2001 u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

58.

Dan iwassalni għat-tielet punt. Fil-livell konkret, ma hemmx dubju li l-għan u r-raġuni proprja għat-talbiet inkwistjoni huma li jinforzaw drittijiet sostantivi kontra l-OAC għal twettiq ħażin ta’ trasport ta’ ġarr bl-ajru taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’kuntratt. Ma kienx ikkontestat li Air Nostrum, bħala OAC mhux kuntrattwali, qabel li jittrasporta lill-passiġġieri rikorrenti mill-punt A sal-punt B fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt bejn il-passiġġier u s-CAC.

59.

Il-passiġġieri qegħdin jinfurzaw it-talbiet tagħhom kontra l-OAC minħabba li l-OAC aġixxa b’mod volontarju f’isem is-CAC, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 261/2004. Mingħajr tali kunsens il-passiġġier sempliċement ma kienx jiġi ammess abbord mill-OAC mhux kuntrattwali. Il-bażi statutorja tad-drittijiet, jiġifieri r-Regolament Nru 261/2004, ma tkunx biżżejjed biex tirnexxi t-talba mingħajr il-bażi kuntrattwali sottostanti bejn il-passiġġier u s-CAC.

60.

Għalhekk, kollox ma’ kollox, talba għal kumpens kontra OAC tibqa’ “kwistjon[i li għandha x’taqsam] ma’ kuntratt” ta’ trasport bl-ajru konkluż bejn il-passiġġier u s-CAC. Wara kollox, huwa wkoll ġeneralment aċċettat li diversi forom ta “subkuntrattar” jew “esternalizzazzjoni” miftiehma bejn il-parti kuntrattwali oriġinali (il-prinċipal) u l-aġenti potenzjali tagħha ma jbiddlux in-natura jew il-portata tal-obbligi assunti mill-prinċipal.

61.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet msemmija iktar ’il fuq, jiena għalhekk nikkonkludi li l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 u l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt” ikopri talba għal kumpens magħmula skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, imressqa kontra trasportatur tal-ajru li jopera li ma jkunx parti fil-kuntratt li l-passiġġier ikkonċernat ikkonkluda ma’ trasportatur tal-ajru ieħor.

2. Il-forum għal talbiet imressqa kontra t-trasportatur tal-ajru li jopera

a) Rehder

62.

Fis-sentenza Rehder ( 18 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet pożizzjoni fuq il-ġurisdizzjoni internazzjonali ( 19 ) għal talbiet li jirriżultaw mir-Regolament Nru 261/2004 u mressqa minn passiġġier li kkonkluda l-kuntratt ta’ trasport tiegħu ma’ trasportatur tal-ajru wieħed, li kien ukoll l-OAC tat-titjira diretta kanċellata inkwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija dik li għandha ġurisdizzjoni territorjali fuq il-post tat-tluq jew il-post tal-wasla tal-inġenju tal-ajru. L-għażla aħħarija bejn dawn iż-żewġ għażliet tkun tar-rikorrent.

63.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li dawn iż-żewġ postijiet ippreżentaw rabta suffiċjenti ta’ prossimità mal-elementi materjali tat-tilwima. Biex tasal għal dik il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset is-servizzi rilevanti pprovduti f’dak il-kuntest, jiġifieri “r-reġistrazzjoni u l-imbarkazzjoni ta’ passiġġieri u l-fatt li dawn tal-aħħar jintlaqgħu abbord tal-ajruplan fil-post tat-tlugħ previst fil-kuntratt tat-trasport inkwistjoni, it-tluq tal-ajruplan fil-ħin previst, it-trasport tal-passiġġieri u tal-bagalji tagħhom mill-post tat-tluq għall-post tal-wasla, il-ħarsien tal-passiġġieri matul il-vjaġġ, u fl-aħħar nett, il-wasla tagħhom, taħt il-kundizzjonijiet ta’ sigurtà, fil-post tal-inżul u fil-ħin previst f’dan il-kuntratt.” Skont il-Qorti tal-Ġustizzja dik il-kunsiderazzjoni eskludiet il-postijiet eventwali ta’ stop-over, minħabba n-nuqqas ta’ “rabta meħtieġa mal-kontenut essenzjali tas-servizzi li jirriżultaw mill-imsemmi kuntratt [rilevanti]” ( 20 ).

64.

Meta kienet qed tikkontempla r-rilevanza tal-positjiiet tat-tluq u l-wasla ta’ titjira diretta fil-kawża Rehder, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, “it-trasport bl-ajru jikkostitwixxi, minħabba n-natura tiegħu stess, servizzi pprovduti b’mod indiviżibbli u magħquda mill-post tat-tluq sal-post tal-wasla tal-ajruplan, b’mod illi f’dawn il-każijiet mhuwiex possibbli li tkun distinta, skont kriterji ekonomiċi, parti speċifika tas-servizz li jikkostitwixxi s-servizz prinċipali, li huwa pprovdut f’post preċiż” ( 21 ) (kuntrarjament għad-determinazzjoni tal-post ta’ eżekuzzjoni fil-każ ta’ postijiet multipli ta’ kunsinna ta’ oġġetti) ( 22 ).

65.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja vverifikat li l-konklużjoni tagħha kienet konformi mal-għanijiet tal-prossimità u l-prevedibbiltà kif ukoll taċ-ċertezza legali. Il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat f’dan ir-rigward li l-għażla, limitata għal żewġ fora, ippermettiet liż-żewġ partijiet jidentifikaw faċilment il-qrati li quddiemhom tista’ titressaq it-talba.

b) Estensjoni tas-sentenza Rehder għal vjaġġi b’diversi waqfiet?

66.

Il-kawżi preżenti huma differenti mis-sentenza Rehder f’żewġ aspetti. L-ewwel nett, it-titjiriet ikkonċernati fil-kawża prinċipali huma vjaġġi b’diversi waqfiet, mhux titjiriet diretti. It-tieni nett, il-konvenut OAC huwa differenti mis-CAC tal-passiġġieri.

67.

Il-konvenut OAC (Air Nostrum) ma opera l-ebda parti mill-vjaġġ li titlaq minn jew li tasal fil-Ġermanja, li kienet id-destinazzjoni tat-tieni parti tal-vjaġġ u, bl-istess mod, tal-vjaġġ sħiħ. Fl-istess ħin, dik il-parti tat-titjira, operata mill-konvenut OAC, kienet parti mit-titjira kollha, li l-għan tagħha kien li jiġu ttrasportati l-passiġġieri minn Spanja lejn il-Ġermanja.

68.

Fid-dawl ta’ dawk l-elementi fattwali u tal-motivi tas-soluzzjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Rehder, hemm essenzjalment żewġ modi, għall-finijiet ta’ dan il-każ, li fihom jista’ jiġi ddefinit il-post ta’ eżekuzzjoni tas-servizzi pprovduti.

69.

L-ewwel nett, għal vjaġġi b’diversi waqfiet, il-loġika tas-sentenza Rehder tista’ tkun prevista b’mod “kompartimentali”: peress li s-CAC huwa responsabbli għat-titjira kollha, il-post ta’ eżekuzzjoni tas-servizz ikkonċernat ikun il-post tat-tluq oriġinali u l-wasla aħħarija. Imbagħad japplika l-istess għal kull OAC għas-segment tat-titjira li jkun għamel. Għalhekk, fi vjaġġ b’żewġ partijiet, il-post ta’ eżekuzzjoni tal-OAC mhux kuntrattwali li jkun wettaq l-ewwel parti tal-vjaġġ ikun il-post tat-tluq u l-post fejn tkun intemmet dik il-parti partikolari (jiġifieri l-post fejn il-passiġġier bidel l-ajruplani). Din hija bażikament il-pożizzjoni ta’ Air Nostrum kif ukoll tal-Kummissjoni.

70.

It-tieni nett, il-loġika tas-sentenza Rehder tista’ wkoll tiġi estiża en bloc, u b’hekk tiddefinixxi l-post ta’ eżekuzzjoni bl-istess mod kemm għas-CAC kif ukoll għall-OAC. Għat-talbiet inkwistjoni jista’ jiġi ssuġġerit li l-OAC huwa responsabbli għall-vjaġġ sħiħ: għandu l-obbligu li jiżgura li l-eżekuzzjoni tagħha tippermetti lill-passiġġieri jaslu fid-destinazzjoni finali kif miftiehem fil-kuntratt mas-CAC. Dan jissarraf fil-post tat-tluq tal-ewwel parti u l-post tal-wasla tat-tieni (jew kwalunkwe l-aħħar) parti tal-vjaġġ bħala li jikkostitwixxu ż-żewġ postijiet ta’ eżekuzzjoni - għall-iskop tad-determinazzjoni tal-forum internazzjonali u għal talbiet li jitressqu minn dik it-titjira kkunsidrata kollha kemm hi. Din hija bażikament il-pożizzjoni tar-rikorrenti fiż-żewġ kawżi rrinvjati, u tal-Gvern Franċiż u dak Portugiż u tal-Konfederazzjoni Svizzera.

71.

Għal numru ta’ raġunijiet spjegati fit-taqsima li ġejja, ikolli nammetti li nara li l-pożizzjoni tal-aħħar hija iktar konvinċenti.

c) Trasportatur tal-ajru kuntrattwali u li jopera: li jirrifletti l-post ta’ eżekuzzjoni

72.

Fuq kollox hemm il-loġika sempliċi tas-servizz attwali pprovdut, il-kuntratt ta’ trasport bl-ajru: għaliex hemm kuntratt u x’inhu mistenni minnu? Passiġġier jipprenota vjaġġ minn A sa Ċ. L-iskop ġenerali tiegħu biex jagħmel dan huwa preċiżament biex jiġi ttrasportat minn A sa Ċ, u mhux fil-verità, sakemm forsi ma jkunx mitlub espressament, biex iżur B ( 23 ). B’reazzjoni għal dik it-talba, it-trasportatur tal-ajru jbigħ biljett wieħed lill-passiġġier, b’numru wieħed tal-prenotazzjoni, li jkopri s-segmenti kollha tat-titjira tiegħu. Meta l-passiġġier jasal fl-ajruport ta’ (l-ewwel) tluq, il-bagalja tiegħu tiġi rreġistrata sal-post tad-destinazzjoni finali. Normalment, huwa jirċievi ż-żewġ karti tal-imbarkazzjoni fl-ajruport tat-tluq.

73.

L-elementi essenzjali ta’ servizz bħal dan imbagħad jissarrfu fil-post ta’ eżekuzzjoni tiegħu, fejn is-servizzi jiġu pprovduti fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) jew it-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) rispettivament. Kemm il-post tat-tluq ġenerali kif ukoll il-wasla finali huma ċertament postijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ dak is-servizz.

74.

L-argument ewlieni kontra l-approċċ “kompartimentali” għall-ġurisdizzjoni, fejn kull wieħed mill-OACs ikollu l-post ta’ eżekuzzjoni tiegħu stess ibbażat fuq il-post tat-tluq u tal-wasla tal-parti tal-vjaġġ li wettaq, huwa sempliċi: is-servizz inġenerali, li huwa ddefinit mit-talba tal-passiġġier u l-kuntratt segwenti ta’ trasport konkluż, għandu jibqa’ l-istess, irrispettivament mit-tip u n-numru ta’ “subkuntratturi”, jiġifieri OACs li s-CAC jagħżel li miegħu jwettaq is-servizz.

75.

Jista’ jingħad ukoll li, fil-livell ta’ drittijiet u obbligi sostantivi li jinsabu fir-Regolament Nru 261/2004, din il-loġika hija riflessa f’żewġ dispożizzjonijiet tiegħu: it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(5) u l-Artikolu 13.

76.

It-tieni sentenza tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 261/2004 jgħid fejn “[OAC] li m’għandu l-ebda kuntratt mal-passiġġier iwettaq obbligazzjonijiet taħt dan ir-Regolament, għandu jiġi meqjus li qed jagħmel dan f’isem il-persuna li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier”. Għalhekk, għalkemm wieħed bilfors irid jaqbel mal-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħha, jiġifieri li l-obbligi stabbiliti fir-regolament huma bħala prinċipju mmirati lejn l-OAC, l-Artikolu 3(5) jiddikjara b’mod ċar li għad hemm ir-relazzjoni kumplessiva prinċipal‑aġent bejn is-CAC u l-OAC. L-Artikolu 13, u b’mod partikolari t-tieni sentenza tiegħu, imbagħad jikkomplementa dik id-dispożizzjoni billi jtenni d-dritt ta’ rimedju bejn it-trasportaturi tal-ajru.

77.

Fi kliem ieħor, is-CAC ma jistax jaħrab mill-obbligi kuntrattwali miftiehma mal-passiġġier billi jissubkuntratta parti mis-servizz tat-trasport lil trasportatur tal-ajru ieħor. F’dan is-sens, il-pożizzjoni legali tal-OAC ġejja minn u fil-fatt tirrifletti l-pożizzjoni legali tas-CAC u viċi versa. Jidher li huwa raġonevoli li s-soluzzjoni adottata fil-livell sostantiv hija idealment riflessa wkoll fil-livell tal-proċedura u l-ġurisdizzjoni.

78.

Hemm tliet argumenti addizzjonali li jitkellmu wkoll favur l-approċċ “mera”, li fih il-post ta’ eżekuzzjoni tas-servizz ikun l-istess kemm għas-CAC kif ukoll għall-OAC.

79.

L-ewwel nett, hemm elementi ulterjuri relatati mas-sustanza tat-talbiet skont ir-Regolament Nru 261/2004 li jistgħu jipprovdu analoġiji ulterjuri għal kunsiderazzjonijiet ta’ ġurisdizzjoni: għall-finijiet tal-kalkolu tal-kumpens f’każ ta’ vjaġġi b’diversi waqfiet skont ir-Regolament Nru 261/2004, it-titjira hija kkunsidrata bħala ħaġa sħiħa, mingħajr ma jkun hemm eżami tas-segmenti interni possibbli tagħha. Minn naħa waħda, jekk hemmx dritt għall-kumpens skont ir-Regolament Nru 261/2004 huwa ddeterminat abbażi tad-dewmien attwali fil-post tad-destinazzjoni finali. Dewmien pjuttost qasir fl-ajruport ta’ konnessjoni li ma jikkwalifikax lill-passiġġier għall-kumpens skont ir-Regolament Nru 261/2004 xorta jwassal għal intitolament bħal dan jekk id-dewmien fid-destinazzjoni finali jaqbeż tliet sigħat ( 24 ). Min-naħa l-oħra, rigward l-ammont ta’ kumpens, ir-Regolament Nru 261/2004 jipprovdi għal skala ta’ EUR 250, EUR 400 jew EUR 600 bbażata fuq id-distanza vvjaġġata. F’dan il-kuntest ukoll, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li d-distanza rilevanti hija kkalkulata, fil-każ ta’ vjaġġ b’diversi waqfiet, abbażi tad-distanza bejn il-post tat-tluq tal-ewwel parti u l-post tal-wasla tat-tieni (u l-aħħar) parti tal-vjaġġ, minkejja l-post ta’ konnessjoni ( 25 ).

80.

Għalhekk, f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet sostantivi skont ir-Regolament Nru 261/2004, il-punti rilevanti huma l-postijiet tal-ewwel tluq u d-destinazzjoni finali, fejn il-punti intermedji effettivament ma jibqgħux rilevanti.

81.

Fit-tieni lok, jiena tal-fehma li s-soluzzjoni suġġerita hija wkoll konformi mal-għan tal-prevedibbiltà, wieħed mill-pilastri tar-regoli ġurisdizzjonali komuni. Il-passiġġieri naturalment jafu l-punti tat-tluq u l-wasla tal-vjaġġ tagħhom. B’kuntrast, il-prevedibbiltà tal-forum għall-konvenut, li huwa l-OAC imma mhux is-CAC, ġiet ikkontestata minn Air Nostrum fl-osservazzjonijiet tagħha. Air Nostrum iddikjarat li meta jopera ċerta parti ta’ titjira ta’ konnessjoni, l-OAC ma għandux informazzjoni dwar il-pjanijiet ta’ vvjaġġar usa’ tal-passiġġieri abbord. L-OAC ma jafx jekk xi wħud mill-passiġġieri għandhomx titjiriet ta’ konnessjoni u d-destinazzjoni ta’ dawk it-titjiriet. Għalhekk, l-OAC ma jistax verament jipprevedi l-fora potenzjali kollha madwar l-Ewropa li fih jistgħu jinbdew azzjonijiet.

82.

Fil-fehma tiegħi, l-argumenti mressqa minn Air Nostrum ma jikkonvinċux, kemm fuq il-livell fattwali imma fuq kollox fuq dak ta’ prinċipju. Fuq il-livell fattwali, ikolli nammetti li nkun sorpriż jekk fid-dinja ta’ komunikazzjoni elettronika interkonnessa, li fiha żewġ trasportaturi tal-ajru jiddeċiedu li jikkondividu l-kodiċi tagħhom tat-titjiriet jew forom oħra ta’ kooperazzjoni, l-istess trasportaturi ma jaqsmux ukoll l-informazzjoni fir-rigward ta’ partijiet differenti tal-vjaġġ u passiġġieri individwali, meta suppost għandhom iwettqu l-vjaġġ flimkien.

83.

Hu x’inhu l-każ, forsi iktar importanti, hemm l-argument ta’ prinċipju: il-kondiviżjoni tal-kodiċijiet jew diversi alleanzi bejn it-trasportaturi tal-ajru huma r-riżultati ta’ strateġiji tan-negozju u ftehim kummerċjali konklużi liberament minn dawk il-linji tal-ajru. Forsi tajjeb li nassumu li dawn it-tipi ta’ ftehim qegħdin isiru biex jiżdied il-bejgħ u l-kompetittività: trasportatur tal-ajru li jista’ joffri iktar destinazzjonijiet x’aktarx ibiegħ iktar biljetti. Fir-realtà huwa loġiku li r-riskju involut f’din l-impriża eventwalment għandu jaqa’ fuq l-entità (jew entitajiet) li jistgħu jiggwadanjaw kummerċjalment minn dan.

84.

Madankollu, għal darba oħra, f’konformità mal-loġika kummerċjali tal-idea sħiħa, wieħed jista’ jassumi li l-arranġamenti individwali għall-kondiviżjoni tal-kodiċi x’aktarx (jew jekk, abbozzati tajjeb, ċertament għandhom) jipprevedu kif l-OAC jista’ jirrimborsa u/jew jassisti s-CAC (jew viċi versa) f’termini ta’ litigazzjoni u/jew jikkumpensa spejjeż relatati mal-litigazzjoni għal nuqqasijiet attribwibbli lil kwalunkwe parti. B’kuntrast, il-passiġġieri bilkemm ikollhom possibbiltà bħal dik biex ikopru l-ispejjeż ta’, jew inkella jiffaċilitaw litigazzjoni li sseħħ fil-post tal-ajruport ta’ konnessjoni, li la hu l-punt tat-tluq u lanqas id-destinazzjoni tal-vjaġġ tagħhom.

85.

It-tielet nett, l-approċċ dwar ġurisdizzjoni internazzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tadotta f’din il-kawża għandu jkun fattibbli mhux biss fir-rigward ta’ vjaġġi li jikkonsistu f’żewġ partijiet, imma wkoll għal dawk li jikkonsistu fi tliet segmenti jew anki iktar. Fil-kunsiderazzjoni ipotetika tal-applikazzjonijiet tal-approċċ “kompartimentali” imsemmi iktar ’il fuq għal dawn il-vjaġġi, potenzjalment ma’ diversi OACs, b’mod ċar jidhru l-problemi prattiċi. Dan ifisser effettivament li mill-perspettiva tal-passiġġier, il-ġurisdizzjoni x’aktarx tkun ibbażata fuq fejn il-vjaġġ ġie effettivament imwaqqaf. Kwalunkwe ġurisdizzjoni bħal din li tista’ tinqala’ każwalment ( 26 ) ikollha l-potenzjal li ddawwar is-sitwazzjoni triangolari msemmija iktar ’il fuq (CAC-OAC-passiġġier) ( 27 ) fi Trijangolu ta’ Bermuda ta’ veru, bid-differenza li filwaqt li l-ajruplani u l-bastimenti li mid-dehra jisparixxu biss fix-xogħlijiet tal-finzjoni (fantaxjentifika), bir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali ddefiniti b’tali mod, id-drittijiet tal-passiġġieri ġenwinament ikollhom jisparixxu.

86.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-konklużjoni tiegħi hija li f’każ fejn il-passiġġieri huma ttrasportati fuq vjaġġ li jikkonsisti f’żewġ titjiriet konnessi, il-post tat-tluq tal-ewwel parti u l-post tal-wasla tat-tieni parti tat-titjira jikkostitwixxu t-tnejn il-post ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 jew l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 fil-każ fejn it-talba hija diretta kontra t-trasportatur tal-ajru li opera l-ewwel parti li fiha seħħ id-dewmien u li ma kienx it-trasportatur tal-ajru kuntrattwali tal-passiġġier.

B.  Talba 3 ‑ Becker

87.

Permezz tad-domanda tagħha fil-proċedura li tirrigwarda t-Talba 3 ‑ Becker, il-qorti tar-rinviju qegħda titlob l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001. Dan huwa sabiex jiġi aċċertat liema qorti għandha ġurisdizzjoni internazzjonali għal talba bbażata fuq ir-Regolament Nru 261/2004 li passiġġier ta’ titjira ta’ konnessjoni jagħmel kontra trasportatur tal-ajru li ma huwiex iddomiċiljat fl-Unjoni.

88.

B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf il-post ta’ eżekuzzjoni tas-servizz inkwistjoni, meta wieħed jikkunsidra li l-vjaġġ inkwistjoni bdiet f’Berlin u ġiet imfixkla fi Brussell, minħabba li l-passiġġier ġie mċaħħad milli jimbarka u jkompli bit-tieni segment tat-titjira lejn Beijing. L-OAC responsabbli għall-imbark miċħud kien, kuntrarjament għaż-żewġ talbiet l-oħra diskussi fit-Taqsima A ta’ dawn il-konklużjonijiet, is-CAC.

89.

Għandu jiġi nnutat mill-bidu li bis-saħħa tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 44/2001 “[j]ekk il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ kull Stat Membru għandha, […] tkun determinata bil-liġi ta’ dak l-Istat Membru”. Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 44/2001 “[m]inħabba li kontra tali konvenut, persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, independentament min-nazzjonalità tagħha, tapprofitta ruħha f’dak l-Istat mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli hemmhekk, u […] bl-istess metodu bħal ċittadini ta’ dak l-Istat.”

90.

Minkejja l-fatt li l-Kummissjoni ssuġġeriet, fil-proposta li wasslet għar-Regolament Nru 1215/2012, li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli komuni dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali għal konvenuti minn pajjiżi terzi ( 28 ), id-dispożizzjoni ċċitata baqgħet sostanzjalment l-istess skont ir-Regolament Nru 1215/2012 bħall-Artikolu 6 tiegħu.

91.

Għalhekk, hemm dikjarazzjoni ċara u reċenti li għamlet il-leġiżlatura tal-Unjoni dwar l-applikabbiltà ta’ regoli komuni fuq il-ġurisdizzjoni għal konvenuti minn pajjiżi terzi: il-ġurisdizzjoni internazzjonali għal talbiet diretti kontra konvenuti minn pajjiżi terzi tibqa’ rregolata mil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri.

92.

Kif osservat ġustament il-Kummissjoni, dik ir-regola għandha eċċezzjonijiet ( 29 ). Minkejja dan, ebda waħda minnhom ma tidher li tapplika fil-każ ineżami. Barra minn hekk, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni wkoll, id-digriet tar-rinviju ma jindikax li d-dritt proċedurali nazzjonali jirreferi b’xi mod għar-Regolament Nru 44/2001, biex b’hekk jattiva potenzjalment diskussjoni dwar l-applikabbiltà tal-linja ġurisprudenzjali tas-sentenza Dzodzi ( 30 ).

93.

Għal dawn ir-raġunijiet, jiena tal-fehma li r-Regolament Nru 44/2001 ma japplikax għall-konvenut fil-proċeduri prinċipali. Il-ġurisdizzjoni internazzjonali (jew l-assenza tagħha) għandha għalhekk tiġi ddeterminata skont ir-regoli nazzjonali.

94.

Għalkemm jingħad dan, ma jistax jiġi injorat li t-talba inkwisjtoni hija bbażata fuq ir-Regolament Nru 261/2004 li japplika wkoll għal trasportaturi mhux tal-Unjoni sal-punt li, kif stipulat fl-Artikolu 3(1)(a) tiegħu, it-talba tinġieb minn passiġġier li telaq “minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru għal liema japplika t-Trattat”.

95.

Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li dan ir-regolament għandu l-għan li jtejjeb il-protezzjoni tal-passiġġieri bħala konsumaturi. Dan ifisser li r-regoli ġurisdizzjonali nazzjonali għandhom ikunu raġonevolment aċċessibbli sabiex jippermettu li dik il-protezzjoni tkun eżerċitata effettivament. Skont ir-rekwiżit ta’ effettività, l-Istati Membri huma preklużi milli jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli ( 31 ).

96.

Jirriżulta mill-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 li dan ir-regolament jikkonferixxi fuq passiġġier, bħalma huwa r-rikorrent fil-kawża prinċipali, drittijiet li jistgħu jintalbu kontra konvenut bħal dak fil-proċeduri prinċipali. Jien tal-fehma li r-regoli nazzjonali ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali ma jistgħux jikkompromettu l-effettività ta’ dawk ir-regoli sostantivi.

97.

Madankollu, fi ħdan parametri bħal dawn li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tar-regoli sostantivi tad-dritt tal-Unjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk ir-regoli nazzjonali applikabbli jissodisfawx dan ir-rekwiżit u japplikawhom, jekk ikun hemm bżonn, b’mod li jiżgura t-tgawdija effettiva tad-drittijiet iddefiniti mir-Regolament Nru 261/2004.

98.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-konklużjoni tiegħi dwar it-Talba 3 ‑ Becker hija li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni ddefiniti f’dan ir-regolament ma japplikawx għal konvenut iddomiċiljat barra l-Unjoni, bħall-konvenut fil-kawża prinċipali. Għalhekk il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti adita għandha tiġi evalwata skont ir-regoli applikabbli fil-forum tal-qorti adita. Madankollu, dawn ir-regoli nazzjonali dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali ma jistgħux jagħmlu l-eżekuzzjoni ta’ talba bbażata fuq l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 minn passiġġier prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

VI. Konklużjonijiet

99.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, fil-Kawża C‑274/16, flightright GmbH vs Air Nostrum, Líneas Aéreas del Mediterráneo, SA, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda magħmula mill-Amtsgericht Düsseldorf (qorti lokali, Düsseldorf, il-Ġermanja) kif ġej:

It-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li meta l-passiġġieri jiġu ttrasportati fuq vjaġġ li jikkonsisti f’żewġ titjiriet konnessi, il-post tat-tluq tal-ewwel parti tat-titjira u l-post tal-wasla tat-tieni parti jikkostitwixxu t-tnejn il-post ta’ eżekuzzjoni taħt dik id-dispożizzjoni fil-każ fejn it-talba hija diretta kontra t-trasportatur tal-ajru li jkun opera l-ewwel parti tat-titjira li fuqha jkun sar id-dewmien u li ma kienx it-trasportatur tal-ajru tal-passiġġier.

100.

Fil-Kawża C‑448/16, Mohamed Barkan et vs Air Nostrum L.A.M. S.A., nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Bundesgerichtshof (Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) kif ġej:

(1)

L-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” ikopri talba għal kumpens magħmula skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 kontra trasportatur tal-ajru li jopera li ma huwiex parti kontraenti fil-kuntratt li l-passiġġier kkonċernat kkonkluda ma’ trasportatur tal-ajru ieħor.

(2)

It-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li fejn il-passiġġieri huma ttrasportati fuq vjaġġ li jikkonsisti f’żewġ titjiriet konnessi, il-post tat-tluq tal-ewwel parti tat-titjira u l-post tal-wasla tat-tieni parti tat-titjira jikkostitwixxu t-tnejn il-post ta’ eżekuzzjoni taħt dik id-dispożizzjoni, anki fil-każ fejn it-talba hija diretta kontra t-trasportatur tal-ajru li jkun opera l-ewwel parti tat-titjira li fiha jkun seħħ id-dewmien u li ma kienx il-trasportatur tal-ajru tal-passiġġier.

101.

Fil-Kawża C‑447/16, Roland Becker vs Hainan Airlines Co. Ltd, jiena nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja) kif ġej:

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali ddefiniti f’dan ir-regolament ma japplikawx għal konvenut iddomiċiljat barra l-Unjoni, bħall-konvenut fil-kawża prinċipali. Għalhekk il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti adita għandha tiġi evalwata skont ir-regoli applikabbli fil-forum tal-qorti adita. Madankollu, dawn ir-regoli nazzjonali dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali ma jistgħux jagħmlu l-eżekuzzjoni ta’ talba bbażata fuq l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 minn passiġġier prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

( 3 ) Regolament tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

( 4 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012 L 351, p. 1). Dan ir-regolament ħassar ir-Regolament Nru 44/2001.

( 5 ) Bla ħsara għall-Artikolu 18(1), Artikolu 21(2) u l-Artikoli 24 u 25 tar-Regolament Nru 1215/2012 u l-Artikoli 22 u 23 tar-Regolament Nru 44/2001.

( 6 ) Sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder (C‑204/08, EU:C:2009:439, punt 47).

( 7 ) Ara l-premessi 1 sa 4 tar-Regolament Nru 261/2004, kif ukoll sentenzi tat-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 69); tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 444960); and tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et (C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punti 7274).

( 8 ) Is-sitwazzjoni hija saħansitra iktar kumplessa għar-rikorrenti fit-Talba 1 ‑ flightright. Dik ir-rikorrenti ma kinitx parti fil-kuntratt ta’ trasport bejn is-CAC u l-passiġġieri li assenjaw it-talba inkwistjoni.

( 9 ) Li mbagħad tirrendi l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 applikabbli. Skont dawk id-dispożizzjonijiet, il-qrati b’ġurisdizzjoni internazzjonali huma l-qrati tal-post fejn seħħ jew jista’ jiġri l-avveniment dannuż. Dak il-post ġie ddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja kemm bħala l-post fejn seħħ id-dannu kif ukoll il-post tal-avveniment li wassal għalih. Għal dikjarazzjoni mill-ġdid reċenti, ara pereżempju, s-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2015, Hejduk (C‑441/13, EU:C:2015:28, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għad-dikjarazzjoni tal-prinċipju oriġinali, ara s-sentenza tat-30 ta’ Novembru 1976, Bier (21/76, EU:C:1976:166, punti 19, 24 u 25).

( 10 ) Ġie ssuġġerit li l-eżistenza ta’ tali kuntratt impliċitu tirriżulta mill-kombinazzjoni ta’ kuntratt ta’ trasport konkluż bejn il-passiġġier u s-CAC, minn naħa, u l-kuntratt qafas ġenerali bejn is-CAC u l-OAC, min-naħa l-oħra.

( 11 ) Enfasi miżjuda.

( 12 ) Pereżempju bil-Ġermaniż, “wenn ein Vertrag oder Ansprüche aus einem Vertrag den Gegenstand des Verfahrens bilden”; bil-Franċiż: “en matière contractuelle”; bl-Ispanjol “en materia contractual”; bil-Taljan: “in materia contrattuale”; biċ-Ċek “pokud předmět sporu tvoří smlouva nebo nároky ze smlouvy”.

( 13 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi għall-kawża MMA IARD (C‑340/16, EU:C:2017:396, speċjalment il-punti 36 u 37).

( 14 ) Nixtieq nenfasizza b’mod ċar li dak li qed jiġi ssuġġerit hawnhekk hu li bis-saħħa ta’ talba mressqa minn “parti mhux kontraenti” f’kuntratt, dik it-talba ma tibdilx f’daqqa l-intestatura minn kuntratt għal tort jew xi ħaġa oħra. Jekk dik is-suċċessjoni legali tkunx tinkludi wkoll jew le t-trasferiment (iż-żamma) ta’ kwalunkwe regola speċjali ġurisdizzjonali disponibbli biss għal parti dgħajfa (bħall-konsumatur) hija kwistjoni ferm differenti, li ma hija indirizzata xejn f’dawn il-każijiet.

( 15 ) Dwar ir-regoli ġurisdizzjonali disponibbli għar-rikorrenti-assenjati ta’ talbiet skont ir-Regolament Nru 261/2004, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston għall-kawża Flight Refund (C‑94/14, EU:C:2015:723, punt 60).

( 16 ) Sentenza tal-5 ta’ Frar 2004, Frahuil (C‑265/02, EU:C:2004:77, punt 25); ara wkoll is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna (C‑419/11, EU:C:2013:165 punti 46 u 47).

( 17 ) Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB (C‑147/12, EU:C:2013:490, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder (C‑204/08, EU:C:2009:439).

( 19 ) Għal raġunijiet ta’ kompletezza, għandu jingħad ukoll li hemm żewġ settijiet ta’ regoli applikabbli fi ħdan l-Unjoni li jippermettu d-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali dwar talbiet imressqa minn passiġġieri kontra trasportaturi tal-ajru: dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE tal-5 ta’ April 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491) (iktar ’il quddiem “il-Konvenzjoni ta’ Montreal”) u l-leġiżlazzjoni ta’ implementazzjoni tal-Unjoni, u dawk li jinsabu fir-Regolamenti Nru 44/2001 u Nru 1215/2012. Fil-kuntest fattwali tal-kawżi preżenti u fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli tal-aħħar biss huma rilevanti għal dawn il-kawżi. Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja reċentment “d-drittijiet ibbażati rispettivament fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004 u d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jifformaw parti minn kuntesti leġiżlattivi differenti [u għalhekk] ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali stabbiliti minn din il-konvenzjoni ma japplikawx għat-talbiet imressqa biss abbażi tar-Regolament Nru 261/2004, peress li dawn tal-aħħar għandhom jiġu eżaminati fir-rigward tar-Regolament Nru 44/2001”. Sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, Flight Refund (C‑94/14, EU:C:2016:148, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder (C‑204/08, EU:C:2009:439, punt 40).

( 21 ) Sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder (C‑204/08, EU:C:2009:439, punt 42).

( 22 ) Sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Color Drack (C‑386/05, EU:C:2007:262, punti 40 sa 42).

( 23 ) Din il-ġeneralizzazzjoni saret fuq il-bażi tal-fatti kif ippreżentati fil-kawżi imsemmija, fejn jidher li l-post fejn se jkun hemm l-ajruport ta’ konnessjoni u jekk u liema stop-over ikun hemm jidher li ma għandhom l-ebda rwol. Huwa rrikonoxxut li passiġġier partikolari jista’ jagħżel li jgħaddi minn ajruport partikolari ta’ konnessjoni u jieqaf f’dak l-ajruport (jew pjuttost il-belt jew il-pajjiż fejn jinsab dak l-ajruport) għal ammont sostanzjali ta’ żmien li jista’ jagħmel lil dik il-lokalità destinazzjoni fiha nnifisha. Passiġġier jista’ pereżempju jiftiehem mat-trasportatur tal-ajru tiegħu li fit-triqtu minn Madrid lejn Bratislava huwa jqatta’ jumejn f’Pariġi. Jekk dan kien tabilħaqq il-każ, iżda mhux hawnhekk, jista’ jiġi argumentat li tali stopover innegozjata individwalment fejn il-passiġġier jitlaq mill-ajruport u joħroġ il-bagalji huwa ta’ rilevanza fid-determinazzjoni tar-regoli ġurisdizzjonali.

( 24 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Folkerts (C‑11/11, EU:C:2013:106, punti 35 u 37).

( 25 ) Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Birgit Bossen et (C‑559/16, EU:C:2017:644, speċjalment il-punti 29 sa 33).

( 26 ) Għalhekk, effettivament, tiġi pjuttost viċin il-kap tal-ġurisdizzjoni li qabel twarrab, jiġifieri t-tort, fejn il-punt fokali hu fuq il-post fejn seħħ l-avveniment dannuż – ara iktar ’il fuq, il-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 27 ) Ara iktar ’il fuq, il-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 ) Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, COM(2010)/748 finali, punt 3.1.2, l-ewwel inċiż u p. 23.

( 29 ) Jiġifieri ġurisdizzjoni esklużiva bis-saħħa tal-Artikolu 22, li ma tapplikax għat-talba inkwistjoni, u forum miftiehem skont l-Artikolu 23 li jirrikjedi li waħda jew iktar mill-partijiet fil-ftehim dwar għażla ta’ forum tkun iddomiċiljata fi Stat Membru.

( 30 ) Sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punt 36 et seq), u tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan (C‑583/10, EU:C:2012:638, punt 45 et seq u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Għal dikjarazzjoni reċenti f’dan is-sens, ara pereżempju, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2016, Nemec (C‑256/15, EU:C:2016:954, punt 49 u l-ġurispridenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, ENEFI (C‑212/15, EU:C:2016:841, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).