SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

13 ta’ Settembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Kunċett ta’ ‘għajnuna mogħtija mill-Istati jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat’ – Obbligu għal kumpannija b’kapital azzjonarju tas-settur tal-enerġija, miżmuma fl-intier tagħha mill-Istat, li tixtri l-enerġija prodotta mill-koġenerazzjoni bil-produzzjoni tas-sħana”

Fil-Kawża C-329/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Najwyższy (qorti suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ April 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Lulju 2015, fil-proċedura

ENEA S.A.

vs

Prezes Urzędu Regulacji Energetyki,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet, E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Jannar 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal ENEA S.A., minn K. Cichocki u T. Młodawski, radcowie prawni,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Rzotkiewicz kif ukoll minn K. Rudzińska, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn É. Gippini Fournier kif ukoll K. Herrmann u P. Němečková, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-22 ta’ Marzu 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-Artikolu 108(3) TFUE.

2

Din it-talba saret fil-kuntest ta’ tilwima bejn ENEA S.A. u Prezes Urzędu Regulacji Energetyki (president tal-uffiċċju għall-kontroll tal-enerġija, il-Polonja) (iktar ’il quddiem l-“URE”) fir-rigward ta’ sanzjoni pekunjarja imposta fuqha wara l-ksur tal-obbligu tagħha ta’ xiri ta’ elettriku prodott mill-koġenerazzjoni bil-produzzjoni tas-sħana (iktar ’il quddiem l-“elettriku prodott mill-koġenerazzjoni”) li joriġina minn sorsi tal-enerġija marbuta man-netwerk li jinsab fit-territorju Pollakk.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 9a(8) tal-Ustawa Prawo Energetyczne (liġi dwar l-enerġija), tal-10 ta’ April 1997 (Dz. U. Nru 135, Pożizzjoni 1144), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Enerġija”), jipprovdi:

“Impriża tal-elettriku li tipproduċi jew tikkummerċjalizza l-elettriku u tbigħu lill-utenti finali konnessi man-netwerk fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja għandha, skont kif iddefinit mid-dispożizzjonijiet adottati fuq il-bażi tal-paragrafu 10, tixtri [l-elettriku prodott mill-koġenerazzjoni] li joriġina minn sorsi ta’ enerġija marbuta man-netwerk u li jinsab fit-territorju Pollakk.”

4

L-Artikolu 56(1)(1a) tal-Liġi dwar l-Enerġija jipprovdi:

“Hija suġġetta għal sanzjoni pekunjarja kull persuna:

(1a)

li ma tosservax l-obbligu tagħha li tikseb ċertifikat tal-oriġini u tippreżentah għall-clearance lill-President tal-URE jew li ma tagħmilx il-ħlas kumpensatorju, konformement mal-Artikolu 9a(1), jew li ma tosservax l-obbligu tagħha li tixtri elettriku u sħana previst fl-Artikolu 9a(6) sa (8)”.

5

L-Artikolu 56(2) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Is-sanzjoni pekunjarja prevista fil-paragrafu 1 hija applikata mill-President tal-[URE].”

6

L-Artikolu 56(2b) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Ir-rikavat mis-sanzjonijiet pekunjarji applikati fil-każijiet stabbiliti fil-paragrafu 1(1a), minħabba ksur tal-obbligi previsti fl-Artikoli 9a(1) u (6) sa (8), għandu jmur għan-Narodowy Fundusz Ochrony Środowiska i Gospodarki Wodnej (fond nazzjonali għall-protezzjoni tal-ambjent u l-amministrazzjoni tal-ilma).”

7

Skont l-Artikolu 5(2) tar-rozporządzenie Ministra Gospodarki i Pracy w sprawie szczegółowego zakresu obowiązku zakupu energii elektrycznej wytwarzanej w skojarzeniu z wytwarzaniem ciepła (regolament ta’ implementazzjoni tal-Ministru tal-Ekonomija u tax-Xogħol dwar l-estent preċiż tal-obbligu ta’ xiri tal-elettriku prodott mill-koġenerazzjoni), tad-9 ta’ Diċembru 2004:

“L-obbligu previst fl-Artikolu 9a(8) tal-Liġi [dwar l-Enerġija] huwa meqjus issodisfatt jekk l-elettriku mixtri prodott minn sorsi magħquda ta’ enerġija marbuta man-netwerk jew prodott mill-impriża tal-elettriku kkonċernata mis-sorsi magħquda tal-enerġija tagħha stess u mibjugħ lil kiljenti li jixtru elettriku għall-bżonnijiet tagħhom stess jirrappreżenta, fil-bejgħ totali annwali ta’ elettriku lill-klijenti inkwistjoni, parti tal-inqas ugwali għal:

[…]

2)

15 % fl-2006”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Il-Liġi dwar l-Enerġija kienet tipprevedi, għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u l-1 ta’ Lulju 2007, sistema ta’ sostenn għall-produzzjoni tal-elettriku mill-koġenerazzjoni permezz ta’ obbligu ta’ xiri. Dan l-obbligu kien jipprevedi l-impriżi li jbigħu elettriku lill-utenti finali, inklużi l-produtturi u l-fornituri li jintervjenu bħala intermedjarji. Dan kien jikkonsisti fl-impożizzjoni fuq dawn l-impriżi li parti, f’dan il-każ 15 % għas-sena 2006, mill-bejgħ tal-elettriku kollu tagħhom lill-utenti finali tkun toriġina mill-produzzjoni tal-elettriku mill-koġenerazzjoni.

9

ENEA hija kumpannija miżmuma 100 % mill-Istat Pollakk li tipproduċi u tbigħ l-elettriku. Hija osservat l-obbligu tagħha ta’ xiri tal-elettriku prodott mill-koġenerazzjoni, għas-sena 2006, biss fl-ammont ta’ 14.596 %. Konsegwentement, il-President tal-URE, b’deċiżjoni tas-27 ta’ Novembru 2008, imponielha sanzjoni pekunjarja.

10

ENEA ressqet azzjoni kontra din id-deċiżjoni, li ġiet miċħuda fl-ewwel istanza. Is-sanzjoni pekunjarja tnaqqset fl-appell filwaqt li l-kumplament tat-talba ġie miċħud. B’hekk ENEA ressqet appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Insostenn ta’ dan tal-aħħar, hija ssostni, għall-ewwel darba, li l-obbligu ta’ xiri ta’ elettriku prodott mill-koġenerazzjoni jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ġdida, li hija illegali, peress li din l-għajnuna ma ġietx innotifikat lill-Kummissjoni Ewropea. Minn dan jirriżulta, skontha, li s-sanzjoni pekunjarja ma setgħetx validament tiġi applikata.

11

Fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kundizzjonijiet marbuta mal-għoti ta’ vantaġġ selettiv kif ukoll mal-possibbiltà ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri huma ssodisfatti. Hija tqis ukoll li l-obbligu ta’ xiri huwa impost fuq l-Istat sa fejn dan jirriżulta mil-liġi. Madankollu, hija għandha dubji fir-rigward tal-eżistenza ta’ intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

12

F’dan ir-rigward, is-Sąd Najwyższy (qorti suprema, il-Polonja) tispeċifika li ENEA kienet marbuta tbigħ lill-utenti finali tal-elettriku kwota minima ta’ elettriku prodott mill-koġenerazzjoni jew billi tiżgura hija stess il-produzzjoni ta’ elettriku ta’ din l-oriġini, jew billi tixtri dan it-tip ta’ elettriku minn produtturi terzi. F’dan il-każ tal-aħħar, il-prezz tax-xiri tal-elettriku prodott mill-koġenerazzjoni kien stabbilit bi ftehim reċiproku bejn l-impriża suġġetta għall-obbligu ta’ xiri u l-produttur ta’ dan it-tip ta’ elettriku.

13

Il-President tal-URE seta’, waqt l-approvazzjoni tat-tariffa għall-kumpanniji tal-elettriku, jiddetermina l-livell tal-prezz tal-elettriku prodott mill-koġenerazzjoni li huwa jikkunsidra bħala spiża raġonevoli fil-kalkolu tal-prezz massimu għall-bejgħ tal-elettriku lill-utenti finali.

14

Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li l-kawża prinċipali għandha aspetti simili ħafna għall-kawża li wasslet għas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C-379/98, EU:C:2001:160), sa fejn l-obbligu ta’ xiri impost fuq l-impriżi huwa ffinanzjat permezz tar-riżorsi tagħhom stess. Madankollu, kuntrarjament għall-kawża li wasslet għal din is-sentenza, f’din il-proċedura tal-kawża prinċipali, il-parti l-kbira tal-impriżi li għandhom ir-responsabbiltà li jimplementaw b’mod effettiv l-obbligu ta’ xiri huma impriżi pubbliċi, miżmuma 100 % mill-Istat Pollakk. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tippronunzja ruħha fuq l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza tagħha, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi fattwali tal-kawża prinċipali.

15

Huwa f’dan il-kuntest li s-Sąd Najwyższy (qorti suprema, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 107 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ xiri [tal-elettriku prodott mill-koġenerazzjoni] kif stabbilit [mil-leġiżlazzjoni nazzjonali] jikkostitwixxi għajnuna pubblika?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 107 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija tal-elettriku, trattata bħala emanazzjoni ta’ Stat Membru li kienet obbligata tissodisfa l-obbligu kklassifikat bħala ‘għajnuna pubblika’, tista’ tinvoka ksur tal-imsemmi artikolu quddiem qorti nazzjonali?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel żewġ domandi, l-Artikolu 107 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas ta’ konformità tal-obbligu li joħroġ mil-liġi nazzjonali mal-Artikolu 107 TFUE jeskludi l-possibbiltà li tiġi imposta sanzjoni pekunjarja fuq impriża li naqset milli tissodisfa dan l-obbligu?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

16

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 107(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li miżura nazzjonali li timponi fuq impriżi kemm privati kif ukoll pubbliċi obbligu ta’ xiri ta’ elettriku prodott mill-koġenerazzjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

17

Qabel xejn, għandu jitfakkar li l-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tippresupponi li huma ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet, jiġifieri li jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li dan l-intervent ikun kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, li dan l-intervent jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu u li dan l-intervent iwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun, C-72/91 u C-73/91, EU:C:1993:97, punt 18, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C-262/12, EU:C:2013:851, punt 15).

18

Mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li din tal-aħħar tqis li t-tliet kundizzjonijiet tal-aħħar huma ssodisfatti.

19

Għaldaqstant, l-ewwel domanda għandha tiġi rriformulata bħala li hija intiża li tiddetermina jekk l-Artikolu 107(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq impriżi kemm privati kif ukoll pubbliċi obbligu ta’ xiri ta’ elettriku prodott mill-koġenerazzjoni tikkostitwixxi intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

20

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat (sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, EU:C:2002:294, punt 24, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et,C-262/12, EU:C:2013:851, punt 16).

21

Fl-ewwel lok, sabiex tiġi evalwata l-imputabbiltà ta’ miżura lill-Istat, għandu jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi kinux involuti fl-adozzjoni ta’ din il-miżura (sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, EU:C:2002:294, punt 52, u tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C-262/12, EU:C:2013:851, punt 17).

22

F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-obbligu ta’ provvista ta’ elettriku prodott mill-koġenerazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie stabbilit mil-Liġi dwar l-Enerġija tant li din il-miżura għandha titqies li hija imputabbli lill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C-262/12, EU:C:2013:851, punt 18).

23

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kundizzjoni marbuta ma’ intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, hija involuta l-għajnuna mogħtija direttament mill-Istat iżda wkoll dik mogħtija minn organi pubbliċi jew privati istitwiti jew intiżi minn dan tal-aħħar sabiex jiġġestixxu l-għajnuna (sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1977, Steinike & Weinlig, 78/76, EU:C:1977:52, punt 21, u tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, EU:C:2001:160, punt 58).

24

Miżura li tikkonsisti, b’mod partikolari, f’obbligu ta’ xiri ta’ enerġija tista’ għalhekk taqa’ taħt il-kunċett ta’ “għajnuna” minkejja li din ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C-262/12, EU:C:2013:851, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Fil-fatt, l-Artikolu 107(1) TFUE jinkludi l-mezzi pekunjarji kollha li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw sabiex isostnu impriżi, irrispettivament minn jekk dawn il-mezzi jkunux assi permanenti tal-Istat jew le. Anki jekk is-somom li jikkorrispondu mal-miżura ta’ għajnuna ma humiex kontinwament fil-pussess tat-Teżor pubbliku, il-fatt li dawn huma kontinwament taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa suffiċjenti sabiex jiġu kklassifikati bħala “riżorsi tal-Istat” (sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, EU:C:2002:294, punt 37; tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C-206/06, EU:C:2008:413, punt 70, u tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C-262/12, EU:C:2013:851, punt 21).

26

Tali ipoteżi għandha madankollu titqies differenti minn dik li fiha impriżi, fil-parti l-kbira tagħhom privati, ma jkunux inkarigati mill-Istat sabiex jiġġestixxu riżorsi tal-Istat, iżda jkunu biss marbuta b’obbligu ta’ xiri permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom (sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C-206/06, EU:C:2008:413, punt 74, u tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C-262/12, EU:C:2013:851, punt 35).

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-mekkaniżmu inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jikkonsisti fl-impożizzjoni fuq il-fornituri tal-elettriku li jbigħu parti mill-elettriku prodott mill-koġenerazzjoni li tirrappreżenta 15 % tal-bejgħ annwali ta’ elettriku tagħhom lill-utenti finali.

28

Il-President tal-URE approva t-tariffi massimi tal-bejgħ tal-elettriku lill-utenti finali b’tali mod li l-oneru finanzjarju li jirriżulta minn dan l-obbligu ta’ xiri ma setax sistematikament jingħadda mill-impriżi fuq l-utenti finali.

29

Mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta għalhekk li, f’ċerti ċirkustanzi, il-fornituri tal-elettriku jiksbu l-elettriku prodott mill-koġenerazzjoni bi prezz ogħla minn dak applikat fil-kuntest tal-bejgħ lill-utenti finali, u dan iwassal għal spiża addizzjonali għalihom.

30

Għalhekk, fl-assenza ta’ trasferiment integrali ta’ tali spiża addizzjonali fuq l-utent finali, tal-finanzjament tagħha permezz ta’ kontribuzzjoni obbligatorja imposta mill-Istat Membru jew ukoll ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens integrali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C-206/06, EU:C:2008:413, u tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C-262/12, EU:C:2013:851), għandu jitqies, bħalma qies l-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-impriżi ta’ provvista ma kinux inkarigati mill-Istat sabiex jiġġestixxu riżorsi tal-Istat, iżda ffinanzjaw obbligu ta’ xiri impost fuqhom permezz tar-riżorsi tagħhom stess.

31

Fir-rigward tal-argument, imressaq minn ENEA u l-Kummissjoni, li l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu ta’ xiri kienet taqa’ fil-parti l-kbira tagħha fuq impriżi pubbliċi rregolati mid-dritt privat, li jippermetti li jitqies li l-imsemmi obbligu kien iffinanzjat permezz ta’ riżorsi tal-Istat, għandu jitfakkar li riżorsi ta’ impriżi pubbliċi jistgħu jitqiesu li huma riżorsi tal-Istat meta dan ikun jista’, bl-eżerċizzju tal-influwenza dominanti tiegħu, jorjenta l-użu tagħhom sabiex jiffinanzja vantaġġi favur impriżi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, EU:C:2002:294, punt 38).

32

Issa, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 91, 94 sa 96 u 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt biss li l-Istat kellu l-parti l-kbira tal-kapital ta’ parti mill-impriżi suġġetti għall-obbligu ta’ xiri ma jippermettix, fil-kawża prinċipali, li jiġi dedott li kien hemm influwenza dominanti li tippermetti li jiġi orjentat l-użu tar-riżorsi ta’ dawn l-impriżi fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti.

33

Jidher, fil-fatt, li l-obbligu ta’ xiri japplika mingħajr ebda distinzjoni fuq il-fornituri tal-elettriku, indipendentement minn jekk il-kapital tagħhom huwiex fil-parti l-kbira tiegħu miżmum mill-Istat jew minn operaturi privati.

34

Barra minn hekk, mill-informazzjoni mgħoddija lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-seduta, ma jirriżultax li l-aġir ta’ ENEA kien dettat minn struzzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi. Għall-kuntrarju, ġie indikat li d-deċiżjoni li jiġu rrifjutati offerti ta’ bejgħ ta’ elettriku prodott mill-koġenerazzjoni matul is-sena 2006 kienet riżultat ta’ deċiżjonijiet kummerċjali meħuda b’awtonomija sħiħa.

35

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni ssostni, l-imputabbiltà tal-miżura lill-Istat Membru kkonċernat, kif ikkonstatat fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, ma tippermettix li jiġi dedott li hemm influwenza dominanti ta’ dan l-Istat fi ħdan impriża li fiha huwa azzjonist maġġoritarju fis-sens tas-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C-482/99, EU:C:2002:294, punti 3839). Fil-fatt, ebda element f’dan is-sens ma jista’ jiġi dedott fir-rigward tal-azzjoni tal-Istat fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist maġġoritarju fi ħdan impriża mill-intervent ta’ dan tal-aħħar fil-kwalità tiegħu ta’ leġiżlatur.

36

Fir-rigward tal-argument ta’ ENEA relatat mal-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja, li l-ammont tagħha huwa intiż għal fond nazzjonali għall-protezzjoni tal-ambjent u l-amministrazzjoni tal-ilma pubbliku, fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ xiri, għandu jiġi kkonstatat li ebda informazzjoni mgħoddija lill-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermetti li jiġi ddeterminat jekk is-somom hekk miġbura ġewx allokati jew le, fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, sabiex isostnu l-impriżi li jipproduċu elettriku prodott mill-koġenerazzjoni.

37

Għaldaqstant, għall-ewwel domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq impriżi kemm privati kif ukoll pubbliċi obbligu ta’ xiri ta’ elettriku prodott mill-koġenerazzjoni ma tikkostitwixxix intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

38

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domandi.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq impriżi kemm privati kif ukoll pubbliċi obbligu ta’ xiri ta’ elettriku prodott mill-koġenerazzjoni bil-produzzjoni tas-sħana ma tikkostitwixxix intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.