SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

1 ta’ Ottubru 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Artikolu 2(1) u (2)(a) — Differenza fit-trattament bbażata fuq l-età — Komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet — Ħlas ta’ kumpens fi tmiem il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat intiż sabiex jikkumpensa l-prekarjetà — Esklużjoni taż-żgħażagħ li jaħdmu matul il-vaganzi skolastiċi jew universitarji tagħhom”

Fil-Kawża C‑432/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-conseil de prud’hommes ta’ Pariġi (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Settembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Settembru 2014, fil-proċedura

O

vs

Bio Philippe Auguste SARL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Ġunju 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal O, minnu nnifsu,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn O u Bio Philippe Auguste SARL minħabba li din irrifjutat li tagħtih, skont il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu għal żmien determinat, kumpens ta’ tmiem il-kuntratt.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), “[l]-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġguni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

i)

meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, [...]

[...]”

Id-dritt Franċiż

5

L-Artikolu L. 1243-8 tal-Kodiċi tax-Xogħol jipprovdi:

“Meta, fi tmiem kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, ir-relazzjonijiet kuntrattwali ta’ xogħol ma jitkomplewx permezz ta’ kuntratt għal żmien indeterminat, l-impjegat għandu dritt, bħala suppliment għas-salarju, għal kumpens ta’ tmiem il-kuntratt intiż sabiex jikkumpensa l-prekarjetà tas-sitwazzjoni tiegħu.

Dan il-kumpens huwa ta’ 10 % tar-remunerazzjoni totali gross imħallsa lill-impjegat.

Dan għandu jiżdied mar-remunerazzjoni totali gross dovuta lill-impjegat. Hija għandha titħallas fi tmiem il-kuntratt flimkien mal-aħħar salarju u tidher fuq ir-rendikont ta’ salarju korrispondenti”.

6

L-Artikolu L. 1243-10 tal-Kodiċi tax-Xogħol jipprovdi li:

“Il-kumpens ta’ tmiem il-kuntratt ma huwiex dovut:

Meta l-kuntratt jiġi konkluż skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu L. 1242-2 jew tal-Artikolu L. 1242-3, sakemm ma jiġux miftiehma dispożizzjonijiet iktar favorevoli;

Meta l-kuntratt huwa konkluż ma’ żagħżugħ għal perijodu inkluż fil-vaganzi skolastiċi jew universitarji tiegħu;

Meta l-impjegat jirrifjuta li jaċċetta li jiġi konkluż kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat sabiex jokkupa l-istess impjieg jew impjieg simili, b’remunerazzjoni tal-inqas ekwivalenti.

F’każ ta’ tmiem antiċipat tal-kuntratt fuq inizjattiva tal-impjegat, nuqqas gravi tiegħu jew f’każ ta’ forza maġġuri”.

7

Skont l-Artikolu L. 381-4 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali:

“L-istudenti tal-istabbilimenti ta’ tagħlim superjuri, tal-iskejjel tekniċi superjuri, tal-grandes écoles, u klassijiet tat-tieni grad li jippreparaw għal dawn l-iskejjel, li filwaqt li ma għandhomx assigurazzjoni soċjali taħt it-titolu stabbilit fl-Artikolu L. 380-1 jew li għandhom dritt għall-assigurazzjoni soċjali, ma jaqbżux ċerta età limitu għandhom jiġu affiljati obbligatorjament għall-assigurazzjoni soċjali”.

8

“L-Artikolu R. 381-5 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali jippreċiża li “[l]-età limitu prevista fl-Artikolu L. 381-4 hija ffissata għal 28 sena”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

Fil-21 ta’ Diċembru 2010, meta kien għadu student, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie impjegat minn Bio Philippe Auguste SARL fuq bażi ta’ kuntratt għal żmien indeterminat konkluż għall-perijodu bejn il-21 ta’ Diċembru sal-24 ta’ Diċembru 2010 matul il-vaganzi universitarji tiegħu. Fit-tmiem tal-kuntratt tiegħu, skont l-Artikolu L. 1243-10, 2°, tal-Kodiċi tax-Xogħol, ma ingħatax il-kumpens ta’ tmiem il-kuntratt.

10

Peress li qies li din id-dispożizzjoni hija kuntrarja għad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali li jiggarantixxu l-prinċipju ta’ ugwaljanza u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali beda azzjoni quddiem il-conseil de prud’hommes ta’ Pariġi sabiex jikseb is-somma ta’ EUR 23.21 bħala kumpens ta’ tmiem il-kuntratt, il-kwalifika mill-ġdid tal-kuntratt tiegħu għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat u s-somma ta’ EUR 4500 bħala kumpens għat-tkeċċija tiegħu mingħajr kawża reali u gravi.

11

Fl-1 ta’ Marzu 2012, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq talba prijoritarja ta’ kostituzzjonalità. Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Jannar 2014, il-conseil de prud’hommes ta’ Pariġi bagħat din il-kwistjoni lill-Cour de cassation. Permezz ta’ sentenza tad-9 ta’ April 2014, din tal-aħħar bagħtet l-imsemmija kwistjoni quddiem il-Conseil constitutionnel.

12

Permezz tad-deċiżjoni Nru 2014-401 QPC tat-13 ta’ Ġunju 2014, il-Conseil constitutionnel, wara li rrileva li “id-dispożizzjonijiet ikkontestati japplikaw biss għall-istudenti li ma qabżux l-età limitu, prevista mill-Artikolu L. 381-4 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali, sabiex jkunu affiljati obbligatorjament għall-assigurazzjoni soċjali abbażi tar-reġistrazzjoni tagħhom fi stabbiliment skolastiku jew universitarju”, ikkunsidrat, sussegwentement, li l-“l-ilment ibbażat fuq il-fatt li billi adotta d-dispożizzjonijiet ikkontestati, il-leġiżlatur ma ddefinixxix il-kunċett ta’ ‘żagħżugħ’ [kien jaqa’] fil-fatt” u, min-naħa l-oħra, li “l-prinċipju ta’ ugwaljanza ma jipprekludix li l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi fir-rigward tal-istudenti tkun suġġetta għal limitu ta’ età”.

13

Barra minn hekk, wara li fakkret li l-“kumpens ta’ tmiem il-kuntratt huwa mħallas lill-impjegat b’kuntratt għal żmien determinat sabiex ‘tiġi kkumpensata l-prekarjetà tas-sitwazzjoni tiegħu’ meta fi tmiem il-kuntratt tiegħu r-relazzjonijiet kuntrattwali ta’ xogħol ma jitkomplewx permezz ta’ kuntratt għal żmien indeterminat”, il-Conseil constitutionnel iddeduċiet minn dan li “l-istudenti impjegati skont kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat għal perijodu bejn il-perijodi tal-vaganzi skolastiċi jew universitarji tagħhom ma humiex f’sitwazzjoni identika la għal dik tal-istudenti li jaħdmu waqt l-istudji tagħhom u lanqas għal dik tal-impjegati l-oħra b’kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat” u li, sussegwentement, “billi eskluda l-ħlas ta’ dan il-kumpens meta l-kuntratt ikun konkluż bejn student impjegat matul il-vaganzi skolastiċi jew universitarji tiegħu u li għandu l-intenzjoni, wara dawn il-vaganzi, li jkompli l-iskola jew l-istudji tiegħu, il-leġiżlatur ħoloq differenza fit-trattament ibbażata fuq differenza fis-sitwazzjoni tiegħu meta mqabbla mas-suġġett tal-liġi”.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-conseil de prud’hommes ta’ Pariġi ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonli (l-Artikolu L. 1243-10 tal-Kodiċi tax-Xogħol Franċiż) li jeskludi liż-żgħażagħ li jaħdmu matul il-vaganzi skolastiċi jew universitarji tagħhom, milli jibbenefikaw minn kumpens għall-prekarjetà dovut f’każ ta’ impjieg f’forma ta’ kuntratt għal żmien determinat li ma jkunx segwit minn offerta għal impjieg għal żmien indeterminat?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

15

Matul is-seduta, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali espliċitament irrikonoxxa li kien relatat b’parentela mal-amministraturi tal-konvenuta fil-kawża prinċipali u li t-tilwima nħolqot biss għas-sempliċi għan li jiġu kkontestati d-dispożizzjonijiet fil-kawża prinċipali. Il-fatt li l-konvenuta ma ressqet l-ebda osservazzjonijiet fl-ebda stadju tal-proċedura huwa spjegat, fil-fehma tiegħu, mill-ammont żgħir inkwistjoni.

16

Huwa probabbli, f’tali kuntest, li l-qorti tar-rinviju hija adita b’tilwima maħluqa apposta li l-għan veru tagħha ma huwiex il-kisba tal-kumpens ta’ tmiem il-kuntratt, iżda l-kontestazzjoni pura u sempliċi tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

17

Hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li taf direttament il-fatti fil-kawża prinċipali u li hija, għaldaqstant, fl-aħjar pożizzjoni sabiex twettaq il-verifiki neċessarji, li għandha teżamina jekk dan huwiex il-każ u, skont il-każ, li tiġbed il-konsegwenzi previsti mid-dritt nazzjonali sabiex tagħti d-deċiżjoni li għandha tagħti.

18

Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta d-domandi magħmula minn qorti nazzjonali jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni, sakemm ma jidhirx manifestament li t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-verità hija intiża li twassalha biex tagħti deċiżjoni permezz ta’ kawża fittizja jew li tagħti opinjonijiet konsultattivi fuq domandi ġenerali jew ipotetiċi, li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda relazzjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża, jew inkella li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex punti ta’ fatt jew ta’ liġi meħtieġa biex twieġeb b’mod effettiv għad-domandi li jkunu tressqu quddiemha (sentenza DR u TV2 Danmark, C‑510/10, EU:C:2012:244, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju effettivament tirrispondi għall-bżonn oġġettiv inerenti għas-soluzzjoni ta’ kawża pendenti quddiemha. Fil-fatt, mhuwiex ikkontestat li l-kuntratt konkluż bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali effettivament ġie eżegwit u li l-applikazzjoni tiegħu tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mangold, C‑144/04, EU:C:2005:709, punt 38).

20

Minn dan jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

21

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, u, b’mod iżjed partikolari, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u kkonkretizzat bid-Direttiva 2000/78, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha kumpens ta’ tmiem il-kuntratt, imħallas bħala suppliment għas-salarju fi tmiem kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat meta r-relazzjonijiet kuntrattwali ta’ xogħol ma jitkomplewx permezz ta’ kuntratt għal żmien indeterminat, ma huwiex dovut fil-każ fejn il-kuntratt huwa konkluż ma żagħżugħ għal perijodu inkluż fil-vaganzi skolastiċi jew universitarji tiegħu.

22

Fir-rigward tal-kwistjoni, imqajma mill-Kummissjoni Ewropea, dwar jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jistax jikkwalifika bħala “ħaddiem”, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-kunċett għandu portata awtonoma u ma għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv. Għaldaqstant, għandha titqies li hija “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE kull persuna li teżerċita attivitajiet reali u effettivi, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet tant żgħar li jkunu purament marġinali u aċċessorji. Il‑karatteristika tar‑relazzjoni ta’ xogħol hija, skont din il‑ġurisprudenza, il‑fatt li persuna twettaq matul ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt id‑direzzjoni tagħha, servizzi li b’korrispettiv għalihom hija tirċievi remunerazzjoni (sentenzi Lawrie-Blum, 66/85, EU:C:1986:284, punti 1617;Collins, C‑138/02, EU:C:2004:172, punt 26;Trojani, C‑456/02, EU:C:2004:488, punt 15, kif ukoll Neidel,C‑337/10, EU:C:2012:263, punt 23).

23

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie impjegat fil-21 ta’ Diċembru 2010 abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat konkluż għall-perijodu bejn il-21 ta’ Diċembru u l-24 ta’ Diċembru 2010, inkluż fil-vaganzi universitarji tiegħu. It-tul effettiv ta’ dan il-kuntratt huwa għalhekk ta’ erbgħat ijiem biss.

24

Għalkemm huwa minnu li l-fatt li persuna taħdem biss numru limitat ta’ sigħat fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol huwa ħjiel li l-attivitajiet huma marġinali u anċillari, xorta jibqa’ l-fatt li, indipendentement min-natura limitata tar-remunerazzjoni tal-attività professjonali u tan-numru ta’ sigħat iddedikati għaliha, ma jistax jiġi eskluż li, fid-dawl ta’ evalwazzjoni ġenerali tal-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni, din l-attività tista’ titqies mill-awtoritajiet nazzjonali li hija reali u effettiva, u għaldaqstant, tippermetti li min jeżerċitaha jikkwalifika bħala “ħaddiem” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Genc, C‑14/09, EU:C:2010:57, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

L-evalwazzjoni globali tal-kuntratt ta’ xogħol tar-rikorrent fil-kawża prinċipali timplika għalhekk it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi relatati mhux biss mal-ħin tax-xogħol u l-ammont tar-remunerazzjoni, iżda wkoll id-dritt għal leave imħallas, id-dritt għal salarju fil-każ ta’ mard, il-fatt li l-kuntratt huwa suġġett għall-ftehim kollettiv applikabbli, il-ħlas ta’ imposti u, skont il-każ, in-natura ta’ dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Genc, C‑14/09, EU:C:2010:57, punt 27).

26

L-analiżi tal-konsegwenzi li jista’ jkollhom il-fatturi kollha li jikkaratterizzaw relazzjoni ta’ xogħol fil-konstatazzjoni tan-natura reali u effettiva tal-impjieg eżerċitat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali u, għalhekk, fil-kwalità tiegħu ta’ ħaddiem, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali. Fil-fatt, din tal-aħħar hija l-unika waħda li għandha għarfien dirett tal-fatti fil-kawża prinċipali, u minħabba dan, tinsab fl-aħjar pożizzjoni li tagħmel l-analiżi meħtieġa (sentenza Genc, C‑14/09, EU:C:2010:57, punt 32).

27

Għalhekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel evalwazzjoni ddettaljata tal-elementi kollha relevanti, b’mod partikolari ta’ dawk imsemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, sabiex tiddetermina jekk il-kuntratt ta’ xogħol li kellu r-rikorrent fil-kawża prinċipali huwiex ta’ natura li jippermetti lil dan tal-aħħar jgawdi mill-kwalità ta’ “ħaddiem” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

28

Fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tqis li r-rikorrent fil-kawża prinċipali għandu jiġi kkunsidrat bħala tali, għandu jiġi eżaminat jekk għandux jibbenefika, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

29

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78 il-“prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jiġi mifhum bħala “l-assenza ta’ kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta, ibbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva” li fosthom tidher l-età. L‑Artikolu 2(2)(a) tagħha jippreċiża li, għall‑finijiet tal‑applikazzjoni tal‑paragrafu 1 tal‑istess artikolu, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli hija, kienet jew ser tkun trattata persuna oħra f’sitwazzjoni paragunabbli, fuq il-bażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal‑imsemmija direttiva.

30

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla mhux biss tat-tfittxija ta’ għan partikolari fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fid-definizzjoni tal-miżuri li jistgħu jwettquh (sentenza Schmitzer, C‑530/13, EU:C:2014:2359, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

B’mod partikolari, r-rekwiżit relatat man-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et, C-127/07, EU:C:2008:728, punt 25).

32

Għandu wkoll jiġi ppreċiżat li, minn naħa, ma huwiex meħtieġ li s-sitwazzjonijiet ikunu identiċi, iżda biss li jkunu paragunabbli u, min-naħa l-oħra, l-eżami ta’ din in-natura paragunabbli ma għandux isir b’mod globali u astratt, iżda b’mod speċifiku u konkret fir-rigward tal-benefiċċju kkonċernat (sentenza Hay, C‑267/12, EU:C:2013:823, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk is-sitwazzjoni ta’ student bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, impjegat abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat matul il-vaganzi universitarji tiegħu, hijiex oġġettivament paragunabbli, fir-rigward tal-għan intiż mill-Artikolu L. 1243‑8 tal-Kodiċi tax-xogħol, ma’ dik tal-ħaddiema li, skont din id-dispożizzjoni, huma eliġibbli għall-kumpens ta’ tmiem il-kuntratt.

34

F’dan il-każ, filwaqt li l-kumpens ta’ tmiem il-kuntratt, li l-ħlas tiegħu għandu jsir fi tmiem il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, huwa intiż sabiex jikkumpensa, kif ifakkar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 1243‑8 tal-Kodiċi tax-Xogħol, il-prekarjetà tas-sitwazzjoni tal-impjegat meta r-relazzjoni kuntrattwali ma titkompliex permezz ta’ kuntratt għal żmien indeterminat, l-Artikolu L. 1243-10, 2°, ta’ dan il-kodiċi jeskludi espliċitament mill-benefiċċju ta’ dan il-kumpens iż-żgħażagħ li kkonkludew kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat għal perijodu matul il-vaganzi skolastiċi jew universitarji.

35

B’hekk, il-leġiżlatur nazzjonali, impliċitament iżda neċessarjament, ikkunsidra li dawn iż-żgħażagħ ma humiex, fi tmiem il-kuntratt tagħhom, f’sitwazzjoni ta’ prekarjetà professjonali.

36

Fil-fatt, għandu jiġi osservat, kif jagħmel il-Gvern Franċiż, li impjieg eżerċitat abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat minn student matul il-vaganzi skolastiċi jew universitarji tiegħu huwa kkaratterizzat min-natura tiegħu fl-istess ħin temporanja u aċċessorja, peress li dan l-istudent għandu l-intenzjoni li jkompli bl-istudji tiegħu fi tmiem il-vaganzi tiegħu.

37

Minn dan isegwi li, billi kkunsidra li s-sitwazzjoni ta’ żgħażagħ li jkunu kkonkludew kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat għal perijodu matul il-vaganzi skolastiċi jew universitarji tagħhom ma hijiex paragunabbli ma’ dik ta’ kategoriji oħra ta’ ħaddiema eliġibbli għall-kumpens ta’ tmiem il-kuntratt, il-leġiżlatur nazzjonali bl-ebda mod ma mar lil hinn mil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu fil-qasam tal-politika soċjali.

38

Fil-fatt din il-kundizzjoni hija kkorroborata mill-fatt li kategoriji oħra ta’ impjegati, li jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli f’termini ta’ prekarjetà fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 1243‑8 tal-Kodiċi tax-Xogħol ma’ dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, ġew ukoll esklużi mill-Artikolu L. 1243‑10 ta’ dan il-kodiċi mill-benefiċċju tal-imsemmi kumpens. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-impjegati impjegati skont l-Artikolu L. 1242‑2, 1°, tal-imsemmi kodiċi sabiex tiġi żgurata, fil-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni, is-sostituzzjoni ta’ impjegati oħra impjegati skont l-Artikolu L. 1242‑2, 3°, ta’ dan l-istess kodiċi sabiex jokkupaw “impjiegi ta’ natura staġunali jew li għalihom, f’ċerti setturi ta’ attività ddefiniti permezz ta’ digriet jew bi ftehim jew ftehim kollettiv ta’ impjieg wiesa’, hija użanza kostanti li ma jintużax kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat minħabba n-natura tal-attività eżerċitata u tan-natura minnha nfisha temporanja ta’ dawn l-impjiegi”.

39

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li student, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, impjegat abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat għal perijodu inkluż fil-vaganzi skolastiċi jew universitarji tiegħu ma huwiex, fir-rigward tal-għan intiż mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 1243‑8 f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli ma’ dik tal-ħaddiema li, skont din id-dispożizzjoni, huma eliġibbli għall-kumpens ta’ tmiem il-kuntratt. Konsegwentement, id-differenza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema ma tistax tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

40

Għalhekk, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u kkonkretizzat mid-Direttiva 2000/78, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha kumpens ta’ tmiem il-kuntratt, imħallas bħala suppliment għas-salarju fi tmiem il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat meta r-relazzjonijiet kuntrattwali ta’ xogħol ma jitkomplewx permezz ta’ kuntratt għal żmien indeterminat, ma huwiex dovut fil-każ fejn il-kuntratt jiġi konkluż ma’ żagħżugħ għal perijodu inkluż fil-vaganzi skolastiċi jew universitarji tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u kkonkretizzat mid-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha kumpens ta’ tmiem il-kuntratt, imħallas bħala suppliment għas-salarju fi tmiem il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat meta r-relazzjonijiet kuntrattwali ta’ xogħol ma jitkomplewx permezz ta’ kuntratt għal żmien indeterminat, ma huwiex dovut fil-każ fejn il-kuntratt jiġi konkluż ma’ żagħżugħ għal perijodu inkluż fil-vaganzi skolastiċi jew universitarji tiegħu.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.