SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

13 ta’ Settembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Applikazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 14(2)(b)(i) – Persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar – Persuna impjegata fi Stat Membru u li teżerċita attività mħallsa fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor matul leave mingħajr ħlas ta’ tliet xhur”

Fil-Kawża C-569/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Novembru 2015, fil-proċedura

X

vs

Staatssecretaris van Financiën,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Diċembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u M. Noort, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčíl, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Marzu 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2)(a) u tal-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008 (ĠU L 177, p. 1)(iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn X u s-Staatssecretaris van Financiën (Segretarju tal-Istat għall-Finanzi, il-Pajjiżi l-Baxxi) rigward avviż ta’ taxxa abbażi tat-taxxa fuq id-dħul u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

Il-kuntest ġuridiku

3

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71:

“Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament:

(a)

persuna impjegata u persuna li taħdem għal rasha jfissru rispettivament:

i)

kull persuna li hija assigurata, mingħajr għażla jew fuq bażi volontarja kontinwa, għal kontinġenza waħda jew aktar koperti minn fergħat ta’ skema ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom jew bi skema speċjali għal persuni fis-servizz ċivili;

[…]”

4

L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

2.   Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

a)

persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

[…]”

5

L-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“[L]-Artikolu 13(2)(a) japplika suġġett għall-eċċezzjonijiet u ċ-ċirkustanzi li ġejjin:

[…]

2.

Persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar tkun suġġetta għal-leġislazzjoni li tkun determinata kif ġej:

[…]

b)

Persuna għajr dik li hemm referenza għaliha f(a) tkun suġġetta:

i)

għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fih tabita, jekk twettaq l-attività tagħha parzjalment fit-territorju jew jekk hija marbuta ma diversi impriżi u diversi persuni li jimpjegawha li għandhom l-uffiċċji reġistrati jew il-postijiet tan-negozju tagħhom fit-territorju ta’ Stati Membri differenti;

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6

Mill-1 ta’ Marzu 2006, X, ċittadin tal-Pajjiżi l-Baxxi, jirrisjedi u jaħdem fil-Pajjiżi l-Baxxi ma’ persuna li timpjega stabbilita f’dan l-istess Stat Membru.

7

X u l-persuna li timpjegah ftehmu li dan jieħu leave mingħajr ħlas ta’ tliet xhur, minn Diċembru 2008 sa’ Frar 2009 inkluż. F’ittra tat-12 ta’ Novembru 2008, il-persuna li timpjegah fassal it-termini u l-kundizzjonijiet li japplikaw għar-relazzjoni ta’ impjieg matul dan il-perijodu ta’ leave. Fihom, dan ippreċiża b’mod partikolari li l-kuntratt tax-xogħol kien ser jibqa’ fis-seħħ matul dan il-leave u li X kien ser ikompli jaqdi d-doveri regolari tiegħu fl-1 ta’ Marzu 2009.

8

Minn Diċembru 2008 sa Frar 2009, X qagħad l-Awstrija fejn kien impjegat bħala għalliem tal-iskijjar għal persuna li timpjega differenti stabbilita f’dan l-Istat Membru.

9

Matul is-snin segwenti, X ma ħax leave mingħajr ħlas. Madankollu, mill-informazzjoni li l-amministrazzjoni fiskali tal-Pajjiżi l-Baxxi kisbet mingħand l-awtoritajiet Awstrijaċi jirriżulta li, għas-sena fiskali 2010, il-persuna interessata kienet tidher darbtejn fir-reġistri tas-sigurtà soċjali Awstrijaċi bħala ħaddiem. L-istess japplika għas-snin fiskali 2011 sa 2013 inkluża, li għalihom huwa mniżżel f’dawn ir-reġistri darba fis-sena għal perijodu ta’ madwar ġimgħa jew ġimagħtejn.

10

It-tilwima bejn X u s-Segretarju tal-Istat għall-Finanzi tikkonċerna l-istima tat-taxxa fuq id-dħul u tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għas-sena finanzjarja 2009. B’mod partikolari, din tirrigwarda l-kwistjoni jekk matul Jannar u Frar 2009, X kienx assigurat fuq bażi obbligatorja taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi u għalhekk kienx obbligat li jħallas kontribuzzjonijiet.

11

Il-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (qorti tal-appell ta’ Arnhem-Leeuwarden, il-Pajjiżi l-Baxxi), fl-appell kontra s-sentenza tar-Rechtbank Gelderland (qorti distrettwali, Gelderland) iddeċidiet li r-relazzjoni ta’ impjieg bejn X u l-persuna li timpjega stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi kompliet matul il-perijodu tal-leave mingħajr ħlas u li l-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi kienet tapplika wkoll matul ix-xhur ta’ Jannar u Frar 2009.

12

X ippreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

13

Kien f’dan il-kuntest li l-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

It-Titolu II tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li ħaddiem li jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi li normalment jeżerċita l-attivitajiet tiegħu f’dan il-pajjiż li jieħu leave mingħajr ħlas ta’ tliet xhur għandu jitqies li jkun għadu, matul dan il-perijodu, jeżerċita attivitajiet bħala persuna impjegata fil-Pajjiżi l-Baxxi (ukoll) (i) jekk il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu jinżamm fis-seħħ matul dan il-perijodu u (ii) jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Werkloosheidswet (liġi dwar il-qgħad) Olandiża, dan il-perijodu jitqies li huwa perijodu li matulu huma eżerċitati attivitajiet bħala persuna impjegata?

2)

a)

Liema hija l-leġiżlazzjoni applikabbli konformement mar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 meta dan il-ħaddiem jeżerċita attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru ieħor matul il-leave mingħajr ħlas tiegħu?

b)

Il-fatt li l-ħaddiem ikkonċernat ikun eżerċita, matul perijodu ta’ madwar minn ġimgħa sa ġimagħtejn, attività bħala persuna impjegata f’dan l-Istat Membru l-ieħor f’żewġ okkażjonijiet fis-sena sussegwenti u sussegwentement f’okkażjoni waħda matul kull waħda mit-tliet snin sussegwenti meta ma kienx b’leave mingħajr ħlas fil-Pajjiżi l-Baxxi jaffettwa r-risposta li għandha tingħata għad-domanda preċedenti?”

Fuq id-domandi preliminari

14

Bid-domandi tagħha, li għandhom jiġu kkunsidrati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru°1408/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna li tirrisjedi u li teżerċita attività mħallsa fit-territorju ta’ Stat Membru u li, matul perijodu ta’ tliet xhur, tieħu leave mingħajr ħlas u teżerċita attività mħallsa fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhiex titqies li teżerċita normalment attività mħallsa fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

15

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, li jagħmel parti minnhom l-Artikolu 14(2) jikkostitwixxu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sistema kompleta u uniformi ta’ regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet li l-għan tagħhom huwa li jissuġġettaw lill-ħaddiema li jiċċaqilqu ġewwa l-Unjoni Ewropea għal sistema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed, b’mod li jiġi evitat li jkunu applikabbli diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali u li jiġu evitati l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn dan (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe, C-115/11, EU:C:2012:606, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16

L-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li persuna li teżerċita attività mħallsa fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat, anki jekk ikun jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe, C-115/11, EU:C:2012:606, punt 30).

17

Dan il-prinċipju huwa madankollu fformolat “[suġġett] għall-Artikoli 14 sa 17” tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-fatt, f’ċerti sitwazzjonijiet partikolari, l-applikazzjoni pura u sempliċi tar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament tirriskja mhux li tevita, iżda, b’mod kuntrarju, li toħloq, kemm għall-ħaddiem kif ukoll għall-organi ta’ sigurtà soċjali, kumplikazzjonijiet amministrattivi li l-effett tagħhom jista’ jkun li jostakolaw l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-persuni koperti mill-imsemmi regolament (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe, C-115/11, EU:C:2012:606, punt 31).

18

L-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru°1408/71 jipprovdi li l-persuna li teżerċita normalment attività mħallsa fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li din tirrisjedi fuq it-territorju tiegħu, jekk din teżerċita parti mill-attività tagħha fuq dan it-territorju.

19

Minn din id-dispożizzjoni, li tidderoga mir-regola ġenerali ta’ rabta mal-Istat Membru tal-impjieg, jirriżulta li l-applikazzjoni tagħha hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna interessata teżerċita normalment attività mħallsa fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar.

20

Għaldaqstant, sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ biss taqa’ taħt l-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru°1408/71 jekk il-persuna kkonċernata, li tingħata leave mingħajr ħlas ta’ diversi xhur mill-persuna li timpjegaha, li żżomm ir-relazzjoni ta’ xogħol, tista’ titqies, matul dan il-leave, li teżerċita attività mħallsa, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun ittieħed dan il-leave.

21

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tas-sospensjoni ta’ relazzjoni ta’ xogħol waqt leave parentali, li persuna jkollha l-kwalità ta’ “ħaddiem”, fis-sens tar-Regolament Nru°1408/71, minn meta din tkun assigurata, anki jekk dan ikun kontra riskju wieħed biss, abbażi ta’ assigurazzjoni obbligatorja jew fakultattiva ma’ sistema ġenerali jew partikolari ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament, u dan independentement mill-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, Dodl u Oberhollenzer, C-543/03, EU:C:2005:364, punt 34).

22

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru°1408/71, diversament minn dawk li jinsabu fit-Titolu I, jirreferu għall-persuni li jeżerċitaw attività mħallsa jew mhux imħallsa u mhux għall-ħaddiema mħallsa jew mhux imħallsa, interpretazzjoni loġika u koerenti tal-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ dan ir-regolament u tas-sistema ta’ regoli ta’ kunflitt ta’ liġi implementata minnu teħtieġ interpretazzjoni tal-kunċetti inkwistjoni tat-Titolu II tar-regolament imsemmi fid-dawl tad-definizzjonijiet tal-Artikolu 1(a) tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1997, de Jaeck, C-340/94, EU:C:1997:43, punt 22, kif ukoll tat-30 ta’ Jannar 1997, Hervein u Hervillier, C-221/95, EU:C:1997:47, punt 20).

23

Konsegwentement, l-istess kif il-kwalifika bħala impjegat jew persuna li taħdem għal rasha ta’ ħaddiem, fis-sens tar-Regolament Nru°1408/71, tirriżulta mis-sistema nazzjonali ta’ sigurtà soċjali li magħha huwa msieħeb dan il-ħaddiem, b’“impjieg [attività mħallsa]” u “impjieg għal rashom” fis-sens tat-Titolu II tar-Regolament Nru°1408/71, għandu jinftiehem l-attivitajiet li jitqiesu hekk mil-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali fl-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu jiġu eżerċitati dawn l-attivitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1997, de Jaeck, C-340/94, EU:C:1997:43, punt 23, kif ukoll tat-30 ta’ Jannar 1997, Hervein u Hervillier, C-221/95, EU:C:1997:47, punt 21).

24

Bl-istess mod, sa fejn persuna żżomm il-kwalità ta’ ħaddiem impjegat matul il-perijodu ta’ leave mingħajr ħlas li jingħatalha mill-persuna li timpjegaha, huwa possibbli li jitqies li din il-persuna teżerċita attività mħallsa fis-sens tat-Titolu II tar-Regolament Nru°1408/71 minkejja s-sospensjoni tal-obbligi prinċipali li jirriżultaw minn din ir-relazzjoni ta’ xogħol matul dan il-perijodu ddeterminat.

25

B’hekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali tipprovdi, skont il-qorti tar-rinviju, li persuna li tieħu leave mingħajr ħlas matul diversi xhur tibqa’ teżerċita attività mħallsa matul dan il-perijodu ta’ leave, din il-persuna titqies, matul il-perijodu msemmi, li teżerċita attività mħallsa fis-sens tat-Titolu II tar-Regolament Nru°1408/71 fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jittieħed dan il-leave.

26

F’tali każ, jekk il-persuna kkonċernata teżerċita attività mħallsa fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor matul dan il-perijodu, is-sitwazzjoni tagħha tkun tista’ tidħol taħt l-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru°1408/71, kemm-il darba l-attivitajiet eżerċitati fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat Membru jkollhom natura abitwali u sinjifikanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ llum, X, C-570/15, punt 19).

27

Sabiex tiġi evalwata n-natura abitwali u sinjifikanti tal-attivitajiet eżerċitati fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat Membru matul dan il-perijodu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, it-tul tal-perijodi ta’ attività u n-natura tax-xogħol imħallas kif iddefiniti fid-dokumenti kuntrattwali, kif ukoll, jekk ikun il-każ, ir-realtà tal-attivitajiet eżerċitati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ llum, X, C-570/15, punt 21).

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-attività mħallsa eżerċitata fl-Awstrija mill-persuna kkonċernata matul il-perijodu ta’ tliet xhur inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex natura abitwali u sinjifikanti, filwaqt li ċ-ċirkustanza li din il-persuna eżerċitatx jew le tali attività wara dan il-perijodu hija irrilevanti f’dan ir-rigward.

29

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru°1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li tirrisjedi u li teżerċita attività mħallsa fit-territorju ta’ Stat Membru u li, matul perijodu ta’ tliet xhur, tieħu leave mingħajr ħlas u teżerċita attività mħallsa fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandha titqies li teżerċita normalment attività mħallsa fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kemm-il darba, minn naħa, matul dan il-perijodu ta’ leave, din titqies li teżerċita attività mħallsa mil-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali tal-ewwel Stat Membru u li, min-naħa l-oħra, l-attività eżerċitata fit-territorju tat-tieni Stat Membru jkollha natura abitwali u sinjifikanti, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

30

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru°1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li tirrisjedi u li teżerċita attività mħallsa fit-territorju ta’ Stat Membru u li, matul perijodu ta’ tliet xhur, tieħu leave mingħajr ħlas u teżerċita attività mħallsa fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandha titqies li teżerċita normalment attività mħallsa fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kemm-il darba, minn naħa, matul dan il-perijodu ta’ leave, din titqies li teżerċita attività mħallsa mil-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali tal-ewwel Stat Membru u li, min-naħa l-oħra, l-attività eżerċitata fit-territorju tat-tieni Stat Membru jkollha natura abitwali u sinjifikanti, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.