8.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/14


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Bulgarija) fit-18 ta’ Novembru 2015 – Proċeduri kriminali kontra Kolev et

(Kawża C-612/15)

(2016/C 048/22)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Spetsializiran nakazatelen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Kolev et

Domandi preliminari

1)

Leġiżlazzjoni nazzjonali tkun kompatibbli mal-obbligu ta’ Stat Membru li jipprevedi prosekuzzjoni kriminali effettiva fir-rigward ta’ reati mwettqa minn uffiċjali doganali meta, skont din il-leġiżlazzjoni, il-proċeduri kriminali mressqa kontra uffiċjali doganali minħabba l-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali għat-twettiq ta’ reati ta’ korruzzjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom (aċċettazzjoni ta’ tixħim fi flus sabiex ma jitwettaqx kontroll doganali) kif ukoll minħabba tixħim speċifiku u minħabba l-ħabi ta’ tixħim fi flus jiġu konklużi taħt il-kundizzjonijiet segwenti mingħajr ma l-qorti ma tkun eżaminat fil-mertu l-akkużi kriminali mressqa: (a) ikunu għaddew sentejn mit-tressiq tal-akkużi kriminali; (b) il-persuna akkużata tkun ressqet talba għall-konklużjoni tal-investigazzjoni kriminali; (c) il-qorti tkun tat lill-prosekutur pubbliku terminu ta’ tliet xhur sabiex jikkonkludi l-investigazzjoni preliminari; (d) f’dan it-terminu l-prosekutur pubbliku jkun wettaq “ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali” (b’mod speċifiku, pubblikazzjoni irregolari ta’ akkuża kriminali emendata, nuqqas ta’ aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni u kontradizzjoni fl-att ta’ akkuża); (e) il-qorti tkun tat lill-prosekutur pubbliku terminu ġdid ta’ xahar sabiex jirrimedja dan il-“ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali”; [(f)] il-prosekutur pubbliku ma jkunx irrimedja dan il-“ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali” f’dan it-terminu – fejn ir-raġuni għat-twettiq ta’ dan il-ksur matul l-ewwel terminu ta’ tliet xhur u għall-fatt li dan il-ksur ma kienx irrimedjat fl-aħħar terminu ta’ xahar hija dovuta kemm għall-prosekutur pubbliku (nuqqas ta’ eliminazzjoni tal-kontradizzjoni fl-att ta’ akkuża; nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ passi konkreti matul il-parti l-kbira minn dawn it-termini) u kemm għad-difiża (ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni fil-pubblikazzjoni tal-akkużi kriminali u fl-għoti ta’ aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni minħabba li l-persuni akkużati ddaħħlu l-isptar u minħabba l-invokazzjoni ta’ obbligi professjonali oħra tal-avukati); [(g)] jitnissel dritt suġġettiv għall-persuna akkużata li l-proċeduri kriminali jitwaqqfu minħabba li l-“ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali” ma jkunx ġie rrimedjat fit-terminu mogħti?

2)

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv, liema parti mis-sistema legali deskritta iktar ’il fuq għandha l-qorti tastjeni milli tapplika sabiex tiżgura l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni: 2.1 it-twaqqif tal-proċeduri kriminali mal-iskadenza tat-terminu ta’ xahar jew, 2.2 il-klassifikazzjoni tan-nuqqasijiet deskritti iktar ’il fuq bħala “ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali” jew, 2.3 il-protezzjoni tad-dritt suġġettiv imnissel kif deskritt fil-punt [(g) taħt l-ewwel domanda] – fil-każ li jkun possibbli li dan il-ksur jiġi rrimedjat b’mod effettiv fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja?

2.1.

Id-deċiżjoni li ma tiġix applikata dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprevedi l-waqfien tal-proċeduri kriminali għandha tiddependi mill-fatt li:

(A)

il-prosekutur pubbliku jkun ingħata terminu addizzjonali sabiex jirrimedja l-“ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali” li jkun twil daqs il-perijodu li matulu kien oġġettivament impossibbli għalih li jagħmel dan minħabba ostakoli min-naħa tad-difiża?

(B)

fil-każ (A), il-qorti tkun ikkonstatat li dawn l-ostakoli kienu r-riżultat ta’ “abbuż ta’ liġi”?

(C)

fil-każ li tingħata risposta negattiva għal (A), id-dritt nazzjonali jipprevedi garanziji adegwati għall-konklużjoni ta’ investigazzjonijiet kriminali fi żmien raġonevoli?

2.2.

Id-deċiżjoni li ma tiġix applikata l-klassifikazzjoni, prevista fid-dritt nazzjonali, tan-nuqqasijiet deskritti iktar ’il fuq bħala “ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali” hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari:

(A)

Id-dritt previst fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13/UE (1), li jipprovdi li d-difiża għandha tingħata informazzjoni ddettaljata dwar l-akkuża, ikun żgurat b’mod adegwat:

(-1)

meta din l-informazzjoni tingħata wara l-preżentata konkreta tal-att ta’ akkuża fil-qorti iżda qabel l-eżami tiegħu mill-qorti, kif ukoll meta, fi stadju preċedenti meta l-att ta’ akkuża jkun għadu ma ġiex ippreżentat fil-qorti, id-difiża tkun ingħatat informazzjoni kompleta dwar l-elementi prinċipali tal-akkuża (sitwazzjoni applikabbli fil-każ tal-akkużat M. Hristov)?

(-2)

fil-każ li r-risposta għad-domanda 2.2(A)(-1) tkun fl-affermattiv: meta din l-informazzjoni tingħata wara l-preżentata konkreta tal-att ta’ akkuża fil-qorti iżda qabel l-eżami tiegħu mill-qorti, u meta d-difiża tkun ingħatat, fi stadju preċedenti meta l-att ta’ akkuża jkun għadu ma ġiex ippreżentat fil-qorti, informazzjoni parzjali dwar l-elementi prinċipali tal-akkuża, f’sitwazzjoni fejn tkun ingħatat biss informazzjoni parzjali minħabba ostakoli min-naħa tad-difiża stess (sitwazzjoni applikabbli fil-każ tal-akkużati N. Kolev u S. Kostadinov)?

(-3)

meta din l-informazzjoni tkun tinkludi kontradizzjoni fir-rigward tal-formulazzjoni konkreta tal-akkuża ta’ korruzzjoni (darba jingħad li akkużat ieħor kien talab espliċitament tixħim fi flus filwaqt li l-akkużat M. Hristov kien indika, bl-espressjoni fuq wiċċu, li ma kienx kuntent bl-ammont żgħir ta’ flus li l-persuna suġġetta għall-eżami doganali kienet offriet, u darba oħra jingħad li l-akkużat M. Hristov talab verbalment u espliċitament tixħim fi flus)?

(B)

Id-dritt previst fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2012/13/UE, li jipprovdi li d-difiża għandha tingħata aċċess għall-materjal “mhux iktar tard mill-preżentazzjoni tal-merti tal-akkuża għall-eżami ta’ qorti”, ikun żgurat b’mod adegwat fil-kawża prinċipali meta d-difiża tkun ingħatat, fi stadju preċedenti, aċċess għall-parti essenzjali tal-materjal u tkun ingħatat il-possibbiltà li teżmina l-materjal, possibbiltà li d-difiża madankollu ma approfittatx ruħha minnha minħabba ostakoli (mard, obbligi professjonali) u fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali li jirrikjedi li l-istedina għall-eżami tal-materjal għandha ssir minn tal-inqas tliet ijiem qabel? Fil-każ li l-ostakoli ma jkunux għadhom preżenti, għandha tingħata possibbiltà permezz ta’ stedina li ssir minn tal-inqas tliet ijiem qabel? Huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-imsemmija ostakoli kinux jeżistu oġġettivament jew jekk kinux jammontaw għal abbuż ta’ liġi?

(C)

Ir-rekwiżit legali ta’ “mhux aktar tard mit-tressiq tal-merti tal-akkuża quddiem il-qorti” [u ta’ “mhux iktar tard mill-preżentazzjoni tal-merti tal-akkuża għall-eżami ta’ qorti”] previst [rispettivament] fl-Artikolu 6(3) u fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2012/13/UE għandu l-istess tifsira f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet? Xi jfisser dan ir-rekwiżit: qabel il-preżentata konkreta tal-att ta’ akkuża fil-qorti jew mhux iktar tard mill-preżentata tiegħu fil-qorti, jew wara l-preżentata tiegħu fil-qorti iżda qabel ma l-qorti tkun ħadet miżuri sabiex teżamina dan l-att ta’ akkuża?

(D)

Ir-rekwiżit legali li d-difiża tingħata informazzjoni dwar l-akkuża u aċċess għall-materjal fil-proċess tal-kawża b’tali mod li jkunu jistgħu jiġu żgurati l-“eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża” u l-“korrettezza tal-proċeduri”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 2012/13/UE, għandu l-istess tifsira f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet? Dan ir-rekwiżit ikun osservat:

(-1)

meta d-difiża tkun ingħatat informazzjoni ddettaljata dwar l-akkuża wara l-preżentata tal-att ta’ akkuża fil-qorti iżda qabel ma jkunu ttieħdu miżuri għall-eżami fil-mertu tiegħu u meta d-difiża tkun ingħatat perijodu suffiċjenti sabiex tipprepara ruħha? Fi stadju preċedenti tkun ingħatat informazzjoni kompleta jew parzjali dwar l-akkuża.

(-2)

meta d-difiża tkun ingħatat aċċess għall-materjal kollu wara l-preżentata tal-att ta’ akkuża fil-qorti iżda qabel ma jkunu ttieħdu miżuri għall-eżami fil-mertu tiegħu u meta d-difiża tkun ingħatat perijodu suffiċjenti sabiex tipprepara ruħha? Fi stadju preċedenti d-difiża tkun ingħatat aċċess għall-parti l-kbira mill-materjal fil-proċess tal-kawża.

(-3)

meta l-qorti tkun ħadet miżuri sabiex tiggarantixxi lid-difiża li kwalunkwe dikjarazzjoni magħmula minnha wara li tkun kisbet għarfien tal-att ta’ akkuża ddettaljat u kwalunkwe materjal inkluż fil-proċess tal-kawża jkollhom l-istess rilevanza daqslikieku kienu saru jew ġew ippreżentati lill-prosekutur pubbliku qabel il-preżentata tal-att ta’ akkuża?

(E)

Ikunu qegħdin jiġu żgurati l-“korrettezza tal-proċeduri” fis-sens tal-Artikolu 6(1) u (4) kif ukoll l-“eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2012/13/UE fil-każ li l-qorti tiddeċiedi li tiftaħ proċedura ġudizzjarja fuq il-bażi ta’ att ta’ akkuża finali li jkun fih kontradizzjoni fir-rigward tal-formulazzjoni konkreta tal-akkuża ta’ korruzzjoni, filwaqt li mbagħad tagħti lill-prosekutur pubbliku l-possibbiltà li jirrimedja din il-kontradizzjoni u lill-partijiet il-possibbiltà li jinvokaw b’mod sħiħ id-drittijiet li kien ikollhom li kieku l-att ta’ akkuża kien ġie ppreżentat mingħajr l-imsemmija kontradizzjoni?

(F)

Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat irrikonoxxut fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/48/UE (2) ikun żgurat b’mod adegwat meta, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni kriminali, l-avukat ikun ingħata l-possibbiltà li jidher sabiex jiġi informat dwar l-akkuża preliminari u sabiex ikollu aċċess għall-materjal kollu fil-proċess tal-kawża, possibbiltà li l-avukat madankollu ma jkunx approfitta ruħu minnha minħabba obbligi professjonali u fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali li jirrikjedi li l-istedina għandha ssir minn tal-inqas tliet ijiem qabel? Fil-każ li dawn l-obbligi professjonali ma jkunux għadhom preżenti, għandha ssir stedina oħra minn tal-inqas tliet ijiem qabel? Huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-fatt li l-avukat ma deherx huwiex iġġustifikat jew jekk jammontax għal abbuż ta’ liġi?

(G)

Il-ksur tad-dritt, irrikonoxxut fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/48/UE, ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fil-proċedura ta’ investigazzjoni jkollu impatt fuq l-“eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża b’mod prattiku u b’mod effettiv” meta l-qorti, wara l-preżentata tal-att ta’ akkuża fil-qorti, tagħti lill-avukat aċċess sħiħ għall-att ta’ akkuża finali u ddettaljat kif ukoll għall-materjal kollu fil-proċess tal-kawża, u mbagħad tieħu miżuri sabiex tiggarantixxi lill-avukat li kwalunkwe dikjarazzjoni magħmula minnu wara li jkun kiseb għarfien tal-att ta’ akkuża ddettaljat u kwalunkwe materjal inkluż fil-proċess tal-kawża jkollhom l-istess rilevanza daqslikieku kienu saru jew ġew ippreżentati lill-prosekutur pubbliku qabel il-preżentata tal-att ta’ akkuża?

2.3

Id-dritt suġġettiv li jitnissel favur il-persuna akkużata li l-proċeduri kriminali jitwaqqfu (fil-kundizzjonijiet deskritti iktar ’il fuq) huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni minkejja li jibqa’ possibbli li l-“ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali”, li ma jkunx ġie rrimedjat mill-prosekutur pubbliku, jiġi rrimedjat kompletament permezz ta’ miżuri meħuda mill-qorti matul il-proċedura ġudizzjarja, b’tali mod li fl-aħħar mill-aħħar is-sitwazzjoni legali tal-persuna akkużata tkun identika għal dik li kienet tkun tinsab fiha li kieku dan il-ksur kien ġie rrimedjat fil-ħin?

3)

Regoli nazzjonali iktar favorevoli dwar id-dritt għat-trattament tal-kawża f’terminu raġenvoli, dwar id-dritt għal informazzjoni kif ukoll dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat għandhom jiġu applikati meta dawn ir-regoli, flimkien ma’ ċirkustanzi oħra (tal-proċedura deskritta taħt il-punt 1), iwasslu għall-waqfien tal-proċeduri kriminali?

4)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/48/UE għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-qorti nazzjonali sabiex teskludi mill-proċedura ġudizzjarja avukat li jkun irrappreżenta tnejn mill-akkużati fejn wieħed minnhom ikun ipprovda spjegazzjonijiet dwar fatti li jolqtu l-interessi tal-akkużat l-ieħor li, min-naħa tiegħu, ma jkun ipprovda ebda spjegazzjoni?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, il-qorti tkun qiegħda tiżgura d-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jekk, wara li tkun ippermettiet il-parteċipazzjoni fil-proċedura ġudizzjarja ta’ avukat li jkun qiegħed jirrappreżenta fl-istess ħin żewġ akkużati b’interessi kunfliġġenti, taħtar, għal kull wieħed mill-akkużati, avukati maħtura ex officio ġodda u differenti sabiex jirrappreżentawhom?


(1)  Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2012, dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU L 142, p. 1).

(2)  Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2013, dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU L 294, p. 1).