KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fid-9 ta’ Novembru 2016 ( 1 )

Kawża C‑618/15

Concurrence SARL

vs

Samsung Electronics France SAS,

Amazon Services Europe Sàrl

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni (Franza)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Punt 3 tal-Artikolu 5 — Ġurisdizzjoni — Materji ta’ delitt jew kważi delitt — Netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva — Projbizzjoni ta’ bejgħ mill-ġdid barra minn netwerk fuq l-internet — Azzjoni għall-waqfien ta’ dannu illegali — Rabta ta’ konnessjoni”

1. 

Dan ir-rinviju preliminari, li jittratta l-interpretazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 2 ) (Regolament magħruf bħala “Brussell I”), ġie ppreżentat fil-kuntest ta’ tilwima bejn Concurrence SARL, kumpannija stabbilita fi Franza, u Samsung SAS, stabbilita wkoll fi Franza, u Amazon Services Europe Sàrl, kumpannija stabbilita fil-Lussemburgu, dwar allegat ksur tal-projbizzjonijiet ta’ bejgħ mill-ġdid barra min-netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva u permezz ta’ pjattaforma ta’ suq (market place), permezz ta’ offerti ta’ bejgħ imqiegħda online fuq diversi siti internet użati fi Stati Membri differenti (jiġifieri Amazon.fr, Amazon.de, Amazon.co.uk, Amazon.es kif ukoll Amazon.it).

2. 

Il-problematika tad-delitti mwettqa fuq l-internet (iktar ’il quddiem id-“delitti ċibernetiċi”) ma hijiex faċli minħabba li tittratta netwerk ipotetikament universali; huwa partikolarment diffiċli sabiex dawn id-delitti jiġu lokalizzati, kemm fir-rigward tal-avveniment jew tad-dannu subit. Barra minn hekk, id-delitti ċibernetiċi ma humiex biss dawk id-delitti li niltaqgħu magħhom fl-istampa, ir-radju jew it-televiżjoni (malafama, ksur tad-dritt għall-ħajja privata), iżda wkoll, kif turi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata f’dawn il-konklużjonijiet, tipi ta’ delitti oħra bħat-tqegħid fis-suq fuq l-internet ta’ prodotti ffalsifikati jew il-ksur tal-projbizzjonijiet ta’ bejgħ mill-ġdid barra min-netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Skont uħud, id-dritt pożittiv għadu ma huwiex stabbilit tajjeb għal dawn id-delitti ċibernetiċi mwettqa fuq l-internet ( 3 ).

I - Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolament Nru 44/2001

3.

Il-premessi 11, 12 u 15 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdu:

“(11)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)

B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

[…]

(15)

Fl-interessi tal-amministrazzjoni armonizzata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. […]”

4.

Ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni jinsabu fil-Kapitolu II ta-Regolament Nru 44/2001. L-Artikolu 2(1) ta’ dan tal-aħħar li jagħmel parti mis-Sezzjoni 1 tal-imsemmi Kapitolu II, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, huwa fformulat kif ġej:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

5.

L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, li jinsab fl-imsemmija Sezzjoni 1, jipprovdi:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

6.

Il-punt 3 tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu 2 ta’ dan, intitolat “Ġurisdizzjoni speċjali” jipprovdi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[…]

3)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”.

7.

Ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 ġie rrevokat bl-Artikoli 80 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 ( 4 ) (regolament magħruf bħala “Brussell I(a)”). Madankollu, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 81 tiegħu, dan ir-regolament tal-aħħar japplika biss mill-10 ta’ Jannar 2015. Peress li l-proċedura fil-kawża prinċipali inbdiet qabel din id-data, ikun xieraq li f’din il-kawża jiġi applikat ir-Regolament Nru 44/2001.

2. Ir-Regolament (KE) Nru 864/2007

8.

L-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 ( 5 ), intitolat “Kompetizzjoni żleali u atti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni libera”, jipprovdi li:

“1.   Il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn att ta’ kompetizzjoni żleali għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn ir-relazzjonijiet ta’ kompetittività jew l-interessi kollettivi tal-konsumaturi ikunu, jew probabbilment jiġu, milquta.

2.   Fejn att ta’ kompetizzjoni żleali jolqot esklużivament l-interessi ta’ kompetitur speċifiku, għandu japplika l-Artikolu 4.

[…]”

B – Id-dritt Franċiż

9.

Fl-epoka tal-fatti, il-paragrafu 1, 6, tal-Artikolu L. 442-6, tal-Code de commerce (kodiċi kummerċjali) kien jipprevedi li “huwa r-responsabbiltà tal-awtur tiegħu u jobbligah li jsewwi d-dannu kkawżat il-fatt, minn kull manifattur, negozjant, industrijalist jew persuna rreġistrata fir-reġistru tas-snajja [li] jipparteċipa direttament jew indirettament fil-ksur tal-projbizzjoni tal-bejgħ mill-ġdid barra min-netwerk li jsir lid-distributur marbut bi ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva jew esklużiva eżentat mir-regoli applikabbli għad-dritt tal-kompetizzjoni”.

II – It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10.

Mill-proċess jirriżulta li Concurrence twettaq attività ta’ bejgħ bl-imnut ta’ prodott elettroniċi għall-konsumatur permezz tal-intermedjarju ta’ ħanut li jinsab fi place de la Madeleine f’Pariġi (Franza) u fuq is-sit ta’ bejgħ online “Concurrence.fr”. Fis-16 ta’ Marzu 2012, hija kkonkludiet kuntratt ta’ distribuzzjoni selettiva ma’ Samsung intitolat “Détaillant Spécialiste ELITE” dwar il-prodotti high-end tat-trade mark Samsung (linja ELITE). Dan il-kuntratt kien jipprevedi, fost l-oħrajn, projbizzjoni ta’ bejgħ tal-prodotti inkwistjoni fuq l-internet.

11.

Qamet tilwima bejn il-partijiet. Samsung akkużat lil Concurrence li kisret il-kuntratt ta’ distribuzzjoni selettiva meta biegħet il-prodotti tal-linja ELITE fuq is-sit internet tagħha. Concurrence, min-naħa tagħha, ikkontestat il-legalità tal-klawżoli tal-kuntratt, peress li allegat, fost l-oħrajn, li dawn tal-aħħar ma kinux applikati b’mod ugwali fost id-distributuri kollha, u xi wħud minnhom biegħu l-prodotti inkwistjoni fuq is-siti ta’ Amazon, mingħajr reazzjoni min-naħa ta’ Samsung.

12.

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Marzu 2012, Samsung avżat lil Concurrence bit-tmiem tar-relazzjoni kummerċjali tagħhom, b’effett mit-30 ta’ Ġunju 2013.

13.

F’April 2012, peress li invokat ir-rifjut ta’ Samsung li tikkonsenjalha l-prodotti tal-linja ELITE għall-kuntrarju tal-impenji meħuda, Concurrence ħarrket lil Samsung quddiem il-juge des référés (imħallef għal miżuri provviżorji) tat-tribunal de commerce de Paris (France) (qorti tal-kummerċ ta’ Pariġi (Franza)).

14.

Permezz tad-digriet tat-18 ta’ April 2012, dan tal-aħħar ċaħad it-talbiet ta’ Concurrence. Dan id-digriet ġie kkonfermat permezz tas-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012 tal-Cour de appell de Paris (France) (qorti tal-appell ta’ Pariġi (Franza)) mogħtija in camera.

15.

Permezz ta’ att tat-3 ta’ Diċembru 2012, Concurrence ħarrket lil Samsung u lil Amazon quddiem l-imħallef għal miżuri provviżorji tat-Tribunal de commerce de Paris (qorti tal-kummerċ ta’ Pariġi), sabiex jiddikjara mhux inforzabbli l-projbizzjoni tal-bejgħ fuq l-internet tal-prodotti tal-linja ELITE imposta mill-kuntratt tad-distribuzzjoni selettiva, u konsegwentement jordna lil Samsung li tkompli tikkonsenjalha l-prodotti li jaqgħu taħt dan il-kuntratt u li tordna lil Amazon sabiex jirtiraw mis-siti tagħha Amazon.fr, Amazon.de, Amazon.co.uk, Amazon.es u Amazon.it, kwalunkwe offerta ta’ prodotti Samsung ta’ ċertu numru ta’ mudelli.

16.

Permezz tad-digriet kontradittorju tat-8 ta’ Frar 2013, l-imħallef għal miżuri provviżorju tat-Tribunal de commerce de Paris (qorti tal-kummerċ ta’ Pariġi) iddikjara li ma għandux ġurisdizzjoni f’dak li jirrigwarda s-siti ta’ Amazon barra minn Franza; huwa qal li ma kienx hemm lok ta’ miżuri provviżorji rigward it-talbiet ta’ Concurrence kontra Samsung u ċaħad it-talbiet ta’ Concurrence kontra Amazon France.

17.

Fis-27 ta’ Ġunju 2013, Concurrence appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Cour d’appell de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi). Permezz tas-sentenza tas-6 ta’ Frar 2014, din tal-aħħar irriformat parzjalment id-digriet tat-Tribunal kummerċjali ta’ Pariġi filwaqt li kkonfermat l-inammissibbiltà tat-talbiet ta’ Concurrence kontra Samsung u ċaħdet it-talbiet ta’ Concurrence kontra Amazon Services Europe.

18.

Concurrence għaldaqstant ifformulat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju kontra din is-sentenza tal-aħħar.

19.

Fl-appell tagħha, Concurrence b’mod partikolari argumentat li s-sentenza ta’ konferma appellata, b’mod żbaljat iddikjarat lill-imħallef Franċiż bħala li ma għandux ġurisdizzjoni f’dak li jirrigwarda s-siti ta’ Amazon barra minn Franza, peress li dawn tal-aħħar ma humiex immirati għall-pubbliku Franċiż. Issa, anki jekk nassumu li l-kriterju tal-aċċessibbiltà tas-sit internet ma huwiex suffiċjenti, il-Cour d’appell de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi) illegalment astjeniet milli tfittex jekk is-sistema ta’ bejgħ fuq is-siti internet ta’ Amazon kinitx tippermetti li jintbagħtu l-prodotti disponibbli għall-bejgħ mhux biss fil-pajjiż ta’ oriġini tas-sit, iżda wkoll f’pajjiżi Ewropej oħra, u b’mod partikolari fi Franza, fattur li kien jippermetti li tkun iġġustifikata l-ġurisdizzjoni tal-imħallef Franċiż.

20.

Il-qorti tar-rinviju qieset li t-tilwima li biha ġiet adita, għandha l-karatteristika li ma tinkludix l-ebda waħda mill-ipoteżijiet diġà indirizzati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, l-azzjoni li ttieħdet kellha l-għan li ġġib fi tmiem l-allegati danni minn distributur awtorizzat, stabbilit fi Franza u li jopera sit ta’ bejgħ online, li jirriżultaw mill-ksur mill-fornitur tal-projbizzjoni stabbilita fil-kuntratt ta’ distribuzzjoni selettiva ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti barra min-netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva li jappartjeni lilu u għar-rikors għal offerti ta’ bejgħ li jagħmel online fuq pjattaforma f’suq fuq siti differenti tal-internet operati fi Franza u fi Stati Membri oħrajn.

21.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ ta’ ksur allegat ta’ projbizzjonijiet ta’ bejgħ mill-ġdid barra minn netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva u b’rikors għal pjattaforma f’suq, permezz ta’ offerti ta’ bejgħ online fuq numru ta’ siti internet operati fi Stati Membri differenti, id-distributur awtorizzat li jqis li ġarrab dannu għandu l-possibbiltà li jressaq azzjoni għall-waqfien tad-dannu illegali li jirriżulta minn dan quddiem il-qorti li fit-territorju tagħha l-kontenuti mqiegħda online huma jew kienu aċċessibbli, jew għandha tiġi stabbilita rabta oħra ta’ konnessjoni?”

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Concurrence, Amazon Services Europe, il-gvern Franċiż, dak Taljan u Lussemburgiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Is-seduta għas-sottomissjonijiet la ntalbet mill-partijiet u lanqas ma ġiet organizzata ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja.

IV – Kunsiderazzjonijiet

A – Sintesi tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

23.

Concurrence ssostni li hija għandha dritt li tibda azzjoni ta’ waqfien tad-dannu illegali li jirriżulta mill-allegat ksur quddiem il-qorti li fit-territorju tagħha, il-prodotti mqiegħda online huma jew kienu aċċessibbli u li ma kienx hemm bżonn li tiġi stabbilita rabta oħra ta’ konnessjoni. Sabiex ikun hemm dannu mġarrab fi Franza minn reklam ta’ offerti fuq siti barranin, huwa biżżejjed li dawn l-offerti jkunu jistgħu jinteressaw lill-klijent potenzjali Franċiż, jiġifieri li l-prodott jista’ jinxtara minn Franza. F’dan il-każ, is-settijiet tat-televiżjoni inkwistjoni jistgħu jinbiegħu minn pajjiż għall-ieħor u s-suq ma huwiex limitat biss għal Franza.

24.

Skont Concurrence, kuntratt selettiv ġeneralment għandu suq magħmul mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u spiss l-Isvizzera, li jagħti jew li jipprojbixxi d-dritt tal-bejgħ fit-territorju ta’ dawn il-pajjiżi kollha. Is-suq tas-settijiet tat-televiżjoni Samsung għal negozjant Franċiż ikun is-suq Ewropew. Hemmhekk huwa jista’ jbigħ, iżda jista’ jkollu wkoll kompetizzjoni minn negozjanti barranin li jibagħtu minn pajjiżhom, kemm jekk jagħmlu reklami mis-siti tagħhom li jinsabu barra minn Franza (pereżempju Amazon.it), kif ukoll jekk jagħmlu reklami fuq is-sit Franċiż (Amazon.fr), jekk dawn tal-aħħar għandhom id-dritt li jbigħu. F’dan il-każ, is-settijiet Samsung ELITE jistgħu jinxtraw u jiġu kkonsenjati minn kwalunkwe pajjiż.

25.

Għall-kuntrarju, skont Amazon Services Europe, minbarra l-aċċessibbiltà tagħhom fir-territorju tal-qorti adita, il-prodotti mqiegħda online għandhom ikunu orjentati għall-konsumatur residenti f’dan it-territorju, fattur li jassumi l-karatterizzazzjoni kumulattiva ta’ diversi indizji, bħal, l-ewwel nett, l-ispeċifiċità tal-liġi, il-post tal-konsenja tal-prodotti mqiegħda għall-bejgħ, il-lingwa li nkitbu biha r-reklami, il-munita li biha ġie ffissat il-prezz tal-bejgħ jew saħansitra l-modalitajiet ta’ pubbliċità użati.

26.

B’mod differenti mill-ksur tad-drittijiet tal-personalità jew tad-drittijiet tal-awtur – li għalihom id-dannu joriġina mis-sempliċi distribuzzjoni tal-kontenut kontenzjuż – id-dannu li jirriżulta mill-ksur tal-impermeabbiltà ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva ma jistax jikkawża dannu lil ċerti distributuri awtorizzati ħlief jekk il-klijenti potenzjali tagħhom jistgħu jitwasslu sabiex jakkwistaw il-prodotti disponibbli għall-bejgħ fuq dawn is-siti. Għalhekk, l-aħjar qorti sabiex teżamina dan id-dannu hija dik li fiha jinsab il-pubbliku li għalih huma orjentati r-reklami li jqiegħdu fis-suq l-imsemmija prodotti.

27.

Skont il-Gvern Franċiż, tilwima dwar ksur bħal dak fil-kawża prinċipali għandha titressaq quddiem il-qrati Franċiżi sakemm il-fatt imwettaq fi Stat Membru ieħor ikkawża jew jista’ jikkawża dannu fit-territorju tal-qorti adita.

28.

Dan il-gvern isostni li, f’tilwima dwar offerta ta’ bejgħ fuq pjattaforma f’suq online maħsuba għal konsumaturi fl-Unjoni, prodotti ta’ trade mark immirati, mid-detentur, għall-bejgħ fi Stati terzi, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li s-sempliċi aċċessibbiltà ta’ sit internet fit-territorju kopert mit-trade mark ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-offerti ta’ bejgħ reklamati hemmhekk huma maħsuba għall-konsumaturi li jinsabu f’dan it-territorju. Għalhekk, il-qrati nazzjonali għandhom janalizzaw każ b’każ jekk jeżistux indizji rilevanti sabiex jiġi konkluż li offerta ta’ bejgħ, reklamata fuq pjattaforma f’suq online aċċessibbli fit-territorju kopert mit-trade mark, hija maħsuba għall-konsumaturi li jinsabu f’dan it-territorju, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatt li l-offerta ta’ bejgħ tindika ż-żoni ġeografiċi li lejhom il-bejjiegħ huwa lest li jibgħat il-prodott ( 6 ).

29.

Il-Gvern Taljan, essenzjalment issostni li l-kawża li tat lok għas-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Pinckney (C‑170/12, EU:C:2013:635), kienet differenti mill-kawża prinċipali, peress li fiha, inkwantu għad-dannu allegat, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressaq azzjoni għal waqfien tad-dannu illegali, u talab li l-offerta kkontestata tiġi rtirata mill-pjattaforma tas-suq. Skont dan il-gvern, skont din l-ipoteżi, fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, relatati mal-kapaċità tat-tixrid tal-ksur imwettaq permezz tal-internet, man-natura tad-dritt miksur u mal-mezzi ta’ protezzjoni ta’ dan id-dritt, kif ukoll fir-rigward tal-għanijiet ta’ prevedibbiltà u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li jiġġustifikaw ir-rikors għal qorti alternattiva, għandu jitqies li jistgħu jiġu aditi kemm il-qrati tal-Istat Membru tal-post li fih l-offerta kkontestata ġiet imqiegħda fil-pjattaforma tas-suq permezz tas-sit internet li jinsab fih, kif ukoll il-qrati tal-Istat Membru li fih l-offerta inkwistjoni hija fi kwalunkwe każ aċċessibbli u tali li tippermetti li jinxtara l-prodott.

30.

Skont il-Gvern Lussemburgiż, il-kawża inkwistjoni li timplika distributur awtorizzat, li jallega li ġarrab ħsara minħabba l-ksur tal-projbizzjoni ta’ bejgħ barra min-netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva li jappartjeni fih, l-allegat dannu jikkonsisti fi tnaqqis tal-partijiet tas-suq tiegħu, b’tali mod li jkun xieraq li jittieħed inkunsiderazzjoni s-suq rilevanti ta’ dan id-distributur awtorizzat sabiex tiġi identifikata l-ġurisdizzjoni. Il-kriterju bbażat fuq il-kapaċità tal-akkwist tal-prodott fil-ġurisdizzjoni tal-qorti adita għalhekk huwa partikolarment rilevanti.

31.

Dan il-gvern ifakkar li, b’mod differenti mis-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-personalità (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et,, C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685), tad-drittijiet tat-trade marks (sentenza tad-19 ta’ April 2012, Wintersteiger,C‑523/10, EU:C:2012:220) jew tad-drittijiet tal-awtur (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Pinckney,C‑170/12, EU:C:2013:635), l-allegat ksur fil-kawża prinċipali jikkonsisti fil-“bejgħ mill-ġdid” ta’ ċerti prodotti barra minn netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva. Għalhekk, il-ksur ma jkunx twettaq biss mit-tixrid tal-kontenut fuq l-internet, minħabba li dan jimplika t-twettiq ta’ ċertu atti supplimentari, tali li jikkawżaw dannu.

32.

Il-Kummissjoni tipproponi li tirrispondi li l-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru/44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ allegat ksur tal-projbizzjoni ta’ bejgħ barra minn netwerk ta’ distribuzzjoni esklużiva mwettaq mid-disponibbiltà permezz tal-internet ta’ prodotti suġġetti għad-dritt esklużiv fuq siti li joperaw fi Stati Membri differenti, il-post fejn ġie kkawżat id-dannu għandu jitqies bħala l-post fejn id-detentur tad-dritt ta’ distribuzzjoni esklużiva ġarrab tnaqqis fil-bejgħ tiegħu, post li jikkoinċidi mat-territorju fejn huwa jiddisponi minn dan id-dritt.

B – Analiżi

33.

L-ewwel nett, għandu jiġi nnutat – u dan huwa ta’ interess fih innifsu – li ebda dispożizzjoni partikolari dwar id-delitti ċibernetiċi ma tinsab fit-testi, la fir-Regolament Nru 1215/2012, u lanqas fir-Regolamenti (KE) Nru 593/2008 ( 7 ) jew Ruma II (u, ladarba jingħad dan, ma ninsewx li l-internet għandu diġà mhux inqas minn madwar 25 sena). Fl-isfond ta’ dan is-silenzju, żewġ spjegazzjonijiet huma possibbli: jew li l-leġiżlatur Ewropew qies li dawn id-delitti ma kellhomx partikolarità b’tali mod li kellu jiddedika għalihom dispożizzjonijiet speċjali; jew, il-kwistjoni kienet tidher wisq delikata u deherlu li aħjar jistenna l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 8 ) [ninnota b’mod partikolari s-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685); tad-19 ta’ April 2012, Wintersteiger (C‑523/10, EU:C:2012:220); tat-3 ta’ Ottubru 2013, Pinckney (C‑170/12, EU:C:2013:635), jew tat-22 ta’ Jannar 2015, Hejduk(C‑441/13, EU:C:2015:28)].

1. Il-prinċipji bħala introduzzjoni għar-risposta għad-domanda preliminari

34.

Qabel kollox, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, b’riferiment għas-sistema u għall-għanijiet ta’ dan tal-aħħar ( 9 ).

35.

Għandu jiġi enfasizzat li, “huwa biss b’deroga għal dan il-prinċipju fundamentali stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jattribwixxi l-ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru fuq it-territorju fejn il-konvenut huwa domiċiljat, li s-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament tipprevedi ċertu numru ta’ regoli għal ġurisdizzjoni speċjali, fosthom dik li tinsab fl-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament” ( 10 ).

36.

Sa fejn il-ġurisdizzjoni tal-qrati post fejn twettaq jew jista’ jitwettaq il-fatt dannuż tikkostitwixxi regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali, din għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv u ma tistax tiġi interpretata b’mod li jmur lil hinn mill-każijiet previsti b’mod espliċitu mir-Regolament Nru 44/2001 ( 11 ).

37.

L-espressjoni “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”, li tinsab fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, “tirrigwarda fl-istess ħin kemm il-post fejn seħħ id-dannu kif ukoll il-post fejn seħħ l-aġir li kkawża dan id-dannu, b’[tali]mod li l-konvenut ikun jista’ jiġi mħarrek, fuq l-għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ postijiet” ( 12 ).

38.

F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li r-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-regolament Nru 44/2001 hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni partikolarment stretta bejn l-ilment u l-qrati tal-post fejn twettaq jew jista’ jitwettaq il-fatt dannuż, u li b’hekk tiġġustifika l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lil dawn tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-organizzazzjoni xierqa tal-proċeduri ( 13 ).

39.

L-identifikazzjoni ta’ wieħed mill-punti ta’ konnessjoni rikonoxxuti mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti preċedenti għandha tippermetti li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti li oġġettivament tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa jekk l-elementi li jikkostitwixxu r-responsabbiltà tal-persuna mħarrka humiex issodisfatti, il-qorti li fit-territorju tagħha jinsab il-punt ta’ konnessjoni pertinenti biss tista’ tiġi validament adita ( 14 ).

40.

F’dan il-każ, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-qorti tar-rinviju għandhiex ġurisdizzjoni fir-rigward biss tal-post fejn seħħ l-allegat dannu. Kif innutat il-Kummissjoni, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-domanda preliminari tittratta l-post fejn seħħ id-dannu u mhux il-post tal-avveniment kawżali li kkawżah. Naħseb (bħall-Gvern Franċiż) li l-avveniment kawżali li kkawża l-ksur tal-projbizzjoni tal-bejgħ mill-ġdid barra min-netwerk tad-distribuzzjoni selettiva jista’ jinsab fl-aġir tal-amministratur ta’ kull wieħed minn dawn is-siti. Minn dan jirriżulta li tali fatt jista’ jkun lokalizzat f’diversi postijiet skont is-sede ta’ dan jew dawn l-amministraturi. Għalhekk, l-avveniment kawżali ma jippermettix, f’dan il-każ, li tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita.

41.

Skont il-ġurisprudenza, dan il-post huwa dak fejn il-fatt li jista’ jagħti lok għal responsabbiltà minħabba delitt jew kważi delitt irriżulta f’dannu ( 15 ).

42.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 f’każ ta’ allegazzjonijiet ta’ danni kkawżati minn prodotti mqiegħda online fuq siti tal-Internet, u minħabba dan il-fatt, probabbilment seħħew f’diversi postijiet ( 16 ).

43.

F’dak li jirrigwarda, b’mod speċifiku, l-allegat ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, il-Qorti tal-Ġustizzja innutat f’diversi sentenzi ( 17 ), li l-ġurisdizzjoni tal-qrati hija predeterminata mit-territorju li jipproteġi d-dritt inkwistjoni. Il-qrati tal-Istat Membru ta’ protezzjoni huma fil-fatt l-iktar kapaċi li jieħdu konjizzjoni ta’ allegat ksur tad-dritt protett.

44.

Fil-kawża Wintersteiger (sentenza tad-19 ta’ April 2012, C‑523/10, EU:C:2012:220), dwar allegazzjoni ta’ ksur ta’ trade mark nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kemm l-għan tal-prevedibbiltà kif ukoll dak tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja mmilitaw favur attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni, skont il-materjalizzazzjoni tad-dannu, lill-qrati tal-Istat Membru li fih huwa protett id-dritt inkwistjoni, peress li dawn jinsabu fl-aħjar sitwazzjoni sabiex jevalwaw jekk kienx hemm effettivament ksur tal-imsemmi dritt u jistgħu, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma II, japplikaw id-dritt nazzjonali tagħhom.

45.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li kawża dwar il-vjolazzjoni ta’ trade mark irreġistrata fi Stat Membru minħabba l-użu, minn min jirreklama, ta’ kelma identika għall-imsemmija trade mark fuq is-sit tal-internet ta’ mutur ta’ tfittxija li jopera taħt top-level domain nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor tista’ titressaq kemm quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fih it-trade mark hija rreġistrata kif ukoll quddiem dawk tal-Istat Membru tal-post fejn hija stabbilita l-persuna li qed tirreklama” ( 18 ).

46.

Fis-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Pinckney (C-170/12, EU:C:2013:635), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fir-rigward tal-ksur allegat ta’ dritt patrimonjali tal-awtur, il-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża dwar delitt jew kważi delitt hija diġà stabbilita favur il-qorti adita, peress li l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinstab din il-qorti jipproteġi d-drittijiet patrimonjali li r-rikorrent igawdi u li hemm ir-riskju li d-dannu allegat jimmaterjalizza ruħu fil-ġurisdizzjoni tal-qorti adita. Dawn il-qrati jistgħu wkoll, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma II, japplikaw id-dritt nazzjonali tagħhom. Fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Hi Hotel HCF, (C‑387/12, EU:C:2014:215), il-Qorti tal-Ġustizzja ttrasponiet l-imsemmija ġurisprudenza Pinckney għall-ksur li allegatament seħħ għal dritt barra mill-internet.

47.

B’mod partikolari, fil-punti 41 u 42 tas-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Pinckney(C‑170/12, EU:C:2013:635), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet “fi stadju tal-eżami tal-ġurisdizzjoni ta’ qorti sabiex tittratta kawża dwar danni, l-identifikazzjoni tar-rabta tal-materjalizzazzjoni ta’ din fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-regolament [Nru 44/2001] ma jiddependix fuq il-kriterji li huma xierqa għall-imsemmi eżami tal-mertu u ma jidhrux f’din id-dispożizzjoni. Din fil-fatt ma tipprovdix, bħala kundizzjoni unika, il-fatt li jkun seħħ dannu jew li jkun hemm riskju li jseħħ […] B’hekk, kuntrarjament għall-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament [ta’ dan ir-regolament], li ġie interpretat fis-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, Pammer u Hotel Alpenhof (C‑585/08 u C‑144/09, EU:C:2010:740), l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament ma jeħtieġx, b’mod partikolari, li din l-attività inkwistjoni tkun ‘diretta lejn’ l-Istat Membru tal-qorti adita titressaq il-kawża” (l-enfasi miżjuda minni).

48.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma qieset bħala essenzjali fid-determinazzjoni tal-“post fejn il-fatt li jista’ jagħti lok għal responsabbiltà minħabba delitt jew kważi delitt irriżulta f’dannu” il-fatt li l-attività li tikkawża d-dannu hija speċifikament diretta lejn il-post inkwistjoni ( 19 ).

49.

Fl-aħħar nett, mis-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2015, Hejduk (C‑441/13, EU:C:2015:28, punt 38) jirriżulta li, fil-każ tal-allegat ksur tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur garantiti mill-Istat Membru tal-qorti adita, din tal-aħħar għandha ġurisdizzjoni, skont il-post fejn seħħ id-dannu, sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni ta’ responsabbiltà għall-ksur ta’ dawn id-drittijiet minħabba t-tqegħid online ta’ ritratti fuq sit internet aċċessibbli fil-ġurisdizzjoni tagħha. Din il-qorti għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tieħu konjizzjoni tad-dannu biss li ġie kkawżat fit-territorju tal-Istat Membru li hija tkun fih. Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma II, din il-qorti tista’ tapplika d-dritt nazzjonali tagħha.

50.

Għalkemm huwa minnu li s-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Pinckney (C‑170/12, EU:C:2013:635), tikkonċerna rikors għad-danni għal ksur tad-drittijiet patrimonjali tal-awtur fuq l-internet, il-punt 42 iċċitat fil-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet jikkonsisti f’dikjarazzjoni ta’ portata ġenerali.

51.

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-espressjoni “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” ma għandhiex tiġi interpretata b’mod estensiv tant li tinkludi kull post li fih jistgħu jinħassu l-konsegwenzi dannużi ta’ fatt li diġà kkawża ħsara li effettivament seħħet f’post ieħor ( 20 ).

52.

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll li l-imsemmija espressjoni ma tkoprix il-post tad-domiċilju tar-rikorrent fejn jinsab iċ-ċentru tal-patrimonju tiegħu għar-raġuni biss li jkun ġarrab dannu finanzjarju li jirriżulta mill-elementi tal-patrimonju tiegħu li jkun seħħ u ġġarrab fi Stat Membru ieħor ( 21 ).

53.

Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fis-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 49) li “is-sempliċi fatt li xi konsegwenzi finanzjarji jaffettwaw lir-rikorrent ma jiġġustifikax l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lill-qrati tad-domiċilju ta’ dan tal-aħħar jekk, hekk kif kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza Kronhofer (EU:C:2004:364), kemm l-avveniment kawżali kif ukoll il-materjalizzazzjoni tad-dannu jkunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza [tal-10 ta’ Ġunju 2004, Kronhofer,C‑168/02], EU:C:2004:364, punt 20)”.

54.

Għall-kuntrarju fil-punt 50 tas-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375-13, EU:C:2015:37) hija speċifikat li, “min-naħa l-oħra, tali attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni tkun iġġustifikata sa fejn id-domiċilju tar-rikorrent ikun effettivament jikkostitwixxi l-post tal-avveniment kawżali jew dak tal-materjalizzazzjoni tad-dannu”.

55.

Meta segwiet ir-raġunament tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 55 tal-imsemmija sentenza rrikonoxxiet il-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tar-rikorrent fir-rigward tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, meta dan iseħħ direttament fil-kont bankarju ta’ dan ir-rikorrent ma’ bank stabbilit fil-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati.

56.

Fil-kawżi li jqajmu ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni permezz tal-użu tal-internet, il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, fil-prinċipju, huwa kull post fejn sit tal-internet huwa aċċessibbli. Għalhekk, minħabba l-omnipreżenza tal-Internet ( 22 ), jeżistu diversi postijiet ta’ materjalizzazzjoni.

57.

Fil-fatt, sabiex tiġi evitata ġurisdizzjoni ġudizzjarja dinjija, anki fil-“Minimum Contacts” ( 23 ), il-ġurisprudenza u d-duttrina ġuridika għal ħafna żmien ippruvaw joħolqu kriterji ta’ (de)limitazzjoni tal-postijiet possibbli ta’ materjalizzazzjoni tad-dannu għal tali delitti mwettqa permezz tal-internet. Huwa għalhekk li, sabiex tinfetaħ ġurisdizzjoni ġudizzjarja fil-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, il-ksur tad-dritt ta’ kompetizzjoni inkwistjoni għandu jkollu ċerti effetti ( 24 ). Fil-fatt, dannu jista’ jiġi eskluż jekk evidentement, l-allegata kompetizzjoni mil-lanjant ma seta’ jkollha ebda konsegwenza ekonomika fuq is-suq/swieq inkwistjoni. Isegwi, pereżempju, li l-pubbliċità fuq l-internet għas-servizzi ta’ fornitur li ma huwiex magħruf ħlief f’livell lokali, evidentement ma tistax tagħmel dannu minbarra f’dan is-suq lokali ( 25 ).

58.

Nista’ nosserva similarità mal-allegati ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Fil-fatt, “fil-kawżi ta’ ksur, l-avveniment dannuż dirett ġeneralment ikun it-telf finanzju li jġarrab id-detentur tad-dritt fil-post(ijiet) fejn jiġi kkummerċjalizzat, irreklamat u użat il-materjal tal-ksur. Fil-ktieb ta’ referenza dwar il-kwistjoni, il-Professuri Fawcett u Torremans ġibdu l-attenzjoni f’dak ir-rigward li ‘f’ħafna kawżi, l-att ta’ ksur iwassal għal telf ekonomiku dirett għar-rikorrenti […] Ħafna drabi, ma huwiex diffiċli li jiġi identifikat it-telf inkwistjoni. Jekk, pereżempju, il-konvenut ibigħ prodott iffalsifikat, dan sre jirriżulta f’telf ta’ bejgħ. Għalhekk, id-dannu jkun imġarrab fil-post fejn ikun intilef il-bejgħ, Dam huwa l-post fejn il-prodott iffalsifikat jinbigħ'. […] Qed jiġi rrilevat li din l-analiżi hija konformi għalkollox mal-ġurisprudenza tal-[Qorti tal-Ġustizzja], u tista’ tiġi estiża għal tipi oħra ta’ azzjonijiet ta’ ksur. Għalhekk, fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur, it-telf finanzjarju ġeneralemnt jiġġarrab meta jinbigħu jew jiġu ppubblikati kopji tal-prodotti iffalsifikat, dwar it-trade marks, fejn is-sinjal jintuża b’appoġġ għall-kummerċjalizzazzjoni jew id-disponibbiltà tal-prodotti” ( 26 ).

2. Applikazzjoni għall-kawża prinċipali

a) Liema huwa l-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu?

59.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li, fil-każ ta’ ksur imwettaq permezz tal-internet, il-“post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq” skont is-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 “jista’ jvarja skont in-natura tad-dritt allegatament miksur” ( 27 ).

60.

Naħseb (bħall-Kummissjoni) li, f’din il-kawża, sabiex jiġi determinat il-post fejn seħħ il-fatt dannuż, għandha, l-ewwel nett, li nistaqsi liema hija n-natura dannuża li l-bejgħ tal-prodotti kontenzjużi barra min-netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva setgħet tipproduċi għal Concurrence. Għal dan l-għan, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kuntratti ta’ distribuzzjoni esklużiva, il-fornitur jagħti lid-distributur id-dritt esklużiv li jiddistribwixxi l-prodotti tiegħu f’territorju identifikat u jimpenja ruħu li ma jiddistribwixxix il-prodotti kkonċernati barra min-netwerk tal-bejgħ tad-distributur. Dan tal-aħħar, min-naħa tiegħu, jimpenja ruħu li jiżviluppa u jippromwovi l-bejgħ tal-prodotti tal-fornitur fit-territorju kkonċernat. Fil-każ ta’ ksur, permezz tal-internet, tad-drittijiet esklużivi mogħtija mill-kuntratt, bħal f’dan il-każ, id-dannu li d-distributur jista’ jsostni fuqu huwa t-tnaqqis fil-volum tal-bejgħ tiegħu li jirriżulta minn dan il-bejgħ li sar bi ksur tad-dritt esklużiv tiegħu u t-telf ta’ profitti li jirriżulta minnu. Issa, jekk jittieħed inkunsiderazzjoni il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali limitata tad-dritt ta distribuzzjoni esklużiva, il-post fejn seħħ it-tnaqqis tal-bejgħ u t-telf tal-profitti inkwistjoni jista’ jikkoinċidi biss mat-territorju tal-Istat Membru li għalih l-esklużività hija attribwita lid-distributur.

61.

Jidher li mill-proċess jirriżulta li, f’dan il-każ, peress li d-distributur għandu dritt esklużiv limitat għat-territorju Franċiż, huwa fi Franza li jista’ jseħħ t-tnaqqis tal-bejgħ u t-telf ta’ profitti. Isegwi li l-post fejn seħħ il-fatt dannuż huwa Franza u li l-imħallef li għandu ġurisdizzjoni skont il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 huwa l-imħallef Franċiż.

62.

Fil-fatt, is-siti Amazon.de, Amazon.co.uk, Amazon.es u Amazon.it, minħabba li, fil-prinċipju, kienu aċċessibbli fi Franza, l-allegat dannu minn Concurrence jikkonsisti fit-telf ta’ partijiet tas-suq fil-kuntest tal-attività tiegħu ta’ bejgħ ta’ prodotti tal-linja ELITE kemm mill-ħanut tagħha li jinsab f’Pariġi, kif ukoll fuq is-sit internet tagħha, li hija amministrata mis-sede ewlieni tagħha f’Pariġi. Isegwi li l-materjalizzazzjoni tad-dannu tagħha ma tistax isseħħ barra minn Franza. Din hija r-raġuni li għaliha l-imħallef Franċiż għandu jkollu ġurisdizzjoni wkoll inkwantu għas-siti internet barra minn Franza u li jinsabu inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 28 ).

63.

Il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu għandu jindika forum delicti li juri “post ta’ rabta partikolarment stretta” u “jiġġustifika attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lil dawn il-qrati [jiġifieri minbarra dawk tad-domiċilju tal-konvenut] għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ organizzazzjoni utli tal-proċess” ( 29 ).

64.

Ninnota li “dawk li jagħmlu informazzjoni aċċessibbli b’metodu partikolari, jagħmlu dan għax jafu sa fejn tista’ twassal l-informazzjoni tagħhom. B’mod partikolari dawk li jippowstjaw fuq l-[internet], jagħmlu dan għax jafu li l-informazzjoni li jtellgħu hija disponibbli għal kulħadd mingħajr ebda restrizzjoni ġeografika” ( 30 ).

65.

Din hija r-raġuni għaliex, f’dil-kawża,, huwa l-imħallef Franċiż li jinsab fl-aħjar sitwazzjoni sabiex jiddeċiedi dwar il-kwistjoni tat-telf ta’ partijiet mis-suq ta’ Concurrence fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ bejgħ ta’ prodotti tal-linja ELITE kemm mill-ħanut tagħha f’Pariġi kif ukoll minn fuq is-sit internet tagħha, li huwa amministrat minnha mis-sede tagħha f’Pariġi.

66.

Barra minn hekk, filwaqt li nżommu f’moħħna li d-determinazzjoni tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż għandu jissodisfa l-għan ta’ prevedibbiltà lill-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni, prinċipju fundamentali ieħor tar-Regolament Nru 44/2001 (rifless fil-premessa 11). B’mod simili għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Wintersteiger (C‑523/10, EU:C:2012:220), li l-għan tal-prevedibbiltà fil-kawża prinċipali jimmilita wkoll favur attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni, rigward il-materjalizzazzjoni tad-dannu, għall-qrati tal-Istat Membru li fih huwa protett id-dritt inkwistjoni (fil-każ tad-dritt esklużiv tad-distributur).

67.

Fl-aħħar nett, Amazon Services Europe issostni li l-ipoteżi tal-aċċessibbiltà ma għandhiex tiġi aċċettata, minħabba li tiffavorixxi forum shopping bir-riskju li, b’kont meħud tal-ispeċifiċità tad-drittijiet nazzjonali, twassal għal law shopping permezz ta’ kontaminazzjoni. Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, minn naħa, li dan l-argument imqajjem mill-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Pinckney (C‑170/12, EU:C:2013:400, punt 68) ma ġiex segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha fl-imsemmija kawża u min-naħa l-oħra, fl-opinjoni tiegħi, dan it-tħassib għalija jidher eżaġerat speċjalment minħabba li l-qorti nazzjonali ma tistax tagħti danni ħlief għal danni li jkunu seħħew fit-territorju tal-Istat Membru li jappartjeni lilha ( 31 ).

b) Il-fatt li dan il-każ ma jittrattax dritt ta’ proprjetà intellettwali huwa rilevanti?

68.

Naħseb li s-soluzzjoni proposta f’dawn il-konklużjonijiet hija ġġustifikata, minn naħa, minħabba li hija konformi mal-għanijiet tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 (speċjalment dak li jagħti l-ġurisdizzjoni lill-qorti li tinsab fl-aħjar sitwazzjoni li tieħu konjizzjoni tal-allegazzjoni) u, min-naħa oħra, hija ġġustifikata, għalkemm ma huwiex inkwistjoni, f’dan il-każ, dritt ta’ proprjetà intellettwali.

69.

Barra minn hekk, fl-opinjoni tiegħi, fil-kuntest ta’ din il-kawża, dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni f’territorju huwa simili għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

70.

Fil-fatt, raġunament simili għal dak tas-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Coty Germany (C‑360/12, EU:C:2014:1318), huwa ġġustifikat fl-isfond taċ-ċirkustanza li t-territorjalità tal-protezzjoni mogħtija, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fl-imsemmija kawża, ma kienx marbut iktar mal-portata tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali protett, minħabba li kien jittratta, f’dan il-każ, trade mark Komunitarja.

71.

Mingħajr ma tittratta speċifikament l-internet, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Coty Germany (C-360/12, EU:C:2014:1318) speċifikat li, fil-każ ta’ allegazzjoni ta’ pubbliċità komparattiva lleċita jew ta’ imitazzjoni żleali ta’ sinjal protett minn trade mark Komunitarja, ipprojbiti mil-liġi dwar l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni żleali tal-Istat Membru tal-ġurisdizzjoni adita, il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 jippermetti li tiġi stabbilita, skont il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, il-ġurisdizzjoni tal-qorti sabiex tittieħed konjizzjoni ta’ azzjoni ta’ responsabbiltà bbażata fuq l-imsemmija liġi nazzjonali introdotta kontra persuna stabbilita fi Stat Membru ieħor u li qed jiġi allegat li hija wettqet fih, att li jwassal jew li jista’ jwassal fil-ġurisdizzjoni tal-qorti adita, għal dannu. Barra minn hekk, kemm skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma II, kif ukoll skont l-Artikoli 6(2) u (4) tiegħu, din il-qorti tapplika d-dritt nazzjonali tagħha.

c) L-oriġini tas-siti tal-Internet “barranin” (jiġifieri s-siti minbarra Amazon.fr) hija rilevanti?

72.

Fl-opinjoni tiegħi, l-oriġini tas-siti li fuqhom il-prodotti kkonċernati kienu disponibbli ma hijiex pertinenti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni.

73.

Fil-fatt, kif tinnota l-Kummissjoni, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata abbażi tas-suq li l-fih inbiegħu l-prodotti li huma suġġetti għad-dritt ta’ distribuzzjoni esklużiva u għalhekk fejn seħħ id-dannu. Fil-kawża prinċipali, kif diġà ġie osservat, id-distributur jidher li għandu dritt esklużiv limitat għat-territorju Franċiż u għalhekk huwa fi Franza li ġarrab tnaqqis fil-bejgħ tiegħu u, konsegwentement, telf ta’ profitti. Il-fatt li dan it-tnaqqis u dan it-telf kienu kkawżati minn siti stabbiliti fi Franza jew lil hinn minnha ma huwiex rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-portata tal-inġunzjoni mitluba mid-distributur, jiġifieri l-identifikazzjoni tas-siti internet li jistgħu jkunu suġġetti għal din l-inġunzjoni.

74.

Fi kliem ieħor, id-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija ħaġa, filwaqt li l-portata tal-inġunzjoni li tista’ tiġi ppronunzjata kontra l-konvenuta fil-proċeduri tal-kawża prinċipali, jiġifieri l-identifikazzjoni tas-siti internet li fuqhom dawn ma jistgħux iktar jagħmlu disponibbli offerti ta’ bejgħ tal-prodotti kontenzjużi, hija ħaġa oħra. Evidentement, jekk ir-rikorrent fil-proċeduri tal-kawża prinċipali huwa f’sitwazzjoni li juri, prima facie, li t-tnaqqis fil-bejgħ u t-telf ta’ profitti li huwa ġarrab fi Franza huma dovuti mhux biss għall-attivitajiet tas-sit Amazon.fr, iżda wkoll għall-attivitajiet tas-siti barranin tal-Amazon, għandu jipprova jikseb ukoll quddiem il-ġurisdizzjonijiet Franċiżi inġunzjoni fuq dawn is-siti internet. Madankollu, din hija kwistjoni dwar il-mertu tal-kawża u ma tikkonċernax l-identifikazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni. Kif ġie indikat iktar ’il fuq, wieħed jista’ jassumi li d-dritt ta’ distribuzzjoni esklużiva li tibbenefika minnha Concurrence għandu kamp ta’ applikazzjoni territorjali limitat għas-suq Franċiż ( 32 ). Il-ġurisdizzjoni Franċiża għalhekk għandha tistabbilixxi sa fejn id-disponibbiltà tal-prodotti koperti minn dan id-dritt fuq is-siti barranin setgħet tinterferixxi mad-drittijiet ta’ Concurrence fis-suq Franċiż.

75.

Fl-isfond ta’ dan, xieraq li ninnota li l-kwistjoni jekk effettivament kienx hemm ksur tad-dritt ta’ distribuzzjoni esklużiva fil-kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali, hija kwistjoni fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex qed tisma’ fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-identifikazzjoni tal-post fejn ikun seħħ il-fatt dannuż, ma tistax tiddependi fuq elementi li jistgħu jiġu eżaminati fi stadju ulterjuri, bħall-analiżi tal-mertu tal-kawża.

V – Konklużjoni

76.

Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi d-domanda preliminari magħmula mill-Cour de cassation (France) (qorti tal-kassazzjoni (Franza)) kif ġej:

Il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ allegat ksur tal-projbizzjoni tal-bejgħ barra minn netwerk ta’ distribuzzjoni esklużiva mwettaq mill-offerta permezz tal-internet ta’ prodotti suġġetti għad-dritt esklużiv fuq siti li joperaw fi Stati Membri differenti, il-post fejn iseħħ id-dannu għandu jitqies bħala l-post fejn id-detentur tad-dritt ta’ distribuzzjoni esklużiva jġarrab tnaqqis fil-bejgħ tiegħu, post li jikkoinċidi mat-territorju li fih huwa protett id-dritt. L-oriġini tas-siti li fuqhom il-prodotti kkonċernati ġew offerti ma hijiex rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap 19, Vol.4, p. 42).

( 3 ) Ara Gaudemet-Tallon, H., Compétence et exécution des jugements en Europe, LGDJ Lextenso éditions, 5ème édition, 2015, p. 284, kif ukoll id-duttrina ċċitata u d-diskussjoni tal-ġurisprudenza Franċiża dwar dawn il-kwistjonijiet, li kienet immarkata mid-diverġenza bejn l-ewwel awla tal-qorti ċivili u l-awla kummerċjali tal-Cour de cassation (France) (qorti tal-kassazzjoni (Franza)). Ara wkoll Kur, A., “Article 2:202: Infringement” kif ukoll “Special issues posed by Internet use and ‘media overspill’”, f’Conflict of laws in Intellectual Property, The CLIP Principles and Commentary, European Max Planck Group on CLIP, Oxford, 2013, p. 80.

( 4 ) Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012 L 351, p. 1).

( 5 ) Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU 2007, L 199, p. 40).

( 6 ) Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2011:474, punti 6465).

( 7 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6).

( 8 ) Ara Gaudemet-Tallon, H., op. cit, p. 286.

( 9 ) Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2013, Melzer (C‑228/11, EU:C:2013:305, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2013, Melzer (C‑228/11, EU:C:2013:305, punt 23).

( 11 ) Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2013, Melzer (C‑228/11, EU:C:2013:305, punt 24).

( 12 ) Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2013, Melzer (C‑228/11, EU:C:2013:305, punt 25). Ara wkoll is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 1995, Shevill et (C‑68/93, EU:C:1995:61, punti 3033).

( 13 ) Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2013, Melzer (C‑228/11, EU:C:2013:305, punt 26).

( 14 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Pinckney (C‑170/12, EU:C:2013:635, punt 28).

( 15 ) Sentenza tad-19 ta’ April 2012, Wintersteiger (C‑523/10, EU:C:2012:220, punt 21).

( 16 ) Ara s-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685), kif ukoll tad-19 ta’ April 2012, Wintersteiger (C‑523/10, EU:C:2012:220).

( 17 ) Sentenzi tad-19 ta’ April 2012, Wintersteiger (C‑523/10, EU:C:2012:220); tat-3 ta’ Ottubru 2013, Pinckney (C‑170/12, EU:C:2013:635) u tat-22 ta’ Jannar 2015, Hejduk (C‑441/13, EU:C:2015:28).

( 18 ) Sentenza tad-19 ta’ April 2012, Wintersteiger (C‑523/10, EU:C:2012:220, punt 39).

( 19 ) F’xi wħud mis-sentenzi li ġejjin, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżiġietx din iċ-ċirkustanza, jiġifieri s-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punt 52), tad-19 ta’ April 2012, Wintersteiger (C‑523/10, EU:C:2012:220, punt 29), tat-3 ta’ Ottubru 2013, Pinckney (C‑170/12, EU:C:2013:635, punt 42), kif ukoll tat-22 ta’ Jannar 2015, Hejduk (C‑441/13, EU:C:2015:28, punt 32).

( 20 ) Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding (C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding (C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Fl-Istati Uniti, il-ġurisprudenza li tikkonċerna l-ġurisdizzjoni tal-qorti għall-ksur ta’ dritt (u diffamazzjoni) permezz ta’ mezz tal-midja omnipreżenti bħal internet hija influwenzata b’mod partikolari mis-sentenza Zippo Manufacturing v Zippo Dot Com 952 F Supp 1119 (WD Penn 1997). Ara Dunham, C.R., Elon University School of Law Legal Research Paper No. 2008-01 (http://papers.ssrn.com/sol3/papers.cfm?abstract_id=1273709).

( 23 ) Dan il-kriterju diġà ġie msemmi mill-Avukat Ġenerali Léger fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Shevill et. (C‑68/93, EU:C:1995:1, punti 4445 kif ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 28): “jista’ jitqies bħala dannu speċifiku wkoll attentat fuq ir-reputazzjoni jew l-unur ta’ persuna li huwa inseparabbli minn din il-persuna u dan neċessarjament iseħħ fil-post ta’ residenza tagħha […] Jien konvint li f’tali sitwazzjonijiet, il-post li fih ikun seħħ id-dannu jikkoinċidi mat-territorju li fih inxterdet il-pubblikazzjoni. Id-dannu huwa sperabbli mill-post tad-domiċilju tal-persuna leża li […] mhux neċessarjament tippreżenta rabta mad-dannu […] Dwar dan il-punt, hija simili l-analiżi tal-qorti suprema tal-Istati Uniti fil-kawża Keeton v Hustler Magazine Inc., 465 US 770, 79 L Ed 2d 790, 104 S Ct 1473, u b’mod partikolari (10): There is no justification for restricting libel actions to the plaintiff’s home forum. The victim of a libel, like the victim of any other tort, may choose to bring suit in any forum with which the defendant has certain minimum contacts... such that the maintenance of the suit does not offend traditional notions of fair play and substantial justice” (l-enfasi miżjuda minni).

( 24 ) Ara Oberlandesgericht Bremen (qorti reġjonali superjuri ta’ Bremen, il-Ġermanja) CR 2000, 771, Court d’appell d’Orléans (France) (qorti tal-appell ta’ Orléans, Franza) Rev crit 93 (2004), 139, Landgericht Köln (qorti reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja) GRUR-RR 2006, 195. Ara Mankowski, P., fi Spindler/Wiebe (pubblikaturi), Internet-Auktionen und elektronische Marktplätze, 2005, Kapitolu 12, punt 66.

( 25 ) Ara Rauscher, T., Mankowski, P., “Artikel 5 Brüssel I-VO”, Europäisches Zivilprozeßrecht Sellier, 2ème édition 2006, paragraphe 86d, p. 206.

( 26 ) It-traduzzjoni u l-enfasi miżjuda minni “[i]n infringement matters, the direct harmful event will usually be the financial loss which is suffered by the holder of the right at the place where the infringing material is marketed, advertised or used. In the reference book in the matter, Professors Fawcett and Torremans have pointedly noted in that respect that ‘in many cases an act of infringement will cause direct economic loss to the plaintiff […]. It is not usually hard to identify what the loss is. If, for instance, the defendant sells an infringing product this will result in a loss of sales. Damage is, therefore, sustained in the place in which the sales are lost. This will be the place in which the infringing product is sold’. […] It is submitted that this analysis is in total agreement with the case law of the [Court], and that could be extended to other kinds of infringement actions. Thus, with respect to copyrights, the financial loss is usually sustained where copies of the infringing material are sold or issued to the public; in trade marks, where the sign is used in support of the marketing or offering of products”. Ara Nuyts, A., International Litigation in Intellectual Property and Information Technology (European Commission Research Project on Judicial Cooperation in Matters of Intellectual Property and Information Technology), Wolters Kluwer, 2008, p. 123. Ara wkoll Pazdan, M., u Szpunar, M., “Cross-Border Litigation of Unfair Competition over the Internet”, f’Nuyts, A., op.cit., p. 1 31.

( 27 ) Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Pinckney (C‑170/12, EU:C:2013:635, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 28 ) Dan huwa kkonfermat mill-Avukat Ġenerali Mollard fl-opinjoni tiegħu quddiem il-qorti tal-kassazzjoni fil-kawża prinċipali Nru H1416737, deċiżjoni kkontestata: 6 ta’ Frar 2014 tal-Cour d’appell de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi, Franza) seduta tat-22 ta’ Settembru 2015 – FR (nru 14).

( 29 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1998, Réunion européenne et (C‑51/97, EU:C:1998:509, punt 27).

( 30 ) Traduzzjoni tiegħi “[T]hose who make information accessible by a particular method do so knowing of the reach that their information may have. In particular, those who post information on the [Internet] do so knowing that the information they make available is available to all and sundry without any geographic restriction”. Ara Dow Jones and Company Inc v Gutnick [2002] High Court of Australia 56; 210 CLR 575; 194 ALR 433; 77 ALJR 255 (10 ta’ Diċembru 2002), 39 (Gleeson C.J., McHugh, Gummow u Hayne J.J.).

( 31 ) Ara l-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara Rosati, E., “Brussels I Regulation and online copyright infringement: ‘intention to target’ approach rejected”, Journal of Intellectual Property Law & Practice, 2014, Vol. 9, Nru 1, p. 19.

( 32 ) Evidentement, naħseb (bħall-Kummissjoni) li jekk jirriżulta li Concurrence tibbenefika mid-drittijiet ta’ distribuzzjoni esklużiva għat-territorji barra minn Franza, l-imħallef Franċiż, bħala l-imħallef tal-post fejn seħħ id-dannu (ara s-sentenza tas-7 ta’ Marzu 1995, Shevill et (C‑68/93, EU:C:1995:61, l-ewwel kriterju) ma għandux ġurisdizzjoni għall-konjizzjoni tad-danni eventwali mġarrba f’dawn it-territorji l-oħra.