SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

22 ta’ Marzu 2017 ( 1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Trasport bit-triq — Dispożizzjonijiet fiskali — Direttiva 1999/62/KE — Ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi — Pedaġġ — Obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi — Multa b’rata fissa — Proporzjonalità”

Fil-Kawżi magħquda C-497/15 u C-498/15,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Szeged, l-Ungerija), permezz tad-deċiżjonijiet tal-14 ta’ Settembru 2015, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Settembru 2015, fil-kawżi

Euro-Team Kft. (C-497/15),

Spirál-Gép Kft. (C-498/15)

vs

Budapest Rendőrfőkapitánya,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Berger (Relatur), President tal-Awla, A. Borg Barthet u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: M. A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ungeriż, minn M.Z. Fehér u G. Koós kif ukoll minn A. Pálfy, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn M. B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u M. L. Havas, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 372), kif emendata bid- Direttiva 2011/76/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2011 (ĠU 2011, L 269, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 1999/62”).

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, rispettivament, Euro-Team Kft. (Kawża C-497/15) u Spirál-Gép Kft. (Kawża C-498/15) u Budapest Rendőrfőkapitánya (kummissarju prinċipali tal-pulizija ta’ Budapest, l-Ungerija), dwar l-impożizzjoni ta’ multa għall-użu ta’ sezzjoni ta’ awtostrada mingħajr ma tħallas l-ammont tal-pedaġġ meħtieġ.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 1, 12 u 15 tad-Direttiva 1999/62 huma redatti kif ġej:

“(1)

L-eliminazzjoni ta’ distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn intrapriżi tat-trasport fl-Istati Membri teħtieġ kemm l-armonizzazzjoni ta’ sistemi ta’ taxxi kif ukoll l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ġusti għall-impożizzjoni ta’ ħlas għall-ispejjeż ta’ infrastruttura fuq dawk li jġorru l-merkanzija bl-art;

[…]

(12)

Id-distorsjoni eżistenti fil-kompetizzjoni ma tistax tiġi eliminata biss permezz ta’ l-armonizzazzjoni ta’ taxxi jew dazji fuq il-karburanti; madanakollu, sakemm jidħlu fis-seħħ forom ta’ taxxi li huma iktar addattati fuq livell tekniku u ekonomiku, dan it-tgħawwiġ jista’ jiġi mitigat bil-possibbiltà li jinżammu jew jiddaħħlu ħlasijiet għall-użu u/jew ħlasijiet fuq l-utenti ta’ awtostradi; barra minn hekk l-Istati Membri għandhom jitħallew jimponu ħlasijiet fuq l-użu ta’ pontijiet, mini u passaġġi fil-muntanji;

[…]

(15)

Ir-rati ta’ ħlasijiet fuq l-utenti għandhom ikunu bbażati fuq it-tul tal-ħin tal-użu li jsir mill-infrastruttura inkwistjoni u għandhom ikunu differenzjati skont l-ispejjeż ikkawżati mill-vetturi tat-toroq.”

4

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/62 jpprevedi:

“Din id-Direttiva tapplika għal taxxi fuq vetturi, ħlasijiet għall-użu ta’ toroq u ħlasijiet fuq l-utenti imposti fuq vetturi kif definiti fl-Artikolu 2.”

5

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/62 jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(b)

‘ħlas għall-użu tat-triq’ [pedaġġ] tfisser ammont speċifiku pagabbli għal vettura bbażat fuq id-distanza ta’ vjaġġ fuq infrastruttura partikolari u fuq it-tip ta’ vettura, li jinkludi tariffa għall-infrastruttura u/jew tariffa għall-ispejjeż esterni;

[…]”

6

Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 1999/62:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9(1a), l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu [pedaġġi] u/jew ħlasijiet fuq l-utent fuq in-netwerk trans-Ewropew tat-toroq jew fuq ċerti partijiet ta’ dak in-netwerk, u fuq kwalunkwe parti oħra addizzjonali tan-netwerk tal-awtostradi tagħhom li mhux parti min-netwerk trans-Ewropew tat-toroq taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikoli 7a sa 7k. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri, f’konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li japplikaw [pedaġġi] u/jew ħlasijiet fuq l-utent fuq toroq oħra, dment li l-impożizzjoni ta’ [pedaġġi] u/jew ħlasijiet fuq l-utent fuq toroq oħra bħal dawn ma jiddiskriminax kontra t-traffiku internazzjonali u ma jirriżultax f’distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi.”

7

L-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kontrolli xierqa u jiddeterminaw is-sistema ta’ penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati taħt din id-Direttiva. Huma għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali stabbiliti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

Id-dritt Ungeriż

Il-liġi dwar iċ-ċirkulazzjoni fit-triq

8

L-Artikolu 20(1) tal-közúti közlekedésről szóló 1988. évi I. törvény (liġi Nru 1 tal-1988 dwar iċ-ċirkulazzjoni fit-triq, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar iċ-ċirkulazzjoni fit-triq”) jipprevedi:

“Tista’ tiġi imposta multa fir-rigward ta’ kull persuna li tikser id-dispożizzjonijiet previsti f’din il-liġi, kif ukoll f’dispożizzjonijiet legali speċifiċi u f’atti tad-dritt Komunitarju, dwar

[…]

(m)

it-tariffa, proporzjonali mad-distanza koperta, dovuta għall-użu ta’ sezzjoni ta’ toroq b’pedaġġ.

[…]”

9

L-Artikolu 21 tal-liġi dwar iċ-ċirkulazzjoni fit-toroq jipprevedi:

“(1)   L-operatur tal-vettura jew, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 21/A(2), il-persuna li lilha tkun ġiet fdata l-vettura għall-finijiet tal-użu tagħha jissodisfa l-osservanza, matul l-operar jew l-użu tal-vettura, tar-regoli, kif stabbiliti mid-dispożizzjonijiet speċjali dwar

[…]

(h)

it-tariffa, proporzjonali mad-distanza koperta, dovuta għall-użu ta’ sezzjoni ta’ toroq b’pedaġġ.

[…]

(2)   F’każ ta’ ksur ta’ xi waħda mir-regoli stabbiliti fil-paragrafu 1, l-operatur jew, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 21/A, il-persuna li lilha tkun ġiet fdata l-vettura għall-finijiet tal-użu tagħha tista’ tkun suġġetta għal multa amministrattiva ta’ HUF 10000 sa HUF 300000 [madwar EUR 32 sa EUR 974)]. Il-Gvern jistabbilixxi b’digriet l-ammont ta’ multi li jistgħu jiġu imposti għal ksur ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Meta l-istess aġir jikkostitwixxi ksur ta’ diversi regoli u huwa meqjus bħala parti mill-istess proċedura, huwa punibbli b’multa li tikkorrispondi għall-ammonti tal-multi previsti għal kull waħda minn dawn ir-reati

[…]

(5)   Il-Gvern jiddetermina, b’permezz ta’ digriet, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, il-ksur li għalih l-operatur tal-vettura kkonċernat […] ikun punibbli permezz ta’ multa amministrattiva.”

Il-liġi dwar il-pedaġġi tat-toroq

10

L-Artikolu 3(1) u (6) tal-az autópályák, autóutak és főutak használatáért fizetendő, megtett úttal arányos díjról szóló 2013. évi LXVII. törvény (liġi Nru LXVII tal-2013, dwar it-tariffa, proporzjonali għad-distanza koperta, għall-użu tal-awtostradi, toroq rapidi u toroq nazzjonali, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-pedaġġi tat-toroq”), jipprevedi:

“(1)   L-użu ta’ sezzjoni ta’ toroq b’pedaġġ minn vettura suġġetta għal pedaġġ huwa suġġett għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni ta’ użu tat-triq stabbilita minn din il-liġi.

[…]

(6)   l-operatur tal-vettura kkonċernata jissodisfa l-osservanza, f’dak li jirrigwrada il-vettura li jkun qed jopera, tar-regola li tissemma fil-paragrafu 1.”

11

L-Artikolu 14 tal-liġi dwar il-pedaġġi tat-toroq jipprevedi

“Jikkostitwixxi użu mhux awtorizzat ta’ triq – suġġett għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 9 – il-fatt għall-persuni responsabbli għall-ħlas tal-pedaġġ:

(a)

l-użu ta’ sezzjoni ta’ toroq b’pedaġġ mingħajr ix-xiri ta’ biljett għall-użu ta’ triq għal din is-sezzjoni ta’ triq qabel ma jibda l-użu tagħha, filwaqt li ma huwiex marbut b’kuntratt validu – li jirregola s-sottomissjoni ta’ dikjarazzjonijiet previsti minn din il-liġi mal-kollettur ta’ pedaġġi u l-ħlas tal-pedaġġi – li jkun ġie konkluż mal-amministratur tas-sistema ta’ pedaġġ,

(b)

l-użu ta’ sezzjoni ta’ toroq b’pedaġġ abbażi ta’ dikjarazzjoni li tindika kategorija tariffarja jew ambjentali inqas minn dik li taħtha taqa’ l-vettura kkonċernata, jew

(c)

l-użu ta’ sezzjoni ta’ toroq b’pedaġġ mingħajr ma jkun inxtara t-biljett għall-użu ta’ triq għal din is-sezzjoni qabel jibda l-użu tagħha, filwaqt li jkun marbut, fid-dawl tal-użu mill-vettura kkonċernata tal-imsemmija sezzjoni, permezz ta’ kuntratt validu – li jirregola s-sottomissjoni ta’ dikjrazzjonijiet prevista minn din il-liġi, mal-kollettur tal-pedaġġi u l-ħlas tal-pedaġġi – li jkun ġie konkluż mal-amministratur tas-sistema ta’ pedaġġ, iżda li kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet tal-legalità tal-funzjonament tal-apparat inkorporat, kif deċiżi minn digriet skont din il-liġi, ma tkunx sodisfatta matul l-użu tas-sezzjoni ta’ toroq b’pedaġġ ikkonċernata.”

12

L-Artikolu 15 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“(1)   L-ammont tal-multa huwa stabbilit b’mod li jinkoraġġixxi lill-persuni responsabbli għall-ħlas li jħallsu l-pedaġġ mitlub.

(2)   il-prodott tal-multi ddikjarati jiitħallas lill-baġit ċentrali bħala dħul fil-baġit inkluż taħt it-taqsima msemmija fl-Artikolu 14(4)(d) tal-liġi Nru CXCV tal-2011, dwar il-finanzi pubbliċi. Il-ħlas tal-multa għandu jseħħ f’Forint [Ungeriż (HUF)], permezz ta’ trasferiment fil-kont bankarju ddefinit permezz ta’ att meħud skont din il-liġi”

13

L-Artikolu 16 tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“L-użu mhux awtorizzat ta’ triq fis-sens ta’ din il-liġi jikkostitwixxi ksur li l-konstatazzjoni tiegħu tista’ twassal għall-impożizzjoni ta’ multa skont il-liġi dwar iċ-ċirkulazzjoni fit-toroq.”

14

L-Artikolu 29/A(1), (4), (6) u (7) tal-liġi dwar il-pedaġġi tat-toroq, inklużi f’din il-liġi permezz tal-liġi Nru LIV ta’ 2014, b’effett mid-9 ta’ Novembru 2014, jipprevedi:

“(1)   fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 2 sa 4, l-applikanti li jkunu ressqu, quddiem il-korp inkarigat li jiġbor il-pedaġġi (iktar ’il quddiem il-“kollettur tal-pedaġġi”) applikazzjoni konformi mal-paragrafi 6 u 7 (iktar ’il quddiem “l-applikazzjoni”) huma eżenti, fiċ-ċirkustanzi previsti minn din il-liġi, mill-ħlas tal-multa imposta minħabba l-użu mhux awtorizzat ta’ triq, fis-sens tal-Artikolu 14(a) ta’ din il-liġi, bejn l-1 ta’ Lulju 2013 u l-31 ta’ Marzu 2014.

[…]

(4)   Abbażi ta’ applikazzjoni ġġustifikata, l-applikant huwa, fiċ-ċirkustanzi previsti fil-paragrafu 7, eżenti mill-ħlas tal-multa imposta għal ksur tal-Artikolu 14(a), meta l-multa tkun ġiet – matul il-perijodu ta’ validità tal-biljett għall-użu ta’ triq, u mhux iktar minn darba fid-direzzjoni ta’ punt ta’ kontroll speċifiku – imposta fuq sezzjoni ta’ toroq b’pedaġġ, jew fuq triq li twassal għalih, li, fin-network, ikun funzjonalment parallel għat-triq li għaliha l-vettura kkonċernata għandha għad-dispożizzjoni, fl-istess ħin, awtorizzazzjoni ta’ użu, li ma ġietx użata matul il-perijodu ta’ validità tagħha.

[…]

(6)   Minbarra dak li huwa previst fil-paragrafi 2 sa 4, l-eżenzjoni tal-multa hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-applikant, qabel ma ressaq l-applikazzjoni, kien ħallas lill-kollettur tal-pedaġġi l-ispejjeż ta’ servizz f’ammont ta’ HUF 12000 [madwar EUR 39] għall-multa, inkluża t-taxxa fuq il-valur miżjud, u jipproduċi l-prova tiegħu fil-mument tat-tressiq tal-applikazzjoni.[…]

(7)   L-applikazzjoni tista’ titressaq f’terminu ta’ 60 jum wara dħul fis-seħħ tal-liġi Nru LIV tal-2014, li temenda [l-liġi dwar il-pedaġġi tat-toroq]. Abbażi tal-applikazzjoni mressqa – sakemm il-kontenut tagħhom ikun konformi mar-rekwiżiti ta’ din il-liġi u ma jmurx kontra l-kontenut tad-database tal-kollettur tal-pedaġġi – dan tal-aħħar iħejji ċertifikat li jistabbilixxi li l-applikant jista’, jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 sa 4, jiġi eżentat mill-ħlas tal‑multa. F’każ ta’ diskrepanza bejn il-kontenut tal-applikazzjoni u dak tad-database tal-kollettur tal-pedaġġi ma jinħareġ l-ebda ċertifikat. Il-kollettur tal-pedaġġi joħroġ iċ-ċertifikat f’terminu ta’ 120 jum mir-riċevuta tal-applikazzjoni. […]”

Id-Digriet tal-Gvern Nru 410/2007

15

L-Artikolu 1(1) tal-közigazgatási bírsággal sújtandó közlekedési szabályszegések köréről, az e tevékenységekre vonatkozó rendelkezések megsértése esetén kiszabható bírságok összegéről, felhasználásának rendjéről és az ellenőrzésben történő közreműködés feltételeiről szóló 410/2007. (XII. 29.) Korm. Rendelet (Digriet tal-Gvern Nru 410, tad-29 ta’ Diċembru 2007, dwar il-lista ta’ reati tat-traffiku suġġetti għal multi amministrattivi, l-ammonti tal-multi dovuti fil-każ ta’ reati tat-traffiku, is-sistema ta’ impożizzjoni tal-multi u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-kontrolli tat-traffiku), (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-Gvern Nru 410”), jipprevedi:

“Abbażi tal-Artikolu 21(1) tal-[liġi dwar iċ-ċirkulazzjoni fit-toroq], l-operatur tal-vettura kkonċernata […] huwa, f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2 sa 8/A, suġġett għal multa amministrattiva li l-ammont tagħha huwa deċiż minn dan id-digriet.”

16

L-Artikolu 8/A tad-Digriet tal-Gvern Nru 410/2007 jippreskrivi:

“(1)   F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 21(1)(h) tal-[liġi dwar iċ-ċirkulazzjoni fit-toroq], l-operatur tal-vettura kkonċernata huwa obbligat iħallas, għal kull ksur imsemmi fl-Anness 9, multa li l-ammont tagħha huwa stabbilit skont il-kategorija ta’ vetturi.

(2)   Il-multa imposta fuq l-operatur tal-vettura kkonċernata skont il-paragrafu 1 ma tistax terġa’ tiġi imposta mill-ġdid f’każ ta’ użu mhux awtorizzat tat-triq bl-istess vettura sakemm ma jkunux għaddew tmien sigħat wara l-ewwel konstatazzjoni tal-użu mhux awtorizzat tat-triq b’din il-vettura.

[…]”

17

L-Anness 9 ta’ dan id-digriet jipprevedi:

“A

B

 

 

B1

B2

B3

1. Ksur tal-liġi dwar il-pedaġġi tat-toroq

Ammont tal-multa skont il-kategorija ta’ vetturi

 

J2

J3

J4

2.Ksur tal-Artikolu 14(a)

140 000

150 000

165 000

3.Ksur tal-Artikolu 14(b)

80 000

90 000

110 000

4.Ksur tal-Artikolu 14(c)

140 000

150 000

165 000»

Id-Digriet tal-Gvern Nru 209/2013

18

L-Artikolu 24(3) tal-az ED törvény végrehajtásáról szóló 209/2013 (VI. 18.) Korm. rendelet (Digriet tal-Gvern Nru 209, dwar l-implimentazzjoni tal-liġi tal-pedaġġi tat-toroq), tat-18 ta’ Ġunju 2013 (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-Gvern Nru 209/2013”), jipprevedi:

“Il-biljett għall-użu ta’ triq jikkostitwixxi awtorizzazzjoni ta’ użu mingħajr interruzzjoni ta’ triq speċifika għal vettura li l-parametri tagħha jkunu ġew indikati matul ix-xiri. It-biljett għall-użu ta’ triq ma jistax jiġi ttrasferit, u la l-itinerarju u lanqas il-parametri tal-vettura li jidhru fih, kif iddikjarati matul ix-xiri, ma jistgħu jiġu mibdula. It-biljett għall-użu ta’ triq jiġi użat għal vjaġġ li jibda f’data speċifikata minn qabel, u huwa validu:

(a)

mill-waqt tax-xiri sat-tmiem il-jum sussegwenti, jekk il-perijodu ta’ validità jibda mid-data tax-xiri,

(b)

mill-bidu tal-jum kalendarju indikat sat-tmiem tal-jum sussegwenti, jekk ix-xiri jkun seħħ fit-terminu ta’ bejgħ minn qabel ta’ massimu ta’ 30 jum.”

19

L-Artikolu 26(1)(a) tad-Digriet tal-Gvern Nru 209/2013 jipprevedi

“Qabel il-bidu tal-użu ta’ sezzjoni ta’ toroq b’pedaġġ, il-persuna suġġetta għall-pedaġġ għandu jkun f’relazzjoni legali mal-amministratur tas-sistema ta’ pedaġġ li tippermettilu l-użu effettiv tas-sistema [ta’ pedaġġ elettroniku] operata mill-kollettur tal-pedaġġi, u li jwettaq permezz ta’ dan, ix-xiri ta’ biljett għall-użu ta’ triq konformement mal-itinerarju reali.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

20

Euro-Team, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C-497/15, hija impriża stabbilita fl-Ungerija. Sabiex vettura ta’ trasport ta’ merkanzija li hija topera sabiex tkun tista’ tuża, fis-6 ta’ Settembru 2014, is-sezzjoni b’pedaġġ “Budapest-Gyula” tal-awtostrada M5, hija xtrat minn qabel il-permess meħtieġ, konformement mal-leġiżlazzjoni dwar il-pedaġġi tat-toroq.

21

Fis-6 ta’ Settembru 2014, żball tas-sistema ta’ navigazzjoni ta’ din il-vettura wasslet lis-sewwieq tagħha, impjegat minn Euro-Team, li jaqbeż il-ħruġ li kellu juża sabiex joħroġ mill-awtostrada M5 sabiex isegwi t-traġitt tiegħu fuq it-triq Nru 5, ta’ kategorija inferjuri, li għaliha kellu għad-dispożizzjoni tiegħu awtorizzazjoni ta’ użu. Għaldaqtsant, huwa kompla t-traġitt tiegħu fuq l-awtostrada M5, mingħajr ma kellu permess ta’ pedaġġ validu u mingħajr ma kien ħallas it-tariffa proporzjonali għad-distanza koperta fuq is-sezzjoni tal-awtostrada.

22

Din is-sezzjoni awtostradali, ta’ tul ta’ madwar 5Km, tinsab, fil-prattika, parallelament għat-triq Nru 5. L-ammont tal-pedaġġ għal din il-parti huwa ta’ HUF 324 (madwar EUR 1), jiġifieri tariffa inferjuri għal dik iffaturata għas‑sezzjoni komparabbli għat-triq Nru 5, li titla’ fiż-żmien li seħħew il-fatti għal ammont ta’ HUF 520 (madwar EUR 1.7). Skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, b’relazzjoni mal-itinerarju indikat fuq il-permess mixtri minn qabel, Euro-Team la kisbet vantaġġ u lanqas ikkawżat dannu.

23

Madankollu, il-Budapest Rendőrfőkapitánya (kummissarju prinċipali tal-pulizija ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni mogħtija fit-8 ta’ Diċembru 2014, impona fuq Euro-Team multa amministrattiva li tammonta għal HUF 165000 (madwar EUR 535), konformement mad-Digriet tal-Gvern Nru 410/2007, minħabba li, billi naqset li tixtri minn qabel permess li jikkorrispondi għal pedaġġ dovut għall-użu ta’ sezzjoni awtostradali li tinsab bejn il-85 u d-90 kilometru, din l-impriża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont il-liġi dwar il-pedaġġi tat-toroq.

24

Euro-Team ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, billi sostniet, b’mod partikolari, li s-sanzjoni prevista mid-Digriet tal-Gvern Nru 410/2007 kienet kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, peress li l-ammont tal-multa imposta kien sproporzjonat.

25

Spirál-Gép, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C-498/15, hija impriża li hija stabbilita wkoll fl-Ungerija. Sabiex vettura ta’ trasport ta’ merkanzija li hija topera sabiex hija tkun tista’ tuża, fil-25 ta’ April 2014, is-sezzjoni b’pedaġġ “Kaba-Bököny” tal-awtostrada M5, hija xtrat il-permess meħtieġ minn qabel, konformement mal-liġi dwar il-pedaġġi tat-toroq.

26

Fil-25 ta’ April 2014, is-sewwieq ta’ din il-vettura, impjegat minn Spirál-Gép, madankollu, bi żball qabeż il-ħruġ li kellu joħroġ minnu sabiex jitlaq mill-awtostrada. Minħabba dan il-fatt, huwa kompla t-traġitt tiegħu fuq l-awtostrada M35, bejn l-24 u l-35 kilometru, filwaqt li din il-parti ma kinitx tifforma parti mill-itinerarju previst, li għalih kienet tħallset tariffa ta’ użu. Wara li nduna bl-iżball tiegħu, sab ruħu fl-impossibbiltà li jagħmel dawra nofs ċirku, is-sewwieq waqqaf il-vettura fil-korsija ta’ emerġenza ta’ din l-awtostrada u ħallas, permezz tat-telefon u fuq inizjattiva tiegħu stess, l-ammont ta’ pedaġġ għall-imsemmija sezzjoni.

27

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata f’dan ir-rigward, li b’relazzjoni mal-ammont ta’ pedaġġ imħallas minn qabel kif ukoll b’relazzjoni mal-ammont tal-pedaġġ imħallas, spontanjament, mis-sewwieq tal-vettura għas-somma ta’ HUF 1597 (madwar EUR 5.2), Spirál-Gép la kisbet xi vantaġġ u lanqas ikkawżat dannu.

28

Il-Budapest Rendőrfőkapitánya (kummissarju prinċipali tal-pulizija ta’ Budapest), permezz ta’ deċiżjoni mogħtija fis-16 ta’ Marzu 2015, impona fuq Spirál-Gép multa amministrattiva li fl-ammont ta’ HUF 140000 (madwar EUR 454), konformement mad-Digriet tal-Gvern Nru 410/2007, minħabba li, bl-ommissjoni ta’ ħlas minn qabel tal-ammont tal-pedaġġ dovut għas-sezzjoni ta’ awtostrada li tinsab bejn l-24 u l-35 kilometru, din l-impriża naqset milli twettaq obbligu impost fuqha skont il-liġi dwar tal-pedaġġi tat-toroq.

29

Spirál-Gép ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, filwaqt li ssostni, b’mod partikolari, li s-sanzjoni prevista mill-imsemmi digriet tal-gvern kien sproporzjonat u, minħabba dan il-fatt, imur kontra d-dritt tal-Unjoni.

30

F’dawn iż-żewġ kawżi, il-qorti tar-rinviju tesponi li, skont l-Artikolu 21 tal-liġi dwar iċ-ċirkulazzjoni fit-toroq, l-operatur tal-vettura jassumi responsabbiltà oġġettiva, peress li l-ammont tal-multa amministrattiva imposta huwa dovut indipendentement minn kwalunkwa tort. Għalhekk, l-amministrazzjoni ma hijiex f’qagħda li tieħu inkunsiderazzjoni, salv fiċ-ċirkustanzi espliċitament imsemmija minn din il-liġi, is-sitwazzjoni individwali u partikolari tal-operatur tal-vettura, u lanqas teżamina jekk il-ksur huwiex attribwibbli realment lilu, jiġifieri jekk ir-responsabbiltà tirriżulta minn intenzjoni espressa jew minn sempliċi negliġenza.

31

Għalhekk, il-fatt li, fil-Kawża C-497/15, Euro-Team kellha għad-dispożizzjoni tagħha permess ta’ użu tal-infrastruttura stradali validu għal sezzjoni parallela għal dik li fiha twettaq il-ksur u li l-ammont tal-pedaġġ dovut għal din l-aħħar sezzjoni kien inferjuri għall-prezz imħallas għall-itinerarju previst huwa irrilevanti. L-istess jgħodd għall-Kawża C-498/15, li fiha s-sewwieq tal-vettura impjegat minn Spirál-Gép ħallas fuq inizjattiva tiegħu stess, f’terminu ta’ 20 minuta wara t-twettiq tal-ksur, tal-ammont tal-pedaġġ meħtieġ għall-użu ta’ din l-awtostrada.

32

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62 iħalli f’idejn l-Istati Membri setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-għażla tas-sanzjonijiet intiżi li jiggarantixxu l-ħlas tal-pedaġġi. Madankolu, hija tiddubita li, inkunsiderazzjoni tal-partikolaritajiet kollha tal-ksur imwettaq fil-kawżi pendenti quddiemha, il-multa li ġiet imposta fuq wieħed mir-rikorrenti, li l-ammont tagħha huwa iktar minn 500 mitt darba għal dak dovut bħala pedaġġ, tista’ tiġi kkunsidrata bħala sproporzjonata.

33

Il-qorti tar-rinviju tqis madankollu li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 29/A tal-liġi dwar il-pedaġġi tat-toroq, hija inapplikabbli rationae temporis għall-fatti inkunsiderazzjoni tad-dati tal-ksur, tippermetti l-impożizzjoni ta’ multi proporzjonali għall-gravità ta’ dan il-ksur.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Szeged, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi għal deċiżjoni preliminari li ġejjin, li huma identiċi fiż-żewġ kawżi:

“1)

Ir-rekwiżit ta‘ proporzjonalità, stabbilit mill-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62/KE […], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema ta’ sanzjonijiet bħal dik introdotta mill-Anness 9 tad-[Digriet tal-Gvern Nru 410/2007], li timponi l-ħlas ta’ multa b’rata fissa – jiġifieri indipendenti mill-gravità tar-reat – fil-każ ta’ ksur tar-regoli dwar ix-xiri ta’ biljetti għall-użu ta’ triq?

2)

Il-multa amministrattiva stabbilita mill-Anness 9 tad-[Digriet tal-Gvern Nru 410/2007] hija konformi mar-rekwiżit tal-Artikolu 9a tad-[Direttiva 1999/62] li skontu s-sanzjonijiet previsti fid-dritt nazzjonali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi?

3)

Ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità previst fl-Artikolu 9a tad-[Direttiva 1999/62] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, minn naħa, sistema ta’ sanzjonijiet li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprevedi r-responsabbiltà oġġettiva tal-awturi tar-reat u, min-naħa l-oħra, ammont tas-sanzjoni kif previst mill-imsemmija sistema?”

35

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ottubru 2015, il-Kawżi C-497/15 u C-498/15 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

36

Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżiti ta’ effettività, proporzjonalità u tan-natura dissważiva tas-sanzjonijiet, imsemmija fih, jipprekludu li sistema ta’ sanzjonijiet, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ multa f’ammont f’daqqa għall ksur kollu, tkun xi tkun in-natura u l-gravità tagħhom, skont ir-regoli dwar l-obbligu ta’ ħlas minn qabel tal-pedaġġ għall-użu tal-infrastruttura tat-toroq.

37

B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kontrolli adegwati u għandhom jiddeterminaw is-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali meħuda b’applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Huma għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw l-applikazzjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

38

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi regolament ma fihx regoli iktar preċiżi f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment tas-sanzjonijiet nazzjonali msemmija, u b’mod partikolari ma jistabbilixxi ebda kriterju espliċitu għall-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata ta’ tali sanzjonijiet.

39

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn sistema stabbilita b’din il-leġiżlazzjoni, l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom li huma xierqa. Madankollu, l-Istati Membri huma obbligati li jeżerċitaw din il-kompetenza filwaqt li josservaw id-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipji ġenerali tiegħu u, konsegwentement, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Frar 2012, Urbán, C-210/10, EU:C:2012:64, punt 23, u tad-19 ta’ Ottubru 2016, EL-EM-2001, C‑501/14, EU:C:2016:777, punt 37).

40

Għalhekk, f’dan il-każ, il-miżuri repressivi permessi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhomx jaqbżu l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni, filwaqt li huwa mifhum li, meta tkun teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża u li l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxija (is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2016, EL-EM-2001, C-501/14, EU:C:2016:777, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Fil-kuntest tad-Direttiva 1999/62, l-għanijiet mfittxija huma, kif jirriżulta mill-ewwel premessa tagħha, kemm l-armonizzazzjoni ta’ sistemi ta’ taxxi kif ukoll l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ġusti għall-impożizzjoni ta’ ħlas għall-ispejjeż ta’ infrastruttura fuq dawk li jġorru l-merkanzija bl-art, bil-għan tal-eliminazzjoni ta’ distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn intrapriżi tat-trasport fl-Istati Membri.

42

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-severità tas-sanzjonijiet għandha tkun adegwata għall-gravità tal-ksur li fir-rigward tiegħu jiġu imposti, b’mod partikolari billi jiżguraw effett realment dissważiv, filwaqt li josservaw il-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità (is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2016, EL-EM-2001, C-501/14, EU:C:2016:777, punt 40).

43

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jorbot lill-Istati Membri mhux biss f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-elementi li jikkostitwixxu ksur u d-determinazzjoni tar-regoli relattivi għall-intensità tal-multi, iżda anki f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multa (ara s-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2016, EL-EM-2001, C-501/14, EU:C:2016:777, punt 41).

44

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 21(2) tal-liġi dwar iċ-ċirkulazzjoni fit-toroq jissanzjona, permezz ta’ multa fl-ammont ta’ HUF 10000 sa HUF 300000 (mdwar EUR 32 sa EUR 974), l-operatur ta’ vettura li jikser ir-regoli li jirrigwardaw l-obbligu ta’ ħlas ta’ tariffa ta’ użu ta’ sezzjoni ta’ toroq b’pedaġġ, li l-ammont tagħha huwa proporzjonali għad-distanza koperta. Huwa f’dan il-kuntest li l-Anness 9 tad-Digriet tal-Gvern Nru 410/2007 jistabbilixxi l-multi għall-ksur inkwistjoni, li jvarjaw skont il-kategorija li jaqgħu taħtha l-vetturi, stabbilita abbażi tal-fusien tagħhom, u li l-ammont f’daqqa tagħhom huwa bejn HUF 140000 u HUF 165000 (madwar EUR 454 u EUR 535).

45

Is-sanzjonijiet tal-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali meħuda b’applikazzjoni tad-Direttiva 1999/62 għandhom mhux biss ikunu proporzjonali għall-ksur imwettaq, iżda wkoll effettivi u dissważivi. F’dan il-każ, fil-Kawża C-497/15, l-ammont tal-multa imposta fuq Euro Team hija iktar minn 500 darba ogħla mill‑ammont tal-pedaġġ mhux imħallas li huwa inqas mill-ammont li ġie effettivament imħallas għas-sezzjoni komparabbli tat-triq Nru 5. Fil-Kawża C-498/15, huwa iktar minn 87 darba ogħla għal dak li tħallas tardivament.

46

Inkunsiderazzjoni tal-ammont tal-multi imposti meta mqabbla mal-ispejjeż tal-pedaġġ effettivament dovut u li ma tħallasx minn qabel, ma hemmx dubju li s-sistema ta’ miżuri repressivi Ungeriża, minħabba s-severità tas-sanzjonijiet stabbiliti u tal-applikazzjoni regolari tagħhom, għandha natura effettiva u dissważiva.

47

Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi kkonstatat li s-sempliċi modulazzjoni tal-multi prevista minn din is-sistema, li tirriżulta mid-Digriet tal-Gvern Nru 410/2007, hija dik relatata mal-kategorija li taħtha taqa’ l-vettura kkonċernata, li hija stabbilita abbażi tan-numru ta’ fusien tagħha. Madankollu, din il-modulazzjoni, nieqsa minn kull rabta mal-aġir tal-operatur tal-vettura jew tas-sewwieq tagħha, ma tiħux inkunsiderazzjoni n-natura u l-gravità tal-ksur imwettaq. Kif ikkonstatat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-awtorità kompetenti ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni, bħala eżempju, id-distanza koperta mingħajr il-ħlas tal-pedaġġ meħtieġ. L-ammont tal-multa li tissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa għaldaqstant b’rata fissa u ma jvarjax la skont il-kilometri koperti mingħajr awtorizzazzjoni, u lanqas bl-istess mod skont il-fatt li t-trasgressur ħallas jew ma ħallasx minn qabel l-ammont ta’ pedaġġ għal itinerarju partikolari.

48

Barra dan, konformement mar-rekwiżiti tad-Direttiva 1999/62, li jidhru, b’mod partikolari fl-Artikoli 7 sa 7k tagħha, is-sistema ta’ pedaġġ tat-toroq inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet iddisinjata b’tali mod li l-kontribuzzjonijiet tal-utenti għall-manteniment tal-infrastruttura huma proporzjonali għall-użu tagħhom ta’ din l-infrastruttura u tieħu inkunsiderazzjoni tal-kategorija ta’ emmissjonijiet li taħtha taqa’ l-vettura użata. Madankollu, l-assenza ta’ modulazzjoni tal-multi skont is-severità tal-ksur imwettaq jista’ jmur kontra dan il-prinċipju ta’ parteċipazzjoni.

49

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-applikazzjoni ta’ multa b’ammont b’rata fissa għal kull ksur ta’ ċerti obbligi previsti mil-liġi, mingħajr modulazzjoni tal-ammont tal-imsemmija multa skont il-gravità tal-ksur, tidher li ma hijiex proporzjonata fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (ara s-entenza tad-9 ta’ Frar 2012, Urbán, C-210/10, EU:C:2012:64, punt 41).

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domandi hija li l-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit ta’ proporzjonalità msemmi fih jipprekludi sistema ta’ sanzjonijiet, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprevedi għall-impożizzjoni ta’ multa b’ammont b’rata fissa għall-ksur kollu, tkun xi tkun in-natura u l-gravità tiegħu, tar-regoli dwar l-obbligu ta’ ħlas minn qabel tal-pedaġġ għall-użu tal-infrastruttura tat-toroq.

Fuq it-tielet domanda

51

Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62 għandu jiġi interpretat fis-sens li li r-rekwiżit ta’ proporzjonalità, imsemmi fih, jipprekludi, minn naħa, li sistema ta’ sanzjonijiet, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi responsabbiltà oġġettiva tal-awturi tal-ksur, u, min-naħa l-oħra, il-livell ta’ sanzjonijiet previsti minn din is-sistema.

52

Għandu jitfakkar li kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Anness 9 tad-Digriet tal-Gvern Nru 410/2007 jqiegħed lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli tal-implementazzjoni tiegħu f’sitwazzjoni ta’ kompetenza marbuta fir-rigward tas-somma f’daqqa tal-multa prevista f’każ ta’ ksur tal-liġi dwar il-pedaġġi tat-toroq. Għaldaqstant, dawn l-awtoritajiet ma għandhomx għad-dispożizzjoni tagħhom il-fakultà li jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi konkreti u speċifiċi ta’ kull każ u, għalhekk, li jadattaw dan l-ammont għal dawn iċ-ċirkustanzi.

53

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kompatibbiltà, mal-proporzjonalità, tal-istabbiliment ta’ responsabbiltà oġġettiva, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet ripetutament li tali sistema ta’ li tissanzjona ksur ta’ regolament ma hijiex, per se, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Frar 2012, Urbán, C-210/10, EU:C:2012:64, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-istabbiliment ta’ sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva ma hijiex sproporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija, meta din is-sistema tkun tali li tħeġġeġ lill-persuni kkonċernati sabiex josservaw id-dispożizzjonijiet ta’ regolament u meta l-għanijiet segwiti jkollhom interess ġenerali li jista’ jiġġustifika l-istabbiliment ta’ tali sistema (is-sentenza tad-9 ta’ Frar 2012, Urbán, C-210/10, EU:C:2012:64, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Għandu jitfakkar, imbagħad, li d-Direttiva 1999/62 tobbliga lill-leġiżlaturi nazzjonali sabiex jimponu ħlas ta’ miżata fuq vetturi li jġorru merkanzija tqila għall-użu tal-infrastrutturi tat-toroq. Is-sistema nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tittrasponi din id-direttiva, tipprevedi li l-operaturi ta’ dawn il-vetturi huma suġġetti għal miżata għall-użu ta’ dawn l-infrastrutturi u tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet intiżi li jiggarantixxu l-osservanza tal-obbligu tal-ħlas. Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-ksur ta’ dan l-obbligu jseħħ meta l-utent ta’ infrastruttura tat-toroq tal-pedaġġ ma jħallasx, qabel jużaha, l-ammont tal-pedaġġ meħtieġ. Għalhekk, tali sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva tinkoraġġixxi l-operaturi ta’ vetturi li jġorru merkanzija tqila li jiċċirkulaw li jħallsu minn qabel l-ammont tal-pedaġġ li huma dovuti jħallsu.

56

Peress li, minn naħa, l-imsemmija sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva hija ta’ natura li tinkoraġġixxi lill-operaturi ta’ vetturi sabiex josservaw l-obbligi ta’ ħlas minn qabel tal-miżati dovuti għall-użu tal-infrastruttura tat-toroq u li, min-naħa l‑oħra, l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni Ungeriża, jiġifieri l-ġlieda kontra d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni, bejn l-impriżi ta’ trasport u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, huma ta’ interess ġenerali, l-istabbiliment, minn din il-leġiżlazzjoni, ta’ sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva tista’ tiġi kkunsidrata bħala li hija ġġustifikata.

57

Għalhekk, l-istabbiliment ta’ sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissanzjona l-ksur tal-imsemmija obbligi, ma hijiex, minnha nnifisha, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

58

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-iffissar tal-ammont ta’ multi li jikkorrispondi għal kull tip ta’ ksur, previst mis-sistema ta’ sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha titfakkar il-ġurisprudenza, iċċitata fil-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza, skont liema l-Istati Membri huma kompetenti sabiex jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrulhom adegwati. Madankollu, dawn tal-aħħar huma marbuta li jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipji ġenerali tiegħu, u, konsegwentement, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għalhekk, il-miżuri repressivi ma għandhomx, b’mod partikolari, imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija b’mod leġittimu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u, barra minn hekk, ma għandhomx ikunu sproporzjonati fil-konfront ta’ dawn l-għanijiet.

59

Madankollu, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jorbot lill-Istati Membri mhux biss f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-elementi li jikkostitwixxu ksur u d-determinazzjoni tar-regoli relattivi għall-intensità tal-multi, iżda wkoll f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-multa (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Frar 2012, Urbán, C-210/10, EU:C:2012:64, punt 54, kif ukoll tad-19 ta’ Ottubru 2016, EL-EM-2001, C-501/14, EU:C:2016:777, punt 41).

60

Filwaqt li dan ġie ppreċiżat, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu impost fuq l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati li jissanzjonaw il-ksur tal-obbligi ta’ ħlas ta’ miżati għall-użu ta’ infrastruttura tat-toroq u jimponu multa b’rata fissa ta’ ammont bejn HUF 140000 u HUF 165000 (madwar EUR 454 sa EUR 535), mingħajr ma huma jkunu jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi konkreti u speċifiċi ta’ kull każ jew, jekk ikun il-każ, li jnaqqsu l-ammont ta’ din il-multa, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet imposti mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza.

61

Għalhekk, is-sistema ta’ sanzjonijiet Ungeriża tidher sproporzjonata, b’mod partikolari fil-kawżi bħal dawk fil-kawża prinċipali.

62

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li huwa stabbilit li, minn naħa, fil-Kawża C-497/15, is-sewwieq tal-vettura kkonċernata, minħabba f’żball fis-sistema ta’ navigazzjoni, qabeż il-ħruġ li kellu joħroġ minnu sabiex jitlaq mill-awtostrada sabiex isegwi t-traġitt tiegħu fi triq ta’ ketgorija inferjuri, li għaliha kellu awtorizzazzjoni ta’ użu. Għaldaqstant, dan is-sewwieq kopra madwar 5 km fuq din l-awtostrada mingħajr ma ħallas minn qabel il-pedaġġ, peress li s-sezzjoni inkwistjoni hija parallela għat-triq ta’ kategorija inferjuri. L-ammont dovut għat-traġitt ta’ 5 km mwettaq fuq l-awtostrada kien inqas minn dak iffatturat għall-użu tas-sezzjoni komparabbli tat-triq ta’ kategorija inferjuri. Kif ikkonstatat il-qorti tar-rinviju, permezz ta’ dan il-ksur, Euro-Team, la kisbet xi vantaġġ u lanqas ikkawżat dannu finanzjarju għall-baġit tal-Istat.

63

Minn naħa l-oħra, fil-Kawża C-498/15, is-sewwieq tal-vettura inkwistjoni, li kellu fil-pussess tiegħu permess li juża infrastruttura tat-toroq għal itinerarju differenti, ħallas l-ammont tal-pedaġġ meħtieġ, fuq inizjattiva tiegħu stess, wara li kkonstata l-iżball tiegħu u waqqaf il-vettura tiegħu fuq il-korsija ta’ emerġenza tal-awtostrada, peress li ma setax idawwar il-vettura tiegħu. F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan is-sewwieq uża bi żball awtostrada għal 20 minuta, minħabba l-fatt li huwa naqas milli jieħu l-ħruġ previst. F’dan il-każ ukoll, konformement għall-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, Spirál-Gép la kisbet vantaġġ u lanqas ikkawżat dannu.

64

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel nett, fir-rigward tal-kundizzjoni skont liema l-miżura repressiva ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament mixtieqa mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li huwa possibbli wkoll, għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li jilħqu l-għanijiet intiżi permezz ta’ miżuri inqas restrittivi, peress li, il-ksur imwettaq ma jikkawżax preġudizzju għall-għanijiet mixtieqa mid-Direttiva 1999/62, jiġifieri l-armonizzazzjoni ta’ sistemi ta’ taxxi kif ukoll l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ġusti għall-impożizzjoni ta’ ħlas għall-ispejjeż ta’ infrastruttura fuq dawk li jġorru l-merkanzija bl-art, bil-għan tal-eliminazzjoni ta’ distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn intrapriżi tat-trasport fl-Istati Membri.

65

It-tieni nett, fir-rigward tal-kundizzjoni skont liema l-miżura repressiva ma għandhiex tkun sproporzjonata fil-konfront tal-għanijiet imsemmija jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C-497/15 li l-ammont tal-multa imposta fuq Euro-Team hija iktar minn 500 darba ogħla mill-ammont tal-pedaġġ mhux imħallas li huwa inqas mill-ammont li ġie effettivament imħallas għas-sezzjoni komparabbli tat-triq Nru 5. Fil-Kawża C-498/15, il-qorti tar-rinviju indikat li dan l-ammont huwa iktar minn 87 darba ogħla mill-ammont ta’ pedaġġ imħallas tardivament. Konsegwentement, il-livell tas-sanzjoni jidher, fil-kawżi prinċipali, bħala sproporzjonat fil-konfront tal-ksur imwettaq.

66

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit ta’ proporzjonalità, intiż minnu ma jipprekludix sistema ta’ sanzjonijiet, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi responsabbiltà oġġettiva. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi l-livell tas-sanzjoni previst minn din is-sistema.

Fuq l-ispejjeż

67

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi, kif emendata bid-Direttiva 2011/76/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2011, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit ta’ proporzjonalità, imsemmi fih, jipprekludi sistema ta’ sanzjonijiet, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ multa b’ammont b’rata fissa għall-ksur kollu, tkun xi tkun in-natura u l-gravità tiegħu, taħt ir-regoli dwar l-obbligu ta’ ħlas minn qabel tal-pedaġġ għall-użu tal-infrastruttura tat-toroq.

 

2)

L-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62, kif emendata bid-Direttiva 2011/76, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit ta’ proporzjonalità, imsemmi fih, ma jipprekludix sistema ta’ sanzjonijiet, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi responsabbiltà oġġettiva. Min-naħa l-oħra għandu jiġi interpretat li jipprekludi l-livell tas-sanzjoni prevista minn din is-sistema.

 

Firem


( 1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.