SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

26 ta’ Ottubru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċeduri ta’ insolvenza — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Artikolu 5 — Kunċett ta’ ‘drittijiet in rem ta’ terzi persuni’ — Piż tad-dritt pubbliku fuq proprjetà immobbli u li jiggarantixxi l-ġbir tat-taxxa fuq l-art”

Fil-Kawża C‑195/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ April 2015, fil-proċedura

SCI Senior Home, taħt amministrazzjoni ġudizzjarja,

vs

Gemeinde Wedemark,

Hannoversche Volksbank eG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, M. Berger (Relatur), A. Borg Barthet, E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Marzu 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Mejju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn is-SCI Senior Home, taħt amministrazzjoni ġudizzjarja, irrappreżentata minn Pierre Mulhaupt, fil-kapaċità tiegħu bħala amministratur ġudizzjarju, u l-Gemeinde Wedemark (komun ta’ Wedemark, il-Ġermanja) flimkien ma’ Hannoversche Volksbank eG fir-rigward tal-bejgħ forzat ta’ proprjetà immobbli li tagħha hija l-proprjetarja Senior Home.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 24 u 25 tar-Regolament Nru 1346/2000 jiddikjaraw:

“(24)

L-għarfien awtomatiku ta’ proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] li għalihom normalment japplikaw il-liġijiet ta’ l-Istat li jiftahom jistgħu ifixklu l-liġijiet li bihom jitwettqu t-transazzjonijiet fl-Istati Membri [...]. Sabiex jitħarsu l-aspettativi leġittimi u iċ-ċertezza ta’ transazzjonijiet fi Stati Membri apparti minn dak ta’ fejn ikunu nfetħu l-proċedimenti, għandhom isiru dispożizzjonijiet għal numru ta’ eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali.

(25)

Hemm ħtieġa partikolari għal referenza speċjali li tkun differenti mil-liġi ta’ l-Istat li jiftaħ il-proċedimenti fil-każ tad-drittijiet in rem la darba dawn huma ta’ importanza konsiderevoli għal-ogħti ta’ kreditu. Il-bażi, il-validità u l-firxa ta’ dan id-dritt in rem għandu għalhekk normalment jiġi determinat bi qbil mal-lex situs u m’għandux ikun effettwat bil-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza]. Il-propjetarju tad-dritt in rem għandu għalhekk ikun jista’ jkompli jinsisti bid-dritt tiegħu ta’ segregazzjoni jew ta’ ftehim separat għal garanzija kollaterali. Meta l-assi huma suġġetti għad-drittijiet in rem tal-lex situs fi Stat Membru wieħed iżda l-proċedimenti prinċipali jitwettqu fi Stat Membru ieħor, il-likwidatur tal-proċedimenti prinċipli għandu jkun jista’ jitlob il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji fil-ġurisdizzjoni fejn joriġinaw id-drittijiet in rem jekk id-debitur ikollu stabbiliment hemmhekk. Jekk il-proċedimenti sekondarji ma jinfetħux, iż-żejjed mill-bejgħ ta’ l-assi koperti bid-drittijiet in rem għandu jitħallas lil-likwidatur tal-proċedimenti prinċipali.”

4

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1346/2000, intitolat “Liġi applikabbli”, jipprovdi:

“1.   Ħlief fejn ipprovdut b’mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] u l-effetti tagħhom għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura, minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala l-‘Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti’.

2.   Il-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-egħluq tagħhom. Għandu jiddetermina b’mod partikolari:

[...]

f)

l-effetti tal-proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali, bl-eċċezzjoni ta’ kawżi pendenti;

[...]

i)

ir-regoli li jirregolaw id-distribuzzjoni ta’ flejjes minn realiżazzjoni ta’ assi, il-prijoritajiet ta’ talbiet u d-dritt ta’ kredituri li ġew parzjalment sodisfatti wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment bis-saħħa tad-dritt in rem jew permezz ta’ kumpens b’bilanċ;

[...]”

5

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000, intitolat “Drittijiet ta’ partijiet terzi in rem”, jipprovdi:

“1.   Il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] m’għandux jaffettwa d-drittijiet in rem ta’ kredituri jew partijiet terzi rigward l-assi tanġibbli jew mhux tanġibbli, mobbli jew immobbli – it-tnejn assi speċifiċi u kollezzjonijiet ta’ assi indefiniti bħala massa li jinbidlu minn żmien għal żmien – li jappartieni għad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor fil-waqt tal-ftuħ tal-proċedimenti.

2.   Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom b’mod partikolari jfissru:

a)

id-dritt li jiddisponu mill-assi jew li dawn mogħtija u li jakkwistaw sodisfazzjon mill-introjtu ta’ jew id-dħul minn dawk l-assi, b’mod partikolari bis-saħħa ta’ lien jew ta’ ipoteka;

b)

id-dritt esklussiv li jkollhom talba milqugħa, b’mod partikolari dritt iggarantit b’lien fir-rigward ta’ talba jew ogħtja ta’ talba bħala garanzija;

c)

id-dritt li jitlob l-assi minn, u/jew li jeħtieġu restituzjoni minn, xi ħadd li jkollu l-pussess jew użu tagħhom kuntrarju tax-xewqat tal-parti hekk intitolata;

d)

id-dritt in rem għall-użu tajjeb ta’ l-assi.

3.   Id-dritt, irreġistrat f’reġistru pubbliku u enforzabbli kontra partijiet terzi, li permezz tiegħu dritt in rem fil-qofol tat-tifsira ta’ paragrafu 1 jista’ jiġi akkwistat, għandu jkun meqjus bħala dritt in rem.

[...]”

6

Skont l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1346/2000, intitolat “Dritt ta’ preżentazzjoni ta’ talbiet”:

“Xi kreditur li jkollu r-residenza abitwali tiegħu jew id-domiċilju jew l-uffiċju rreġistrat fi Stat Membru apparti minn dak l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti, inklużi l-awtoritajiet tat-taxxa u awtoritajiet tas-sigurtà soċjali ta’ Stati Membri, għandu jkollu d-dritt li jippreżenta talbiet bil-miktub fil-proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza].”

Id-dritt Ġermaniż

7

L-Artikolu 12 tal-Grundsteuergesetz (liġi dwar it-taxxa fuq l-art, iktar ’il quddiem il-“GrStG”), intitolat “Garanzija in rem” huwa fformulat kif ġej:

“It-taxxa fuq l-art tikkostitwixxi piż tad-dritt pubbliku fuq l-oġġett suġġett għat-taxxa.”

8

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 77(2) tal-Abgabenordnung (kodiċi tat-taxxi, iktar ’il quddiem l-“AO”) tipprevedi:

“Meta taxxa tikkostitwixxi piż tad-dritt pubbliku fuq il-proprjetà immobbli, il-proprjetarju għandu jittolera l-eżekuzzjoni forzata fuq l-istess proprjetà.”

9

L-Artikolu 10(1) taż-Zwangsversteigerungsgesetz (liġi dwar il-bejgħ forzat) jipprovdi:

“Id-dritt tal-kreditur għall-ħlas mill-prodott tal-proprjetà immobbli huwa suġġett għall-ordni li ġej [...]:

[...]

3.

l-arretrati tal-aħħar erba’snin ta’ dejn fuq ħlasijiet ta’ piżijiet tad-dritt pubbliku fuq il-proprjetà immobbli; il-benefiċċji perjodiċi, partikolarment it-taxxi fuq l-art, l-interessi, il-ħlasijiet addizzjonali u l-benefiċċji ġejjien minn dħul [...] jibbenefikaw minn dan id-dritt prijoritarju biss għas-somom għall-perijodu kurrenti u għall-arretrati tal-aħħar sentejn [...]

[...]”

Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Senior Home, société civile immobilière, irregolata taħt id-dritt Franċiż, hija proprjetarja ta’ proprjetà immobbli li tinsab f’Wedemark (il-Ġermanja). Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 2013, hija tqiegħdet taħt amministrazzjoni ġudizzjarja mit-tribunal de grande instance de Mulhouse (Franza).

11

Fil-15 ta’ Mejju 2013, il-komun ta’ Wedemark talab li jsir il-bejgħ forzat ta’ din il-proprjetà immobbli sabiex jinkiseb l-irkupru ta’ taxxi fuq l-art mhux imħallsa, għall-perijodu inkluż bejn l-1 ta’ Ottubru 2012 u t-30 ta’ Ġunju 2013, li kienu jammontaw għal EUR 7471.19, bis-saħħa ta’ titolu ta’ dejn fiskali eżekutorju.

12

Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2013, l-Amtsgericht Burgwedel (qorti distrettwali ta’ Burgwedel, il-Ġermanja) ordnat il-bejgħ forzat tal-imsemmija proprjetà immobbli. Ir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni minn Senior Home ma kellux eżitu. Wara li l-appell tagħha quddiem il-Landgericht Hannover (qorti reġjonali ta’ Hannover, il-Ġermanja) ma kellux suċċess, Senier Home, irrappreżentat minn P. Mulhaupt fil-kapaċità tiegħu bħala amministratur ġudizzjarju, ippreżenta azzjoni quddiem il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja) sabiex jikseb, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Amtsgericht Burgwedel (tribunal distrettwali ta’ Burgwedel) li tordna l-bejgħ forzat u, min-naħa l-oħra, it-tħassir tal-iskrizzjoni relatata mir-reġistru tal-artijiet.

13

Il-qorti ta’ rinviju tfakkar li, konformement mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1346/2000, il-proċedura ta’ insolvenza miftuħa kontra Senior Home hija suġġetta għad-dritt Franċiż. Issa, skont dan id-dritt, il-ftuħ tal-proċedura ta’ amministrazzjoni ġudizzjarja, essenzjalment, jostakola l-bejgħ forzat inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, il-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza ma jkunx jaffettwa d-drittijiet in rem ta’ kreditur jew ta’ terza persuna fuq il-beni li jappartjenu lid-debitur li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

14

Il-qorti ta’ rinviju tosserva li, fid-dritt Ġermaniż, id-dejn eżiġibbli taħt it-taxxi fuq l-art jikkostitwixxi, konformement mal-Artikolu 12 tal-GrStG, piżijiet tad-dritt pubbliku fuq l-art li huma drittijiet in rem, fejn il-proprjetarju tal-proprjetà immobbli suġġetta għat-taxxa għandu jittollera l-eżekuzzjoni forzata tat-titolu li jikkonstata dan id-dejn fuq din il-proprjetà immobbli, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 77(2) tal-AO. Madankollu, din il-qorti tistaqsi jekk il-kwistjoni tal-eżistenza jew le ta’ dritt in rem għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament għandu jiġi evalwat abbażi tad-dritt Ġermaniż, jew jekk hemm lok, bil-kontra, li jiġi interpretat b’mod awtonomu l-kunċett ta’ “dritt in rem”.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Il-kunċett ta’ dritt in rem li jinsab fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament [Nru 1346/2000], ikopri regola nazzjonali, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 12 tal-[GrStG], moqri flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 77(2) tal-[AO], li tipprovdi li l-krediti tat-taxxa fuq proprjetà immobbli jikkostitwixxu ipso jure piż tad-dritt pubbliku fuq il-proprjetà immobbli u li l-proprjetarju għandu għaldaqstant jittollera l-eżekuzzjoni forzata fuq il-proprjetà immobbli?”

Fuq id-domanda preliminari

16

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti ta’ rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “dritt in rem” fis-sens ta’ dan l-artikolu, titolu kkostitwit skont dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha l-proprjetà immobbli tad-debitur ta’ taxxi fuq l-art hija intaxxata skont il-liġi permezz ta’ piż tad-dritt pubbliku fuq l-art u dan il-proprjetarju għandu jittollera l-eżekuzzjoni forzata, fuq din il-proprjetà immobbli, ta’ titolu li jikkonstata d-debitu fiskali.

17

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li dan ir-regolament jistrieħ, hekk kif ifakkar l-Avukat Ġenerali fil-punti 21 sa 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, fuq mudell imsejjaħ ta’ “universalità limitata”, li skontu, minn naħa, il-liġi applikabbli għall-proċedura prinċipali ta’ insolvenza u għall-effetti tagħha hija dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ din il-proċedura, filwaqt li, min-naħa l-oħra, l-imsemmi regolament jipprevedi numru ta’ eċċezzjonijiet għal din ir-regola. L-Artikolu 5(1) tal-istess regolament jipprevedi waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet.

18

Iktar preċiżament, fir-rigward tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, li jiddikjara li l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza ma jaffettwax id-dritt in rem ta’ kreditur jew ta’ terza persuna fuq beni li jappartjenu lid-debitur u li jinsabu, fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ġustifikazzjoni, il-validità u l-portata ta’ tali dritt in rem għandhom normalment jiġu ddeterminati skont il-liġi tal-post fejn jinsab il-beni li huwa s-suġġett tal-imsemmi dritt. Konsegwentement, l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament jippermetti, billi jidderoga mir-regola tal-liġi tal-Istat Membru ta’ ftuħ, li jiġi applikat fuq id-dritt in rem ta’ kreditur jew ta’ terza persuna fuq ċerti beni li jappartjenu lid-debitur il-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab il-beni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2012, ERSTE Bank Hungary, C‑527/10, EU:C:2012:417, punti 40 sa 42, u tas-16 ta’ April 2015, Lutz, C‑557/13, EU:C:2015:227, punt 27).

19

Konsegwentement, fir-rigward tal-kawża prinċipali, il-kwistjoni tal-kwalifika tad-dritt ikkonċernat bħala dritt “in rem” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament għandha tiġi eżaminata fir-rigward tad-dritt nazzjonali, f’dan il-każ id-dritt Ġermaniż.

20

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li l-piżijiet fuq l-art inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu drittijiet patrimonjali in rem peress li l-proprjetarju tal-proprjetà immobbli suġġetta għat-taxxa għandu jittollera l-eżekuzzjoni forzata tat-titolu li jikkonstata d-dejn fiskali, fuq din il-proprjetà immobbli. Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti ta’ rinviju li għandha tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża mressqa quddiemha kif ukoll li tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2016, Hünnebeck, C‑479/14, EU:C:2016:412, punt 36) sabiex tistabbilixxi jekk id-dejn ta’ taxxa fuq l-art inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax titqies bħala dritt in rem skont id-dritt Ġermaniż.

21

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, għalkemm l-Artikolu 5(2) u (3) tar-Regolament Nru 1346/2000 ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “dritt in rem”, huwa madankollu jispeċifika, permezz ta’ sensiela ta’ eżempji ta’ drittijiet ikkwalifikati bħala “in rem” minn dan ir-regolament, il-portata u, għaldaqstant, il-limiti tal-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni lill-privileġġi, lill-garanziji u lid-drittijiet l-oħra, previsti mid-dritt intern tal-Istati Membri, tal-kredituri ta’ debitur insolventi.

22

Fil-fatt, kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 u 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex ma tiċċaħħadx mill-effettività tagħha l-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament għad-drittijiet “in rem”, hemm lok li jitqies li d-drittijiet meqjusa bħala “in rem” mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata għandhom jissodisfaw ċerti kriterji sabiex ikunu jistgħu jaqgħu taħt l-imsemmi Artikolu 5.

23

F’dan il-każ, fir-rigward ta’ dritt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li dan, suġġett għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, jissodisfa dawn il-kriterji elenkati fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1346/2000, sa fejn, minn naħa, jikkostitwixxi piż dirett u immedjat fuq proprjetà immobbli intaxxat u fejn, min-naħa l-oħra, il-proprjetarju tal-proprjetà immobbli għandu jittollera l-eżekuzzjoni forzata fuqha, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 77(2) tal-AO. Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, matul proċedura ta’ insolvenza, l-amministrazzjoni fiskali tibbenefika mill-kwalità ta’ kreditur privat fir-rigward tal-piż fuq l-art inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

24

Fit-tielet lok, din il-konklużjoni ma hijiex tali li titqiegħed inkwistjoni miċ-ċirkustanza, imsemmija mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, li l-imsemmi Artikolu 5 għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv sa fejn jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament b’mod li jkun jirrigwarda biss drittijiet in rem mogħtija fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali.

25

Fil-fatt, minn naħa, għalkemm, skont ġurisprudenza stabbilita, dispożizzjoni li tidderoga għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv, huwa importanti wkoll li wieħed jara li din id-dispożizzjoni ma tiċċaħħadx l-effettività tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, BLV Wohn- und Gewerbebau, C‑395/11, EU:C:2012:799, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Min-naħa l-oħra, la l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1346/2000 u lanqas l-għanijiet segwiti minnu ma jippermettu li l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix id-drittijiet in rem mogħtija barra mill-kuntest ta’ tranżazzjoni kummerċjali.

27

Fir-rigward tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, għandu jiġi osservat li l-imsemmi Artikolu 5 ma jinkludi ebda element li jista’ jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu skont l-oriġini tad-dritt in rem ikkonċernat jew in-natura, ta’ dritt pubbliku jew ta’ dritt privat, tad-dejn iggarantit minn dan id-dritt in rem.

28

Fir-rigward tal-għanijiet segwiti minn din id-dispożizzjoni, mill-premessa 24 tar-Regolament Nru 1346/2000 jirriżulta li l-eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali ta’ għażla tal-liġi applikabbli, stabbilita fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, huma intiżi sabiex “jitħarsu l-aspettativi leġittimi u iċ-ċertezza ta’ transazzjonijiet fi Stati Membri apparti minn dak ta’ fejn ikunu nfetħu l-proċedimenti”, irrispettivament min-natura kummerċjali tad-drittijiet jew tad-dejn f’dan ir-rigward.

29

Barra minn hekk, xejn ma jippermetti li jiġi dedott mill-premessa 25 tar-Regolament Nru 1346/2000, li jgħid li hemm ħtieġa “partikolari” li fir-rigward tad-drittijiet in rem ikun hemm rabta partikolari li tidderoga mil-liġi tal-Istat ta’ ftuħ, fejn dawn id-drittijiet għandhom importanza kunsiderevoli għall-għoti ta’ kreditu, li din l-eċċezzjoni tkun tkopri biss il-garanziji in rem mogħtija biss fil-kuntest tal-kuntratti kummerċjali jew ta’ kreditu. Għall-kuntrarju, jidher li limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5 tal-istess regolament skont l-oriġini kummerċjali tad-dritt in rem ikkonċernat tmur kontra dan l-għan, espressament iddikjarat fil-premessa 24 ta’ dan ir-regolament, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tas-sigurtà tat-tranżazzjonijiet.

30

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000 fis-sens li l-eċċezzjoni li jipprevedi tkopri biss id-drittijiet in rem ikkostitwiti fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali jew ta’ kreditu twassal għal trattament sfavorevoli tal-proprjetarji ta’ drittijiet in rem mogħtija fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet li ma humiex kummerċjali.

31

Issa, kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 64 sa 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-Regolament Nru 1346/2000 jistrieħ fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-kredituri u fuq il-prinċipju li d-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom jiġu applikati indipendentement min-natura, kummerċjali jew mhux, tad-dejn iggarantit mid-drittijiet in rem. B’hekk, fir-rigward tal-possibbiltà għall-kredituri li jipproduċu talbiet bil-miktub għal dan id-dejn fil-proċeduri ta’ insolvenza, l-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament jeskludi kull diskriminazzjoni tal-awtoritajiet fiskali u tal-organi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri minbarra l-Istat li fit-territorju tiegħu nfetħet il-proċedura ta’ insolvenza.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “dritt in rem” fis-sens ta’ dan l-artikolu, titolu kkostitwit skont dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha l-proprjetà immobbli tad-debitur ta’ taxxi fuq l-art hija intaxxata skont il-liġi permezz ta’ piż tad-dritt pubbliku fuq l-art u dan il-proprjetarju għandu jittollera l-eżekuzzjoni forzata, fuq din il-proprjetà immobbli, ta’ titolu li jikkonstata d-debitu fiskali.

Fuq l-ispejjeż

33

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza], għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “dritt in rem” fis-sens ta’ dan l-artikolu, titolu kkostitwit skont dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha l-proprjetà immobbli tad-debitur ta’ taxxi fuq l-art hija intaxxata skont il-liġi permezz ta’ piż tad-dritt pubbliku fuq l-art u dan il-proprjetarju għandu jittollera l-eżekuzzjoni forzata, fuq din il-proprjetà immobbli, ta’ titolu li jikkonstata d-debitu fiskali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.