2.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 73/11


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Bulgarija) fit-3 ta’ Diċembru 2014 – Proċeduri kriminali kontra Atanas Ognyanov

(Kawża C-554/14)

(2015/C 073/17)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofiyski gradski sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Proċeduri kriminali kontra: Atanas Ognyanov

Fil-preżenza ta’: Sofiyska gradska prokuratura

Domandi preliminari

1)

Id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI, tas-27 ta’ Novembru 2008, jipprekludu lill-Istat ta’ eżekuzzjoni milli jnaqqas, matul il-proċedura ta’ trasferiment, it-tul tal-piena ta’ priġunerija imposta mill-Istat emittenti, fuq il-bażi tax-xogħol ipprovdut waqt li din il-piena kienet qiegħda tiġi skontata fl-Istat emittenti, b’tali mod li:

A)

it-tnaqqis tal-piena jirriżulta mill-applikazzjoni, skont l-Artikolu 17(1) [tad-Deċiżjoni Qafas], tal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ eżekuzzjoni għall-infurzar tal-piena. L-applikazzjoni, għall-infurzar tal-piena, tal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ eżekuzzjoni sa mill-proċedura ta’ trasferiment, fir-rigward ta’ fatti (xogħol ipprovdut f’ħabs tal-Istat emittenti) li seħħew matul il-perijodu li matulu l-persuna kkundannata kienet tinsab taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istat emittenti, hija kompatibbli mad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq?

B)

it-tnaqqis tal-piena jirriżulta minn tnaqqis skont l-Artikolu 17(2) [tad-Deċiżjoni Qafas]. Tnaqqis, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, li bis-saħħa tagħha ssir evalwazzjoni legali ġdida tal-fatti li seħħew fl-Istat emittenti (xogħol ipprovdut f’ħabs tal-Istat emittenti), li jikkorrispondi għal perijodu itwal mill-perijodu ta’ priġunerija ordnat inkonformità mal-leġiżlazzjoni ta’ dan tal-aħħar, huwa kompatibbli mad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq?

2)

Fil-każ li d-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-Deċiżjoni Qafas, jew inkella dispożizzjonijiet oħra tagħha, japplikaw għat-tnaqqis tal-piena inkwistjoni, huwa meħtieġ li l-Istat emittenti, li jkun għamel talba espliċita f’dan is-sens, jiġi informat u huwa meħtieġ li l-proċedura ta’ trasferiment titwaqqaf jekk dan jopponi għal tali tnaqqis? Fil-każ li jeżisti obbligu ta’ informazzjoni, x’inhi n-natura ta’ din l-informazzjoni: ġenerali u astratta, dwar id-dritt applikabbli, jew inkella dwar it-tnaqqis tal-piena konkret li l-qorti jkollha l-intenzjoni tagħti lill-persuna kkundannata?

Domanda komplementari

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Artikolu 17(1) u (2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI jipprekludi tnaqqis tal-piena mill-Istat ta’ eżekuzzjoni fuq il-bażi tad-dritt intern ta’ dan tal-aħħar (minħabba xogħol ipprovdut fl-Istat emittenti), id-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali li tapplika, minkejja kollox, il-liġi nazzjonali tagħha, minħabba li tkun inqas ħarxa mill-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI, hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni?