SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

5 ta’ April 2017 ( *1 )

“Rinvinju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi — Direttiva 2004/17/KE — Kuntratt li ma jilħaqx il-limitu previst minn din id-direttiva — Artikoli 49 u 56 TFUE — Limitazzjoni fl-użu tas-subkuntrattar — Preżentazzjoni ta’ offerta konġunta — Kapaċitajiet professjonali tal-offerenti — Emendi tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt”

Fil-Kawża C-298/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Ġunju 2015, fil-proċedura

“Borta” UAB

vs

Klaipėdos valstybinio jūrų uosto direkcija VĮ,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, A. Borg Barthet, E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2016, ikkunsidrat l-osservazzjonijiet imressqa:

għal “Borta” UAB, minn V. Kilišauskaitė, advokatė,

għal Klaipėdos valstybinio jūrų uosto direkcija VĮ, minn N. Šilaika, advokatas, kif ukoll minn A. Vaitkus, A. Kamarauskas, I. Vaičiulis u L. Rudys,

għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas kif ukoll minn A. Svinkūnaitė u R. Butvydytė, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-1 ta’ Diċembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1336/2013, tat-13 ta’ Diċembru 2011 (ĠU 2013, L 335, p. 17) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/17”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Borta” UAB (iktar ’il quddiem “Borta”) u Klaipėdos valstybinio jūrų uosto direkcija VĮ (direttorat tal-port marittimu nazzjonali ta’ Klaipėda, il-Litwanja) (iktar ’il quddiem l-“awtorità tal-port”), dwar il-legalità tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt pubbliku għal xogħlijiet ta’ rikostruzzjoni tal-mollijiet ta’ dan il-port.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 9 tad-Direttiva 2004/17 tiddikjara:

“(9)

Sabiex jiġi garantit il-ftuħ għall-kompetizzjoni ta’ kuntratti ta’ akkwist pubbliku mogħtija minn entitajiet li qed joperaw f’setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġijia, it-trasport u tal-posta, huwa ta’ parir li jitfasslu dispożizzjonijiet għal koordinazzjoni tal-Komunità ta’ kuntratti ’l fuq minn ċertu valur. […]

Għal kuntratti pubbliċi li l-valur tagħhom huwa inqas minn dak li jċaqlaq l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ kordinazzjoni Komunitarja, huwa ta’ parir li titfakkar il-ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti ta’ Ġustizzja skont liema r-regoli u l-prinċipji tat-Trattati riferiti fuq japplikaw.”

4

L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva jistipula:

“[…] Din id-Direttiva għandha tapplika għall-kuntratti li l-valur stmat tagħhom eskluża t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ikun mhux inqas mil-limiti minimi li ġejjin:

[…]

b)

5,186,000 EUR fil-każ ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet.”

5

L-Artikolu 37 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Fid-dokumenti tal-kuntratt, l-entità kontraenti tista’ tistaqsi, jew tista’ tinħtieġ minn Stat Membru li tistaqsi lill-persuna li tagħmel l-offerti biex tindika fl-offerta tagħha kull sehem tal-kuntratt li għandu l-ħsieb biex jghaddi subcontract lil partijiet terzi u kull sotto-kuntrattur propost. Din l-indikazzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwistjoni ta’ l-obbligu ta’ l-operatur ekonomiku ewlieni.”

6

Skont l-Artikolu 38 tad-Direttiva 2004/17:

“Entitajiet kontraenti jistgħu jippreskrivu kondizzjonijiet speċjali li għandhom x’jaqsmu mat-twettieq ta’ kuntratt, basta li dawn huma kompatibbli mal-liġi Komunitarja u huma ndikati fl-avviż użat bħala mezz ta’ sejħa għall-kompetizzjoni jew fl-ispeċifikazzjonijiet. […]”

7

L-Artikolu 54 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Entitajiet kontraenti li jistabbilixxu kriterji ta’ għażla fi proċedura miftuħa għandhom jagħmlu dan bi qbil ma’ regoli u kriterji oġġettivi li huma disponibbli għal operaturi ekonomiċi interessati.

[…]

6.   Fejn il-kriterji riferiti f’paragrafi 1 u 2 jinkludu ħtiġijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-abilitajiet tekniċi u/jew professjonali ta’ l-operatur ekonomiku, dan ta’ l-aħħar jista’ fejn ikun meħtieġ u għal kuntratt partikolari jistrieħ fuq l-abilitajiet ta’ entitajiet oħra, tkun xi tkun in-natura legali tar-rabta bejnu u bejn dawk l-entitajiet. F’dan il-każ l-operatur ekonomiku jrid jagħti xhieda lill-entità kontraenti li għat-twettieq tal-kuntratt dawk ir-risorsi se jkunu disponibbli lilha, per eżempju billi jwassal impriża permezz ta’ dawk l-entitajiet biex jagħmel ir-rizorsi meħtieġa disponibbli lill-operatur ekonomiku.

Fuq l-istess kondizzjonijiet, grupp ta’ operaturi ekonomiċi kif riferit fl-Artikolu 11 jista’ jistrieħ fuq l-abilitajiet ta’ parteċipanti fil-grupp jew ta’ entitajiet oħra.”

8

L-Anness XVI tal-istess direttiva, intitolat “Tagħrif li jrid jiġi inkluż fl-avviż tal-għoti tal-kuntratt”, jipprovdi, fil-parti I tiegħu:

“I.

Informazzjoni għall-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea:

[…]

10.

Fejn adatt, dikjarazzjoni dwar jekk il-kuntratt ġiex sottokuntrattat jew jistax jiġi sottokuntrattat.

[…]

13.

Tagħrif b’għażla:

il-valur u s-sehem tal-kuntratt li ġie sottokuntrattat jew li jista’ jiġi sottokuntrattat lil partijiet terzi,

[…]”

Id-dritt Litwan

Il-liġi Litwana dwar il-kuntratti pubbliċi

9

L-Artikolu 24(5) tal-Lietuvos Respublikos viešųjų pirkimų įstatymas (liġi Litwana dwar il-kuntratti pubbliċi, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-kuntratti pubbliċi”) jipprovdi:

“Id-dokumenti tas-sejħa għal offerti jeżiġu li l-kandidat jew l-offerent jindika, fl-offerta tiegħu, kwalunkwe subkuntratturi […] li huwa jipprevedi li juża, u jistgħu jeżiġu li l-kandidat jew l-offerent jindika, fl-offerta tiegħu, is-sehem mill-kuntratt li huwa jipprevedi li se jiġi ssubkuntrattat lil subkuntratturi […]. Fil-każ ta’ użu ta’ subkuntratturi sabiex jiġi eżegwit kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, l-offerent rebbieħ ikun marbut li jwettaq ix-xogħlijiet prinċipali, kif iddefiniti mill-awtorità kontraenti. […]”

10

Skont l-Artikolu 27(4) tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi:

“L-awtorità kontraenti tista’, qabel tmiem il-perijodu tal-preżentazzjoni tal-offerti, tispjega (tippreċiża) id-dokumenti tas-sejħa għal offerti.”

11

L-Artikolu 32(3) tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi jipprovdi li, meta jkun meħtieġ, f’kuntest speċifiku ta’ sejħa għal offerti, offerent jista’ joqgħod fuq il-kapaċitajiet ta’ operaturi ekonomiċi oħrajn, irrispettivament min-natura ġuridika tar-rabtiet tiegħu magħhom. F’tali każ, l-offerent ikun marbut juri lill-awtorità kontraenti li huwa jkun jista’ jkollu dawn ir-riżorsi sabiex jeżegwixxi l-kuntratt. F’dawn l-istess ċirkustanzi, grupp ta’ operaturi ekonomiċi jista’ jibbaża ruħu fuq il-kapaċitajiet tal-membri tiegħu jew ta’ operaturi ekonomiċi oħra.

L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali

12

Skont il-klawżola 3.2.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar ir-rekwiżiti marbuta mal-kapaċitajiet professjonali tal-offerenti:

“Il-volumi annwali medji tal-offerenti għax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ istallazzjoni essenzjali (kostruzzjoni jew tiġdid tal-mollijiet tal-port marittimu) matul l-aħħar ħames snin jew matul il-perijodu dekorribbli mid-data ta’ reġistrazzjoni tal-offerent (jekk l-offerent eżerċita l-attività tiegħu għal inqas minn ħames snin) għandhom ikunu tal-inqas LTL 5000000 [litas Litwani] (EUR 1448100.09 euros) minbarra l-VAT.”

13

Il-klawżola 4.2.3 ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li tkopri l-preżentazzjoni minn diversi offerenti ta’ offerta konġunta fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ assoċjazzjoni, tipprovdi:

“L-impenji tal-imsieħba li jaġixxu bl-għan li jeżegwixxu l-kuntratt u l-parti f’perċentwali ta’ dawn l-impenji għandhom ikunu previsti permezz ta’ kuntratt ta’ assoċjazzjoni […]. [Dan] it-tqassim tal-volum tas-servizzi japplika biss għall-imsieħba u bl-ebda mod ma jorbot lill-klijent ([l-awtoità tal-port]).”

14

Il-klawżola 4.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, fil-verżjoni li tirriżulta mir-reviżjonijiet suċċessivi tagħhom, tipprovdi:

“Meta l-offerta tintbagħat minn fornituri li joperaw taħt kuntratt ta’ assoċjazzjoni, tal-inqas parti waħda [għal dan il-kuntratt] jew l-imsieħba kollha li joperaw taħt dan il-kuntratt […], meqjusa fit-totalità tagħhom, għandhom jissodisfaw il-[klawżola] 3.2.1 […] tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Il-kontribuzzjoni ta’ sieħeb (il-volum ta’ xogħlijiet imwettqa) fil-kuntest tal-[kuntratt ta’ assoċjazzjoni] għandha tkun proporzjonata mal-kontribuzzjoni tiegħu […] biex tissodisfa r-rekwiżit [tal-klawżola] 3.2.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, kif ukoll mal-volum tax-xogħlijiet imwettqa wara li fil-fatt jingħata l-kuntratt (fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt). […] L-awtorità tal-port tiddetermina, konformement mal-Artikolu 24(5) tal-Liġi […] dwar il-kuntratti pubbliċi, li x-xogħlijiet prinċipali jikkostitwixxu l-punt 1.2.8 tal-parti “kostruzzjoni” tal-lista kwantitattiva tax-xogħlijiet, konsegwentement, l-offerent rebbieħ huwa marbut li jwettaq huwa stess dawn ix-xogħlijiet.”

15

Il-klawżola 4.4 tal-istess speċifikazzjonijiet tal-kuntratt tispeċifika li, fil-każ ta’ użu ta’ subkuntratturi, l-offerent għandu jindika l-volum tax-xogħlijiet li dawn tal-aħħar għandhom iwettqu, fil-limitu tax-xogħlijiet ikklassifikati bħala “mhux prinċipali”, u żżid li l-esperjenza ta’ dawn is-subkuntratturi ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni għall-verifika tar-rekwiżiti previsti fil-klawżola 3.2.1.

16

Il-klawżola 7.2 ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tippermetti lill-awtorità tal-port tispeċifika, fuq inizjattiva tagħha, id-dokumenti tas-sejħa għal offerti qabel l-iskadenza tat-terminu tal-preżentazzjoni tal-offerti.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Fit-2 ta’ April 2014, l-awtorità tal-port ippubblikat sejħa għal offerti għall-għoti, skont proċedura miftuħa, ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet intiżi għat-tiġdid tal-mollijiet tal-port marittimu nazzjonali ta’ Klaipėda (il-Litwanja). Din is-sejħa għal offerti kienet ġiet ippubblikata wkoll fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-5 ta’ April 2014. Borta pparteċipat fil-proċedura ta’ aġġudikazzjoni ta’ dan il-kuntratt.

18

Fil-verżjoni inizjali tagħhom, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jiġbru, fil-klawżola 4.3 tagħhom, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24(5) tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi fil-qasam tas-subkuntrattar u kienu jipprovdu, inter alia, li, fil-każ ta’ preżentazzjoni minn diversi offerenti ta’ offerta konġunta fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ assoċjazzjoni konformement mal-klawżola 4.2.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (iktar ’il quddiem l-“offerta konġunta”), ir-rekwiżiti applikabbli fir-rigward tal-kapaċitajiet professjonali stabbiliti fil-klawżola 3.2.1 tagħhom kellhom ikunu ssodisfatti mill-offerenti kollha meqjusa flimkien jew minn wieħed minn fosthom.

19

Fit-tmiem ta’ żewġ reviżjonijiet suċċessivi, li minnhom waħda saret fuq inizjattiva tal-awtorità tal-port u l-oħra wara lmenti mressqa minn Borta, l-imsemmija klawżola 4.3 żżid ma’ dawn il-preskrizzjonijiet li, fil-każ tal-preżentazzjoni ta’ tali offerta konġunta, il-kontribuzzjoni ta’ kull offerent sabiex jissodisfa r-rekwiżiti hawn fuq indikati għandha tikkorrispondi, proporzjonalment, għall-parti mix-xogħlijiet li dan jintrabat li jwettaq konformement mal-kuntratt ta’ assoċjazzjoni u li huwa fil-fatt jeżegwixxi fil-każ li jingħata l-kuntratt.

20

Minħabba dawn ir-reviżjonijiet, ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-awtorità tal-port estendiet it-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti.

21

Peress li din l-awtorità ċaħdet l-ilmenti ġodda mressqa minn Borta kontra l-aħħar waħda minn dawn ir-reviżjonijiet, din il-kumpannija adixxiet lil Klaipėdos apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Klaipėda, il-Litwanja) b’azzjoni intiża għall-annullament tal-klawżola 4.3 hawn fuq imsemmija, billi kkontestat kemm il-legalità tal-kontenut tagħha kif ukoll il-possibbiltà stess li l-imsemmija awtorità temendaha. Peress li din l-azzjoni ġiet miċħuda b’deċiżjoni ta’ din il-qorti tat-18 ta’ Awwissu 2014, ikkonfermata fl-appell b’digriet tal-Lietuvos apeliacinis teismas (qorti tal-appell tal-Litwanja) tat-13 ta’ Novembru 2014, Borta ressqet appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema tal-Litwanja).

22

Sabiex issolvi t-tilwima adita biha, din il-qorti tal-aħħar tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mad-Direttiva 2004/17, tal-Artikolu 24(5) tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, li għalih il-klawżola 4.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirreferi, sa fejn dan l-artikolu jipprekludi l-użu tas-subkuntrattar għax-xogħlijiet ikklassifikati bħala “prinċipali” mill-awtorità kontraenti. Hija għandha wkoll dubji fir-rigward tal-legalità, fid-dawl ta’ din id-direttiva, tal-imsemmija klawżola 4.3, kif irriveduta, sa fejn din il-klawżola teħtieġ, fil-każ ta’ preżentazzjoni ta’ offerta konġunta minn diversi offerenti, li l-kontribuzzjoni ta’ kull wieħed minnhom sabiex ikunu ssodisfatti r-rekwiżiti applikabbli fil-qasam tal-kapaċitajiet professjonali għandha tikkorrispondi, proporzjonalment, mal-parti mix-xogħlijiet li huwa fil-fatt għandu jeżegwixxi fil-każ li l-kuntratt jingħata lilhom. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk l-awtorità tal-port setgħetx temenda l-ewwel verżjoni ta’ din l-istess klawżola wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt, mingħajr ma tkun qiegħda tmur kontra din id-direttiva, u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza li joħorġu minnha.

23

Din il-qorti tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tippronunzja ruħha, fuq bażi preliminari, fir-rigward ta’ dawn id-domandi. Ċertament, il-valur tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa inqas mil-limitu ta’ EUR 5186000 previst fl-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/17, li taħtu din tal-aħħar ma hijiex applikabbli. Madankollu, minn naħa, dan il-kuntratt jippreżenta interess transkonfinali ċert, kif jikkonfermaw il-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ aġġudikazzjoni ta’ żewġ impriżi barranin, li fosthom jinsab l-offerent rebbieħ, u l-pubblikazzjoni tas-sejħa għal offerti fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, l-awtorità tal-port intendiet, fi kwalunkwe każ, tissuġġetta din is-sejħa għal offerti għar-regoli applikabbli għall-kuntratti pubbliċi previsti fid-Direttiva 2004/17 u l-leġiżlatur Litwan għażel li jestendi xi wħud mir-regoli stabbiliti minn din id-direttiva għall-kuntratti ta’ valur inqas mil-limitu hawn fuq imsemmi.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“(1)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 37, 38, 53 u 54 tad-Direttiva 2004/17, moqrija flimkien jew separatament (iżda mingħajr limitazzjoni) għandhom jinftiehmu u jiġu interpretati fis-sens li:

(a)

dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, f’każ ta’ użu ta’ sottokuntratturi bil-għan li jiġi eżegwit kuntratt tax-xogħol, ix-xogħlijiet prinċipali, kif definiti mill-Awtorità kontraenti, għandhom jitwettqu mill-kontraent?

(b)

dawn jipprekludu modalitajiet, iddefiniti fid-dokumenti ta’ sejħa għal offerti, li jippermettu li jingħaqdu f’gruppi l-kapaċitajiet professjonali tal-fornituri, bħal dawk iddefiniti mill-Awtorità kontraenti [fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni], li jeħtieġu li l-parti relatata mal-kapaċitajiet professjonali tal-operatur ekonomiku kkonċernat (ta’ parti għall-[kuntratt] ta’ assoċjazzjoni) għandha tikkorrispondi b’mod proporzjonali mal-parti tax-xogħlijiet li jwettaq realment fil-kuntest tal-kuntratt pubbliku?

(2)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 10, 46, 53 u 47 tad-Direttiva 2004/17, moqrija flimkien jew separatament (iżda mingħajr limitazzjoni) għandhom jinftiehmu u jiġu interpretati fis-sens li:

(a)

il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti u ta’ trasparenza ma humiex miksura meta l-Awtorità kontraenti:

tiddefinixxi minn quddiem fid-dokumenti ta’ sejħa għal offerti possibbiltà ġenerali ta’ ggruppar tal-kapaċitajiet professjonali tal-fornituri, iżda mhux il-modalitajiet konkreti tagħha ta’ implementazzjoni;

tiddefinixxi iktar speċifikament wara, matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, il-kundizzjonijiet ta’ evalwazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-fornituri billi jiġu previsti ċerti limitazzjonijiet għall-iggruppar tal-kapaċitajiet professjonali tal-fornituri;

jew testendi, minħabba din id-definizzjoni iktar speċifika tal-kontenut tal-ħtiġijiet ta’ klassifikazzjoni, it-terminu […] ta’ preżentazzjoni tal-offerti u tiddikjara din l-estenzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali?

(b)

limitazzjoni tal-iggruppar tal-kapaċitajiet tal-fornituri ma għandhiex tkun ċarament iddikjarata minn quddiem jekk, minħabba l-ispeċifiċità tal-attività tal-Awtorità kontraenti u tal-karatteristiċi tal-kuntratt pubbliku, din tista’ tkun prevista u ġġustifikata?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

25

Il-Gvern Litwan sostna, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu kif ukoll waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li, sabiex tingħata risposta għad-domandi mressqa, kellha tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss id-Direttiva 2004/17, iżda wkoll id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243), sa fejn il-leġiżlatur Litwan għażel li jintegra fid-dritt intern tiegħu ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/25, qabel l-adozzjoni stess tagħha, b’mod partikolari l-Artikolu 79(3) tagħha, dwar is-subkuntrattar.

26

B’mod kuntrarju, il-Kummissjoni Ewropea sostniet li la d-Direttiva 2004/17 u lanqas id-Direttiva 2014/25 ma kellhom għal xiex jiġu interpretati, iżda għad-domandi mressqa kellha tingħata risposta fid-dawl tar-regoli fundamentali u tal-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE.

27

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-Direttiva 2014/25, għandu qabelxejn jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-direttiva applikabbli hija, bħala prinċipju, dik li tkun fis-seħħ fil-mument li fih l-awtorità kontraenti tagħżel it-tip ta’ proċedura li għandha ssegwi u tiddeċiedi b’mod definittiv il-kwistjoni ta’ jekk hemmx obbligu jew le li ssir sejħa għal offerti qabel l-għoti ta’ kuntratt pubbliku. Min-naħa l-oħra, huma inapplikabbli d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha skada wara dan il-mument (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz, C-324/14, EU:C:2016:214, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Issa, fil-każ ineżami, is-sejħa għal offerti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet ippubblikata fit-2 ta’ April 2014, filwaqt li d-Direttiva 2014/25 daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ April 2014 u ħassret id-Direttiva 2004/17 b’effett mit-18 ta’ April 2016, data li fiha skada t-terminu għat-traspożizzjoni tagħha. Barra minn hekk, minkejja li l-Gvern Litwan jallega li integra fid-dritt intern tiegħu ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/25 qabel l-adozzjoni stess tagħha, dan il-gvern jammetti wkoll, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li din id-direttiva ma kinitx għadha ġiet trasposta fid-data tal-fatti rilevanti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Direttiva 2014/25 ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tingħata risposta għad-domandi mressqa.

30

Fir-rigward, fit-tieni lok, tad-Direttiva 2004/17, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu valur inqas mil-limitu ta’ EUR 5186000 previst fl-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/17. Għaldaqstant, din id-direttiva ma hijiex applikabbli għal dan il-kuntratt (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ April 2015, Enterprise Focused Solutions, C-278/14, EU:C:2015:228, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni fir-rigward tad-domandi mressqa u li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva huma ġġustifikati għar-raġunijiet esposti fil-punt 23 ta’ din is-sentenza.

32

Matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Litwan, li jaqbel mal-analiżi tal-qorti tar-rinviju, speċifika li, skont il-leġiżlazzjoni Litwana, l-entità kontraenti tista’ tagħżel li tissuġġetta l-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt li l-valur tiegħu huwa inqas mil-limitu hawn fuq imsemmi, jew għar-regoli stabbiliti mid-Direttiva 2004/17 jew għall-proċedura ssimplifikata prevista mid-dritt nazzjonali għal dan it-tip ta’ kuntratti. Jekk, bħal fil-każ ineżami, din l-entità tagħżel l-ewwel alternattiva, hija tkun marbuta, skont dan il-gvern, tapplika d-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva.

33

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tikkonforma ruħha, għas-soluzzjonijiet li hija tipprovdi għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-att tal-Unjoni kkonċernat, ma’ dawk adottati minn dan l-att, huwa ċertament fl-interess tal-Unjoni li, sabiex jiġu evitati diverġenzi futuri ta’ interpretazzjoni, id-dispożizzjonijiet riprodotti ta’ dan l-att għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan, C-583/10, EU:C:2012:638, punt 46, u tas-7 ta’ Novembru 2013, Romeo, C-313/12, EU:C:2013:718, punt 22).

34

B’hekk, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ att tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu hija ġġustifikata meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu saru applikabbli għal tali sitwazzjonijiet mid-dritt nazzjonali b’mod dirett u mhux ikkundizzjonat, sabiex jiġi żgurat trattament identiku għal dawn is-sitwazzjonijiet u għal dawk li jaqgħu f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan, C‑583/10, EU:C:2012:638, punt 47; tas-7 ta’ Novembru 2013, Romeo, C-313/12, EU:C:2013:718, punti 2223, kif ukoll tal-14 ta’ Jannar 2016, Ostas celtnieks, C‑234/14, EU:C:2016:6, punt 20).

35

B’dan premess, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li, meta l-kundizzjonijiet esposti fiż-żewġ punti preċedenti ta’ din is-sentenza ma jkunux issodisfatti, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, sabiex tipprovdi risposta utli lill-qorti li għamlitilha domanda preliminari, titwassal sabiex tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li għalihom din il-qorti ma rriferietx fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari (sentenza tas-16 ta’ April 2015, Enterprise Focused Solutions, C-278/14, EU:C:2015:228, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-għoti ta’ kuntratt li, fid-dawl tal-valur tiegħu, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli fundamentali u l-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari l-Artikoli 49 u 56 tiegħu, u kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li joħroġ minnhom, sa fejn il-kuntratt inkwistjoni jkollu interess transkonfinali ċert. Fil-fatt, minkejja li ma humiex koperti mid-Direttiva 2004/17, tali kuntratti jibqgħu suġġetti għall-osservanza ta’ dawn ir-regoli u prinċipji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Diċembru 2009, Serrantoni u Consorzio stabile edili, C-376/08, EU:C:2009:808, punti 22 sa 24; tat-18 ta’ Diċembru 2014, Generali-Providencia Biztosító, C-470/13, EU:C:2014:2469, punt 27, u tas-6 ta’ Ottubru 2016, Tecnoedi Costruzioni, C-318/15, EU:C:2016:747, punt 19).

37

Huwa fid-dawl tal-premess li għandu jiġi eżaminat, għal kull waħda mid-domandi mressqa, jekk l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/17 hijiex iġġustifikata fil-każ ineżami, filwaqt li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 33 u 34 ta’ din is-sentenza, jew jekk għal dawn id-domandi għandhiex tingħata risposta fid-dawl tar-regoli fundamentali u tal-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE hawn fuq imsemmija, filwaqt li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza.

Fuq id-domanda 1(a)

38

Permezz tad-domanda 1(a) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2004/17 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 24(5) tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, li tipprevedi li, fil-każ tal-użu ta’ subkuntratturi għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għal xogħlijiet, l-offerent rebbieħ għandu jwettaq huwa stess ix-xogħlijiet prinċipali, iddefiniti bħala tali mill-entità kontraenti.

39

B’mod preliminari, għandu jiġi enfasizzat li, fir-rigward tal-użu tas-subkuntrattar, id-Direttiva 2004/17 sempliċement tipprevedi, fl-Artikolu 37 u fl-Anness XVI tagħha, ċerti obbligi fil-qasam tal-informazzjoni u tar-responsabbiltà tal-offerent. Hija żżid, fl-Artikolu 38 tagħha, li l-entitajiet kontraenti jistgħu jeżiġu kundizzjonijiet partikolari dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratt sa fejn, b’mod partikolari, dawn il-kundizzjonijiet ikunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

40

Min-naħa l-oħra, kif il-qorti tar-rinviju rrilevat, din id-direttiva ma tinkludi ebda dispożizzjoni li l-kontenut tagħha huwa simili għal dak tal-Artikolu 24(5) tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi. Barra minn hekk, skont din il-qorti, il-leġiżlatur Litwan ma indikax li ħa inkunsiderazzjoni l-imsemmija direttiva meta adotta din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-Artikolu 24(5) tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, meta dan japplika għal kuntratti li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17, jagħmel riferiment dirett u mhux ikkundizzjonat għaliha, fis-sens tal-ġurisprudenza esposta fil-punt 34 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et, C-310/10, EU:C:2011:467, punt 45).

42

Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva ma hijiex iġġustifikata sabiex tingħata risposta għad-domanda 1(a).

43

B’dan premess, kif ġie espost fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, sabiex tagħti risposta utli għall-qorti tar-rinviju, titwassal sabiex tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli fundamentali u l-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari l-Artikoli 49 u 56 tiegħu u l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li joħorġu minnhom, sa fejn il-kuntratt inkwistjoni jkollu interess transkonfinali ċert.

44

Kuntratt jista’ jkollu tali interess fid-dawl b’mod partikolari tal-ammont tiegħu ta’ ċertu kobor, flimkien mal-karatteristiċi speċifiċi tiegħu jew ukoll il-lok fejn ix-xogħlijiet għandhom jiġu eżegwiti. Jista’ wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-interess tal-operaturi li jinsabu fi Stati Membri oħra li jipparteċipaw fil-proċedura tal-għoti ta’ dan il-kuntratt, bil-kundizzjoni li dan l-interess ikun reali u mhux fittizju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ April 2015, Enterprise Focused Solutions, C-278/14, EU:C:2015:228, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Issa, fil-każ ineżami, il-qorti tar-rinviju stabbilixxiet li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellu interess transkonfinali ċert. Kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tagħha, il-valur ta’ dan il-kuntratt, għalkemm inqas mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/17, huwa relattivament għoli. Barra minn hekk, kif il-Gvern Litwan enfasizza, dan il-kuntratt jikkonċerna il-kostruzzjoni ta’ mollijiet ta’ port marittimu ta’ importanza strateġika għas-sigurtà nazzjonali. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li żewġ impriżi barranin, li jinkludu l-offerent rebbieħ, ipparteċipaw fil-proċedura tas-sejħa għal offerti.

46

Minn dan isegwi li d-domanda 1(a) ma hemmx lok li tingħata risposta fid-dawl tar-regoli fundamentali u tal-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari tal-Artikoli 49 u 56 tiegħu. B’mod partikolari, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi vverifikat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 24(5) tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, tistax tikkostitwixxi ostaklu mhux iġġustifikat għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

47

Għal dan l-għan, għandu jitfakkar li l-Artikoli 49 u 56 TFUE jipprekludu kull miżura nazzjonali li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità, hija ta’ natura li tipprojbixxi, tostakola jew trendi inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2005, Contse et, C-234/03, EU:C:2005:644, punt 25; tat-23 ta’ Diċembru 2009, Serrantoni u Consorzio stabile edili, C-376/08, EU:C:2009:808, punt 41, u tat-8 ta’ Settembru 2016, Politanò, C-225/15, EU:C:2016:645, punt 37).

48

Fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi, huwa fl-interess tal-Unjoni li l-ftuħ ta’ sejħa għal offerti għall-kompetizzjoni tkun l-iktar estiża possibbli, inklużi l-kuntratti li ma jaqgħux taħt id-Direttiva 2004/17 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Consorzio Stabile Libor Lavori Pubblici, C-358/12, EU:C:2014:2063, punt 29, u tat-28 ta’ Jannar 2016, CASTA et, C-50/14, EU:C:2016:56, punt 55). L-użu tas-subkuntrattar, li jista’ jiffavorixxi l-aċċess ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju għall-kuntratti pubbliċi, jikkontribwixxi sabiex jintlaħaq dan l-għan.

49

Issa, dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 24(5) tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, tista’ tipprekludi, tostakola jew trendi inqas attraenti l-parteċipazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stati Membri oħra fil-proċedura tal-għoti jew fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li din tipprekludi lil dawn l-operaturi kemm milli jissubkuntrattaw lil terzi x-xogħlijiet kollha kklassifikati bħala “prinċipali” mill-awtorità kontraenti jew parti minnhom, kif ukoll milli jipproponu s-servizzi tagħhom bħala subkuntratturi għal din il-parti mix-xogħlijiet.

50

Għaldaqstant, din d-dispożizzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

51

Madankollu, tali restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata sa fejn din trid tilħaq għan leġittimu ta’ interess ġenerali u sa fejn din tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri hija adatta sabiex tiggarantixxi li dan l-għan jiġi milħuq u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2005, Conste et, C-234/03, EU:C:2005:644, punt 25, u tat-23 ta’ Diċembru 2009, Serrantoni u Consorzio stabile edili, C‑376/08, EU:C:2009:808, punt 44).

52

Fil-kawża prinċipali, mill-proċess disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li l-Artikolu 24(5) tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi huwa intiż sabiex jiggarantixxi eżekuzzjoni korretta tax-xogħlijiet. B’hekk, din id-dispożizzjoni kienet ġiet adottata partikolarment sabiex tostakola prattika eżistenti li permezz tagħha offerent jevoka kapaċitajiet professjonali biss sabiex jieħu l-kuntratt inkwistjoni, bil-ħsieb li ma jeżegwixxix huwa stess ix-xogħlijiet, iżda jgħaddi l-parti l-kbira jew kważi t-totalità tagħhom lil subkuntratturi, prattika li taffettwa l-kwalità tax-xogħlijiet u t-twettiq tajjeb tagħhom. Min-naħa l-oħra, billi jillimita l-użu tas-subkuntrattar għax-xogħlijiet ikklassifikati bħala “mhux prinċipali”, l-Artikolu 24(5) tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi huwa intiż sabiex jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju fil-kuntratti pubbliċi bħala koofferenti fi ħdan grupp ta’ operaturi ekonomiċi iktar milli bħala subkuntratturi.

53

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-għan marbut mal-eżekuzzjoni korretta tax-xogħlijiet, għandu jiġi kkunsidrat li dan huwa leġittimu.

54

Madankollu, minkejja li ma huwiex eskluż li tali għan jista’ jiġġustifika ċerti limitazzjonijiet għall-użu tas-subkuntrattar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2004, Siemens u ARGE Telekom, C-314/01, EU:C:2004:159, punt 45, u tal-14 ta’ Lulju 2016, Wrocław - Miasto na prawach powiatu, C-406/14, EU:C:2016:562, punt 34), għandu jiġi kkunsidrat li dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 24(5) tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan, sa fejn din tipprojbixxi b’mod ġenerali tali użu għax-xogħlijiet ikklassifikati bħala “prinċipali” mill-entità kontraenti.

55

Fil-fatt, din il-projbizzjoni tapplika indipendentement mis-settur ekonomiku kkonċernat mill-kuntratt inkwistjoni, min-natura tax-xogħlijiet u mill-kwalifiki tas-subkuntratturi. Barra minn hekk, din il-projbizzjoni ġenerali ma tħallix spazju għal evalwazzjoni każ b’każ minn din l-entità.

56

Ċertament, l-entità kontraenti tibqa’ libera sabiex tiddefinixxi x-xogħlijiet li għandhom jiġu kklassifikati bħala “prinċipali”. Madankollu, hija xorta waħda tibqa’ marbuta li tipprevedi, għall-kuntratti kollha, li dawn ix-xogħlijiet kollha jitwettqu mill-offerent innifsu. B’hekk, l-Artikolu 24(5) tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi jipprekludi l-użu tas-subkuntrattar għal dawn ix-xogħlijiet, inkluż fil-każijiet fejn l-entità kontraenti tkun f’pożizzjoni li tivverifika l-kapaċitajiet tas-subkuntratturi kkonċernati u tqis, wara din il-verifika, li tali projbizzjoni ma tkunx meħtieġa għall-eżekuzzjoni tajba tax-xogħlijiet fid-dawl, partikolarment, tan-natura tax-xogħlijiet li l-offerent ikollu l-ħsieb li jiddelega lil dawn is-subkuntratturi.

57

Kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tagħha, miżura alternattiva inqas restrittiva u li tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan imfittex setgħet tkun dik li l-offerenti jkunu meħtieġa li jindikaw, fl-offerta tagħhom, il-parti mill-kuntratt u x-xogħlijiet intiżi li jiġu ssubkuntrattati, is-subkuntratturi proposti u l-kapaċitajiet tagħhom. Tista’ wkoll tkun prevista, b’mod partikolari, il-possibbiltà għall-entità kontraenti li tipprojbixxi lill-offerenti milli jibdlu s-subkuntratturi jekk din l-entità ma setgħetx, minn qabel, tivverifika l-identità u l-kapaċità ta’ dawn tal-aħħar.

58

Mill-bqija, sa fejn il-qorti tar-rinviju u l-Gvern Litwan isostnu li l-Artikolu 24(5) tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi ġie adottat sabiex jostakola prattika eżistenti li l-offerenti jinvokaw kapaċitajiet professjonali biss sabiex jieħdu l-kuntratt ikkonċernat bil-ħsieb li jgħaddu l-parti l-kbira jew kważi t-totalità tax-xogħlijiet lil subkuntratturi, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni ma tipprevedix speċifikament tali prattika. B’hekk, hija tipprekludi lill-offerent milli jiddelega t-twettiq tax-xogħlijiet kollha kklassifikati bħala “prinċipali” mill-entità kontraenti, inklużi xogħlijiet li jirrappreżentaw biss, proporzjonalment, parti insinjifikattiva minn dawn ix-xogħlijiet. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tostakola l-prattika hawn fuq imsemmija.

59

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ġustifikazzjoni dedotta mill-inkoraġġiment tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju sabiex jipparteċipaw f’kuntratt bħala koofferenti iktar milli bħala subkuntratturi, ċertament ma huwiex eskluż li tali għan jista’, f’ċerti ċirkustanzi u taħt ċerti kundizzjonijiet, jikkostitwixxi għan leġittimu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, Geurts u Vogten, C-464/05, EU:C:2007:631, punt 26).

60

Madankollu, u fi kwalunkwe każ, ma hemm ebda informazzjoni disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tindika kif dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 24(5) tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, hija neċessarja sabiex jintlaħaq dan l-għan.

61

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għad-domanda 1(a) għandha tingħata risposta li, fir-rigward ta’ kuntratt pubbliku li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17, iżda għandu interess transkonfinali ċert, l-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 24(5) tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, li tipprevedi li, fil-każ tal-użu ta’ subkuntratturi għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għal xogħlijiet, l-offerent rebbieħ għandu jwettaq huwa stess ix-xogħlijiet prinċipali, iddefiniti bħala tali mill-entità kontraenti.

Fuq it-tieni domanda

62

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2004/17 u, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li joħorġu minn din id-direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jippermettu lill-entità kontraenti temenda, wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt, ċerti klawżoli tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, bħall-klawżola 4.3 inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ladarba din l-entità estendiet, minħabba l-emendi effettwati, li ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, it-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti.

63

B’mod preliminari, għandu jiġi enfasizzat li tali possibbiltà li jiġu emendati d-dokumenti ta’ sejħa għal offerti hija prevista fl-Artikolu 27(4) tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi.

64

Issa, kif il-qorti tar-rinviju enfasizzat fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, id-Direttiva 2004/17 ma tinkludi ebda dispożizzjoni f’dan ir-rigward.

65

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-Artikolu 27(4) tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, meta dan japplika għal kuntratti li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, jagħmel riferiment dirett u mhux ikkundizzjonat għaliha, fis-sens tal-ġurisprudenza esposta fil-punt 34 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et, C-310/10, EU:C:2011:467, punt 45).

66

Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva ma hijiex iġġustifikata sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda.

67

B’dan premess, sabiex tingħata risposta utli għall-qorti tar-rinviju, hemm lok, għar-raġunijiet esposti fil-punti 43 sa 45 ta’ din is-sentenza, li din id-domanda tingħata risposta fid-dawl tar-regoli fundamentali u tal-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE, fosthom il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza, li joħorġu partikolarment mill-Artikoli 49 u 56 TFUE, u li dwarhom tistaqsi b’mod partikolari din il-qorti.

68

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-prinċipji jeżiġu b’mod partikolari li l-offerenti jkunu f’pożizzjoni ta’ ugwaljanza fil-mument li huma jippreparaw l-offerti tagħhom. L-obbligu ta’ trasparenza jipprevedi b’mod iktar partikolari li jiggarantixxi l-assenza ta’ favoritiżmu u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-entità kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2014, Cartiera dell’Adda, C-42/13, EU:C:2014:2345, punt 44, u tal-14 ta’ Lulju 2016, TNS Dimarso, C-6/15, EU:C:2016:555, punt 22).

69

Dawn il-prinċipji u obbligu jimplikaw b’mod partikolari li s-suġġett u l-kriterji tal-għoti tal-kuntratt ikkonċernat ikunu ddeterminati b’mod ċar mill-bidu tal-proċedura tal-għoti tiegħu u li l-kundizzjonijiet u modalitajiet tal-proċedura tal-għoti jkunu fformulati b’mod ċar, preċiż u univoku fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, b’mod, minn naħa, li l-offerenti kollha li jkunu raġonevolment informati u ta’ diliġenza ordinarja jkunu jistgħu jifhmu l-portata eżatta tagħhom u jinterpretawhom bl-istess mod u, min-naħa l-oħra, li l-entità kontraenti tkun f’pożizzjoni li tivverifika b’mod effettiv jekk l-offerti jikkorrispondux mal-kriterji li jirregolaw dan il-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-368/10, EU:C:2012:284, punti 56, 88109; tas-6 ta’ Novembru 2014, Cartiera dell’Adda, C-42/13, EU:C:2014:2345, punt 44, kif ukoll tal-14 ta’ Lulju 2016, TNS Dimarso, C-6/15, EU:C:2016:555, punt 23). L-obbligu ta’ trasparenza jfisser ukoll li s-suġġett u l-kriterji tal-għoti tal-kuntratt għandhom jiġu adegwatament ippubblikati min-naħa tal-entità kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2008, Lianakis et, C-532/06, EU:C:2008:40, punt 40).

70

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-entità kontraenti ma tistax, fil-prinċipju, temenda, matul il-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt, il-portata tal-kundizzjonijiet essenzjali tal-kuntratt, li fosthom jinsabu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-kriterji tal-għoti, u li fuqhom l-operaturi ekonomiċi interessati jkunu leġittimament ibbażaw ruħhom sabiex jieħdu d-deċiżjoni li jippreparaw il-preżentazzjoni ta’ offerta jew, b’mod kuntrarju, li jirrinunzjaw għall-parteċipazzjoni fil-proċedura tal-għoti tal-kuntratt ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-368/10, EU:C:2012:284, punt 55, u tas-16 ta’ April 2015, Enterprise Focused Solutions, C-278/14, EU:C:2015:228, punti 27 sa 29).

71

B’dan premess, ma huwiex dedott minn dan li kull emenda għall-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt hija, bħala prinċipju u fiċ-ċirkustanzi kollha, ipprojbita.

72

B’hekk, l-entità kontraenti għandha eċċezzjonalment il-possibbiltà li tikkoreġi jew tikkompleta d-data tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li tkun teħtieġ kjarifika sempliċi jew bl-iskop li tikkoreġi żbalji materjali manifesti, sakemm l-offerenti kollha jiġu informati b’dan (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et, C-599/10, EU:C:2012:191, punt 40).

73

Din l-entità għandha wkoll tkun awtorizzata tagħmel ċerti emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-kumulu tal-kapaċitajiet professjonali, sakemm il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza jkunu osservati.

74

Dan ir-rekwiżit ifisser, l-ewwel nett, li l-emendi kkonċernati, minkejja li jistgħu jkunu sinjifikattivi, ma għandhomx ikunu daqstant sostanzjali li jattiraw offerenti potenzjali li, fl-assenza ta’ dawn l-emendi, ma jkunux f’pożizzjoni li jippreżentaw offerta. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta l-emendi jrendu l-kuntratt sostanzjalment differenti fin-natura tiegħu minn dak li kien ġie ddefinit inizjalment.

75

It-tieni nett, dan ir-rekwiżit jimplika li dawn l-emendi jiġu adegwatament ippubblikati, b’mod li l-offerenti potenzjali kollha li jkunu raġonevolment informati u ta’ diliġenza ordinarja jkunu jistgħu jieħdu konjizzjoni tagħhom taħt l-istess kundizzjonijiet u fl-istess mument.

76

It-tielet nett, dan l-istess rekwiżit jippreżupponi wkoll, minn naħa, li dawn l-emendi jsiru qabel il-preżentazzjoni tal-offerti mill-offerenti, u, min-naħa l-oħra, li t-terminu għall-preżentazzjoni ta’ dawn l-offerti jiġi estiż meta dawn l-emendi jkunu sinjifikattivi, li t-tul ta’ din l-estensjoni jkun skont l-importanza ta’ dawn l-emendi u li dan it-tul ikun suffiċjenti sabiex l-operaturi ekonomiċi interessati jkunu konsegwentement jistgħu jadattaw l-offerta tagħhom.

77

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għat-tieni domanda għandha tingħata r-risposta li, fir-rigward ta’ kuntratt pubbliku li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17, iżda li għandu interess transkonfinali ċert, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li joħorġu b’mod partikolari mill-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux lill-entità kontraenti milli temenda, wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt, klawżola tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt dwar il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-kumulu ta’ kapaċitajiet professjonali, bħall-klawżola 4.3 inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm, l-ewwel nett, l-emendi effettwati ma jkunux daqstant sostanzjali li jattiraw offerenti potenzjali li, fl-assenza ta’ dawn l-emendi, ma jkunux jistgħu jressqu offerta, it-tieni nett, dawn l-emendi jiġu ppubblikati b’mod adegwat u, it-tielet nett, dawn isiru qabel il-preżentazzjoni ta’ offerti mill-offerenti, filwaqt li t-terminu għall-preżentazzjoni ta’ dawn l-offerti jiġi estiż meta l-emendi kkonċernati jkunu sinjifikattivi, it-tul ta’ din l-estensjoni jkun skont l-importanza ta’ dawn l-emendi u dan it-tul ikun suffiċjenti sabiex l-operaturi ekonomiċi interessati jkunu jistgħu konsegwentement jadattaw l-offerta tagħhom, u dan huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

Fuq id-domanda 1(b)

78

Permezz tad-domanda 1(b) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2004/17 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi klawżola ta’ speċifikazzjonijiet tal-kuntratt, bħall-klawżola 4.3 inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-każ ta’ preżentazzjoni ta’ offerta konġunta minn diversi offerenti, teħtieġ li l-kontribuzzjoni ta’ kull wieħed minnhom sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti applikabbli fil-qasam tal-kapaċitajiet professjonali tkun tikkorrispondi, proporzjonalment, mal-parti mix-xogħlijiet li huwa jkollu fil-fatt jeżegwixxi jekk jingħata l-kuntratt ikkonċernat.

79

B’mod preliminari, l-awtorità tal-port ippreċiżat, essenzjalment, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-klawżola 4.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni kellha tinqara flimkien mal-klawżola 4.2.3 ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Konformement ma’ din il-klawżola tal-aħħar, l-offerenti li jkunu jixtiequ jippreżentaw offerta konġunta għandhom jindikaw f’kuntratt ta’ assoċjazzjoni l-parti mix-xogħlijiet li kull wieħed minnhom jintrabat li jeżegwixxi, filwaqt li huwa speċifikat li dan il-qsim huwa liberament iddeterminat minn dawn l-offerenti. Din il-klawżola 4.3 tippermetti lil din l-awtorità li tivverifika, waqt l-eżami tal-offerti, li kull wieħed mill-offerenti kkonċernati għandu l-kapaċitajiet professjonali li jikkorrispondu proporzjonalment mal-parti mix-xogħlijiet li huwa jintrabat li jwettaq konformement ma’ dan il-kuntratt u li huwa għandu fil-fatt jeżegwixxi fil-każ li jingħata l-kuntratt.

80

B’hekk, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tagħha, il-klawżola 4.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija marbuta mal-għoti tal-kuntratt u, b’mod iktar partikolari, mal-possibbiltà għall-offerenti li jippreżentaw offerta konġunta li jiġbru l-kapaċitajiet professjonali tagħhom flimkien sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

81

Tali possibbiltà hija prevista fl-Artikolu 32(3) tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi.

82

Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din id-dispożizzjoni, li tapplika għall-kuntratti għal xogħlijiet kollha, ikun xi jkun il-valur tagħhom, tirripproduċi fedelment il-kontenut tal-Artikolu 54(6) tad-Direttiva 2004/17. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju indikat li, fit-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fid-dritt Litwan, il-leġiżlatur nazzjonali kien għażel li jestendi ċerti dispożizzjonijiet tagħha għall-kuntratti ta’ valur inqas mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 16(b) tal-istess direttiva, b’mod partikolari billi ppreveda dispożizzjonijiet simili expressis verbis għal dawk ta’ din l-istess direttiva.

83

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 54(6) tad-Direttiva 2004/17 sar applikabbli, b’mod dirett u mhux ikkundizzjonat, għall-kuntratti esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva permezz tal-Artikolu 32(3) tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi.

84

Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 33 u 34 ta’ din is-sentenza, id-domanda 1(b) għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 54(6) tad-Direttiva 2004/17.

85

Din id-dispożizzjoni tirrikonoxxi d-dritt ta’ kull operatur ekonomiku, meta l-entità kontraenti tistabbilixxi kriterju ta’ selezzjoni kwalitattiv li jinkludi rekwiżiti marbuta mal-kapaċitajiet tekniċi jew professjonali, li jinvoka, għal kuntratt partikolari, il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, tkun xi tkun in-natura ġuridika tar-rabtiet eżistenti bejnu u bejn dawn l-entitajiet, sa fejn ikun ipprovat għall-entità kontraenti li l-offerent fil-fatt se jkollu l-mezzi ta’ dawn l-entitajiet li huma neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz, C-324/14, EU:C:2016:214, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konformement ma’ din l-istess dispożizzjoni, dan id-dritt huwa estiż għall-gruppi ta’ operaturi ekonomiċi li jippreżentaw offerta konġunta, li jistgħu, taħt l-istess kundizzjonijiet, jinvokaw il-kapaċitajiet tal-parteċipanti tagħhom jew ta’ entitajiet oħra.

86

B’dan premess, id-Direttiva 2004/17 ma tipprekludix li l-eżerċizzju tad-dritt stipulat fl-Artikolu 54(6) tagħha jkun limitat f’ċirkustanzi eċċezzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz, C-324/14, EU:C:2016:214, punt 39).

87

B’mod partikolari, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċirkustanzi partikolari, fid-dawl tan-natura u tal-għanijiet ta’ kuntratt partikolari kif ukoll tax-xogħlijiet ikkonċernati, il-kapaċitajiet li entità terza jkollha, u li jkunu neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, ma jkunux jistgħu jingħataw lill-offerent ikkonċernat, b’mod li dan tal-aħħar ikun jista’ jipprevalixxi ruħu minn dawn il-kapaċitajiet biss jekk l-istess entità tipparteċipa direttament u personalment fl-eżekuzzjoni tal-istess kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz, C‑324/14, EU:C:2016:214, punt 41).

88

F’ċirkustanzi bħal dawn, l-entità kontraenti tista’, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni korretta ta’ dan il-kuntratt, tindika espressament, fid-dokumenti tal-kuntratt, regoli speċifiċi li skonthom operatur ekonomiku jkun jista’ jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, sa fejn dawn ir-regoli jkunu marbuta u proporzjonati mas-suġġett u mal-iskopijiet tal-istess kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz, C-324/14, EU:C:2016:214, punti 54 sa 56).

89

Bl-istess mod, ma jistax qabelxejn jiġi eskluż li, f’ċirkustanzi partikolari, fid-dawl tan-natura tax-xogħlijiet ikkonċernati kif ukoll tas-suġġett u tal-iskopijiet tal-kuntratt, il-kapaċitajiet tad-diversi parteċipanti fi grupp ta’ operaturi ekonomiċi li jippreżentaw offerta konġunta li jkunu neċessarji għall-eżekuzzjoni tajba ta’ dan il-kuntratt ma jkunux jistgħu jiġu trażmessi bejn dawn il-parteċipanti. F’tali każ, l-entità kontraenti jkollha għalhekk bażi tajba sabiex teżiġi li kull wieħed minn dawn il-parteċipanti jeżegwixxi x-xogħlijiet li jikkorrispondu mal-kapaċitajiet rispettivi tiegħu.

90

F’dan il-każ, l-awtorità tal-port u l-Gvern Litwan isostnu, essenzjalment, li l-klawżola 4.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex tevita li offerent jinvoka, sabiex jirbaħ is-sejħa għal offerti, kapaċitajiet li huwa ma jkunx intiż li juża, u, b’mod invers, li offerent ikun jista’ jaċċedi għall-kuntratt u jwettaq parti mix-xogħlijiet, mingħajr madankollu ma jkollu l-kapaċitajiet u l-mezzi neċessarji għall-eżekuzzjoni tajba ta’ dawn ix-xogħlijiet.

91

F’dan ir-rigward, ċertament ma jistax jiġi eskluż li, fid-dawl tat-tekniċità u tal-kobor tax-xogħlijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-eżekuzzjoni korretta tagħhom teżiġi li, fil-każ tal-peżentazzjoni ta’ offerta konġunta minn diversi offerenti, kull wieħed minnhom jeżegwixxi x-xogħlijiet speċifiċi li jikkorrispondu, fid-dawl tas-suġġett jew tan-natura ta’ dawn ix-xogħlijiet jew dmirijiet, mal-kapaċitajiet professjonali rispettivi tiegħu.

92

Madankollu, ma jidhirx li din hija l-portata tal-klawżola 4.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, kif l-Avukat Ġenerali essenzjalment irrilevat fil-punti 63 u 64 tal-konklużjonijiet tagħha, din il-klawżola teżiġi li jkun hemm korrispondenza purament aritmetika bejn il-kontribuzzjoni ta’ kull wieħed mill-offerenti kkonċernati sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti applikabbli fil-qasam tal-kapaċitajiet professjonali u l-parti mix-xogħlijiet li dan l-offerent jintrabat li jwettaq u li jkollu fil-fatt jeżegwixxi fil-każ li jingħata l-kuntratt. Mill-banda l-oħra, din il-klawżola ma tiħux inkunsiderazzjoni n-natura tax-xogħlijiet li għandhom jitwettqu minn kull offerent u lanqas il-kompetenzi tekniċi rispettivi ta’ kull wieħed minnhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-klawżola 4.3 ma tostakolax il-possibbiltà li wieħed mill-offerenti kkonċernati jwettaq kompiti speċifiċi li għalihom huwa ma jkollux, fil-fatt, l-esperjenza jew il-kapaċitajiet meħtieġa.

93

Barra minn hekk, l-awtorità tal-port u l-Gvern Litwan enfasizzaw li l-klawżola 4.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx tipprekludi lill-offerenti kkonċernati milli jużaw is-subkuntrattar għall-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ikklassifikati bħala “mhux prinċipali” u li, konformement mal-klawżola 4.4 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-kapaċitajiet professjonali tas-subkuntratturi ma kinux ivverifikati. Jekk dan huwa l-każ, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-imsemmija klawżola 4.3, minn naħa, ma tiggarantixxix li l-offerenti fil-fatt jużaw il-kapaċitajiet li huma ddikjaraw matul il-proċedura tal-għoti tal-kuntratt u li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtorità tal-port għall-finijiet tal-eżami tal-offerti. Min-naħa l-oħra, hija ma teskludix il-possibbiltà li x-xogħlijiet ikklassifikati bħala “mhux prinċipali” jitwettqu minn subkuntratturi li ma jkollhomx il-kapaċitajiet professjonali meħtieġa.

94

Minn dan isegwi li l-klawżola 4.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi l-ksib tal-għanijiet imfittxija.

95

Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-limitazzjoni tad-dritt previst fl-Artikolu 54(6) tad-Direttiva 2004/17 li tirriżulta minn din il-klawżola ma hijiex iġġustifikata fid-dawl tas-suġġett u tal-iskopijiet tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

96

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għad-domanda 1(b) għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 54(6) tad-Direttiva 2004/17 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi klawżola ta’ speċifikazzjonijiet ta’ kuntratt, bħall-klawżola 4.3 inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-każ ta’ preżentazzjoni ta’ offerta konġunta minn diversi offerenti, teħtieġ li l-kontribuzzjoni ta’ kull wieħed minnhom sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti applikabbli fil-qasam tal-kapaċitajiet professjonali tkun tikkorrispondi, proporzjonalment, mal-parti mix-xogħlijiet li huwa jkollu fil-fatt jeżegwixxi jekk jingħata l-kuntratt ikkonċernat.

Fuq l-ispejjeż

97

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Fir-rigward ta’ kuntratt pubbliku li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1336/2013, tat-13 ta’ Diċembru 2013, iżda li għandu interess transkonfinali ċert, l-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 24(5) tal-Lietuvos Respublikos viešųjų pirkimų įstatymas (liġi Litwana dwar il-kuntratti pubbliċi), li tipprevedi li, fil-każ tal-użu ta’ subkuntratturi għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għal xogħlijiet, l-offerent rebbieħ għandu jwettaq huwa stess ix-xogħlijiet prinċipali, iddefiniti bħala tali mill-entità kontraenti.

 

2)

Fir-rigward ta’ tali kuntratt pubbliku, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li joħorġu b’mod partikolari mill-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux lill-entità kontraenti milli temenda, wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt, klawżola tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt dwar il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-kumulu ta’ kapaċitajiet professjonali, bħall-klawżola 4.3 inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm, l-ewwel nett, l-emendi effettwati ma jkunux daqstant sostanzjali li jattiraw offerenti potenzjali li, fl-assenza ta’ dawn l-emendi, ma jkunux jistgħu jressqu offerta, it-tieni nett, dawn l-emendi jiġu ppubblikati b’mod adegwat u, it-tielet nett, dawn isiru qabel il-preżentazzjoni ta’ offerti mill-offerenti, filwaqt li t-terminu għall-preżentazzjoni ta’ dawn l-offerti jiġi estiż meta l-emendi kkonċernati jkunu sinjifikattivi, it-tul ta’ din l-estensjoni jkun skont l-importanza ta’ dawn l-emendi u dan it-tul ikun suffiċjenti sabiex l-operaturi ekonomiċi interessati jkunu jistgħu konsegwentement jadattaw l-offerta tagħhom, u dan huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

 

3)

L-Artikolu 54(6) tad-Direttiva 2004/17, kif emendata bir-Regolament Nru 1336/2013, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi klawżola ta’ speċifikazzjonijiet ta’ kuntratt, bħall-klawżola 4.3 inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-każ ta’ preżentazzjoni ta’ offerta konġunta minn diversi offerenti, teħtieġ li l-kontribuzzjoni ta’ kull wieħed minnhom sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti applikabbli fil-qasam tal-kapaċitajiet professjonali tkun tikkorrispondi, proporzjonalment, mal-parti mix-xogħlijiet li huwa jkollu fil-fatt jeżegwixxi jekk jingħata l-kuntratt ikkonċernat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.