SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Lulju 2015 ( *1 )

“Direttiva 2000/43/KE — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni irrispettivament mir-razza jew mill-oriġini etnika — Distretti urbani essenzjalment abitati minn persuni ta’ oriġini Roma — Installazzjoni tal-arloġġi tad-dawl fuq pilastri li jagħmlu parti min-netwerk tal-linja tal-elettriku fl-ajru f’għoli ta’ sitta sa seba’ metri — Kunċetti ta’ ‘diskriminazzjoni diretta’ u ta’ ‘diskriminazzjoni indiretta’ — Oneru tal-prova — Possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni — Prevenzjoni ta’ tbagħbis ta’ arloġġi tad-dawl u ta’ konnessjonijiet tal-elettriku illegali — Proporzjonalità — Natura ġeneralizzata tal-miżura — Effett offensiv u stigmatizzanti tagħha — Direttivi 2006/32/KE u 2009/72/KE — Impossibbiltà għall-utenti finali li jikkontrolla l-konsum tal-elettriku tiegħu”

Fil-Kawża C‑83/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il‑Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Frar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Frar 2014, fil-proċedura

CHEZ Razpredelenie Bulgaria AD

vs

Komisia za zashtita ot diskriminatsia,

fil-preżenza ta’:

Anelia Nikolova,

Darzhavna Komisia za energiyno i vodno regulirane,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, Viċi President, li qed jaġixxi bħala President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, S. Rodin u K. Jürimäe, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, J. Malenovský, D. Šváby, A. Prechal (Relatur), F. Biltgen u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Jannar 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal CHEZ Razpredelenie Bulgaria AD, minn A. Ganev, V. Bozhilov u A. Dzhingov, avukati,

għall-Komisia za zashtita ot diskriminatsia, minn A. Strashimirova, bħala aġent,

għal Nikolova, minn S. Cox, barrister, kif ukoll minn M. Ferschtman u Y. Grozev, avukati,

għall-Gvern Bulgaru, minn E. Petranova u D. Drambozova, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u D. Roussanov, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Marzu 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1 u 2(1) u (2)(a) u (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23), kif ukoll tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura li permezz tagħha CHEZ Razpredelenie Bulgaria AD (iktar ’il quddiem “CHEZ RB”) titlob l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Komisia za zashtita ot dikriminatsia (Kummissjoni għall-Protezzjoni kontra d-Diskriminazzjoni, iktar ’il quddiem il-“KZD”) li permezz tagħha din tal-aħħar ordnat lil CHEZ RB ittemm id-diskriminazzjoni fil-konfront ta’ A. Nikolova u tastjeni minn dan it-tip ta’ aġir diskriminatorju fil-ġejjieni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2000/43

3

Il-premessi 2, 3, 9, 12, 13, 15, 16 u 28 tad-Direttiva 2000/43 jipprovdu:

“(2)

Skond l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijet tal-bniedem u l-libertà fundamentali, u l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri, u għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali [, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950,] u kif dawn jirriżultaw mit-tradizzjonijiet konsistuzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji generali tal-Liġijiet Komunitarji;

(3)

Id-dritt għall-ugwaljanza quddiem il-liġi u għall-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni għall-persuni kollha jikkonstitwixxi dritt universali magħruf mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar l-Eliminazzjoni ta’ kull għamla ta’ Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta’ kull għamla ta’ Diskriminazzjoni Abbażi ta’ razza u l-Patti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u mill-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, li tagħhom l-Istati Membri kollha huma firmatarji;

[…]

(9)

Id-diskriminazzjoni msejsa fuq l-oriġini tar-razza u l-etniċità jistgħu jimminaw il-kisba ta’ l-għanjiet tat-Trattat tal-KE, b’mod partikolari l-kisba ta’ livell għoli fix-xogħol u fil-protezzjoni soċjali, li jogħlew l-istandards ta’ l-għixien u l-kwalità tal-ħajja, tal-koerenza u s-solidarjetà ekonomika u soċjali. Tista’ wkoll timmina l-għan li l-Unjoni Ewropea tiżviluppa bħala art ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja;

[…]

(12)

Sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ soċjetajiet demokratiċi u tolleranti li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-persuni kollha irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità, l-azzjonijiet speċifiċi fil-qasam tad-diskriminazzjoni msejsa fuq l-origini tar-razza jew l-etniċità għandhom imorru iktar ’il bogħod mill-aċċess għall-attivitajiet tal-ħaddiema u tal-persuni li jaħdmu għal rashom u jkopru oqsma bħall-edukazzjoni, il-protezzjoni soċjali inkluzi s-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa, il-vantaġġi soċjali u l-aċċess għall-merkanzija u s-servizzi u l-provvediment tagħhom;

(13)

Għal dan il-għan, id-diskriminazzjoni diretta jew indiretta msejsa fuq -oriġini tar-razza jew l-etniċità rigward l-oqsma koperti minn din id-Direttiva għandha tkun ipprojbita fil-Komunità kollha. [...]

[…]

(15)

L-apprezzament tal-fatti li minnhom jista’ jiġi inferit illi kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta huwa materja għall-korpi kompetenti nazzjonali, ġudizzjarja jew oħra, skond ir-regoli tal-liġijiet jew il-prattika nazzjonali. Dawn ir-regoli jistgħu jipprovdu b’mod partikolari li d-diskriminazzjoni indiretta tiġi stabbilita b’kull mezz inkluż fuq il-bazi ta’ xhieda statistika;

(16)

Huwa importatni li jiġu protetti l-persuni naturali kollha kontra d-diskriminazzjoni msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità. L-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll, fejn approprjat skond it-tradizzjonijiet u l-prattiċi nazzjonali tagħhom, il-protezzjoni lill-persuni legali fejn isofru minn diskriminazzjoni msejsa fuq l-origini tar-razza jew l-etniċità tal-membri tagħhom;

[…]

(28)

[...] l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri illi jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni komuni kontra d-diskriminazzjoni fl-Istati Membri kollha, ma’ jistax jinkiseb biżżejjed mill-Istati Membri [...]”

4

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/43, l-“għan ta’ din id-Direttiva huwa li jistabbilixxi qafas sabiex tiġi kkumbattuta d-diskriminazzjoni għar-raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità, bl-għan li jseħħ fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ trattament ugwali”.

5

Intitolat “Il-kunċett tad-diskriminazzjoni”, l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jfisser illi ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità.

2.   Għall-għanijiet tal-paragrafu 1:

(a)

diskriminazzjoni diretta għandha tittieħed li tiġri fejn persuna tiġi ttrattata inqas favorevolment minn oħra, kienet jew tkun sejra tiġi ttrattata f’sitwazzjoni komparabbli għal raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità;

(b)

diskriminazzjoni indiretta għandha tittieħed li tiġri fejn dispożizzjonijiet, kriterju jew prattika apparentement newtrali, jitfgħu persuni ta’ oriġini, ta’ razza jew grupp etniku fi żvantaġġ partikolari pparagunati ma’ persuni oħra, għajr jekk din id-dispożizzjoniji, dan il-kriterja jew din il-prattika jkunu ġġustifikati oġġettivament minn mira leġittima u jekk il-mezzi għall-kisba ta’ din il-mira jkunu sewwa u meħtieġa.

3.   Il-fastidju għandu jitqies bħala diskriminazzjoni fit-tifsira tal-paragrafu 1, meta tiġri kondotta mhux mixtieqa li jkollha x’taqsam ma’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità bl-għan jew bl-effett li tiġi disprezzata d-dinjità tal-persuna u l-ħolqien ta’ ambjent li jintimida, ostili, degradanti, umiljanti u offensiv. [...]

[...]”

6

Taħt it-titolu “Il-Qasam ta’ Applikazzjoni”, l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi, fil-paragrafu 1(h) tiegħu:

“Fil-limiti tal-poteri mogħtija lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha [...] f’relazzjoni ma’:

[...]

(h)

l-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi u l-provediment tagħhom li huma disponibbli għall-pubbliku, inklużi d-djar.”

7

Taħt it-titolu “Il-ħtiġijiet minimi”, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/43 jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet illi huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.”

8

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-piż tal-provi”, jipprovdi fl-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu dawn il-miżuri skond kif ikun meħtieġ, skond is-sistema ġudizzjarja nazzjonali tagħhom, sabiex jiżguraw illi, fejn persuni li jikkunsidraw lilhom infushom inġurjati għaliex ma jkunx ġie applikat għalihom il-prinċipju tat-trattament ugwali jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista jiġi preżunt illi kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun ir-respondent li jrid jipprova li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali.”

Id-Direttiva 2006/32/KE

9

Il-premessa 29 tad-Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, dwar effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar servizzi ta’ enerġija u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/76/KEE (ĠU L 114, p. 64), tipprovdi:

“Sabiex il-konsumaturi finali jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet abbażi ta’ informazzjoni aħjar rigward il-konsum individwali tagħhom ta’ l-enerġija, iridu jkunu provduti b’ammont raġonevoli ta’ informazzjoni dwaru u ta’ informazzjoni relevanti oħra [...] Apparti minn hekk, il-konsumaturi għandhom jiġu mħeġġa b’mod attiv biex jiċċekkjaw regolarment il-qari tal-miter tagħhom.”

10

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/32 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, safejn huwa teknikament possibbli, raġonevoli mil-lat finanzjarju u proporzjonat fir-rigward ta’ l-iffrankar potenzjali ta’ l-enerġija, il-konsumatur finali ta’ l-elettriku [...] jingħataw meters individwali bi prezz kompettitiv li jirriflettu b’mod preċiż il-konsum reali ta’ enerġija mill-konsumatur u li jagħtu informazzjoni dwar il-ħin reali ta’ l-użu.”

Id-Direttiva 2009/72/KE

11

L-Artikolu 3(3) u (7) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, p. 55) jipprovdi:

“3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti domestiċi kollha, [...] ikunu jgawdu servizzi universali, jiġifieri d-dritt li jkunu fornuti b’elettriku ta’ kwalità speċifikata fit-territorju tagħhom bi prezzijiet raġonevoli, kumparabbli faċilment u b’mod ċar, trasparenti u nondiskriminatorji. [...]

[…]

7.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jipproteġu lill-klijenti finali [...] Fir-rigward għall-anqas tal-klijenti domestiċi, dawk il-miżuri għandhom jinkludu dawk stabbiliti fl-Anness I.”

12

Skont il-paragrafu 1(h) u (i) tal-Anness I tad-Direttiva 2009/72:

“1.   [...] il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 għandhom jiżguraw li l-klijenti:

[...]

(h)

ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom id-data dwar il-konsum tagħhom [...]

(i)

huma infurmati korrettament dwar l-konsum u l-ispejjeż attwali tal-elettriku ta’ spiss biżżejjed biex ikunu jistgħu jirregolaw il-konsum tal-elettriku tagħhom. [...]”

Id-dritt Bulgaru

Il-liġi dwar il-protezzjoni mid-diskriminazzjoni

13

Skont l-Artikolu 4 tal-liġi dwar il-protezzjoni mid-diskriminazzjoni (Zakon za zashtita ot diskriminatsia, iktar ’il quddiem iz-“ZZD”):

“(1)   Kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq [...] ir-razza, in-nazzjonalità, l-etniċità, [...] is-sitwazzjoni personali [...] għandha tiġi prekluża.

(2)   Diskriminazzjoni diretta titqies li tkun twettqet meta persuna tiġi ttrattata inqas favorevoli minn persuna oħra li hija, li kienet jew li ser tiġi ttrattata f’kundizzjonijiet paragunabbli jew simili abbażi ta’ karatteristiċi personali msemmija fil-punt 1.

(3)   Diskriminazzjoni indiretta tikkonsisti fit-tqegħid ta’ persuna, abbażi ta’ karatteristiċi personali msemmija fil-punt 1, f’sitwazzjoni inqas favorevoli meta mqabbla ma’ persuni oħra permezz ta’ dispożizzjoni, ta’ kriterju jew ta’ prattika ta’ apparenza newtrali, sakemm din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prattika ma jkunux oġġettivament iġġustifikati b’għan leġittimu u sakemm il-mezzi użati sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu adattati u neċessarji.”

14

Il-punti 7 sa 9 tal-paragrafu 1 tad-dispożizzjonijiet addizzjonali taz-ZDDS jipprovdu li:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi:

Punt 7. ‘trattament sfavorevoli’: tfisser kull att, aġir jew ommissjoni li jippreġudikaw direttament jew indirettament id-drittijiet jew l-interessi leġittimi;

Punt 8. ‘abbażi ta’ karatteristiċi personali skont l-Artikolu 4(1)’: tfisser abbażi tal-preżenza effettiva, preżenti jew passata, jew preżunta ta’ waħda jew iktar minn dawn il-karatteristiċi personali tal-persuna ddiskriminata jew tal-persuna li hija assoċjata ma’ jew allegatament assoċjata ma’ din il-persuna, meta din ir-rabta hija l-bażi tad-diskriminazzjoni.

Punt 9. il-‘persuni assoċjati’ huma: [...] l-persuni li, għal raġunijiet oħra, jistgħu jitqiesu bħala direttament jew indirettament dipendenti fuq il-vittma, meta din l-assoċjazzjoni tkun il-kawża tad-diskriminazzjoni; [...]”

15

Skont l-Artikolu 40(1) u (2) taz-ZZD:

“1.   Il-[KZD] hija korp tal-Istat speċjalizzat u indipendenti responsabbli għall-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni, għall-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni u għas-salvagwardja tal-ugwaljanza tal-opportunitajiet.

2.   Il-KZD għandu jikkontrolla l-applikazzjoni u l-osservanza ta’ din il-liġi [...]”

Il-liġi dwar l-enerġija

16

L-Artikolu 10 tal-liġi dwar l-enerġija (Zakon za energetikata, iktar ’il quddiem iz-“ZE”) jipprovdi li “r-regolamentazzjoni tal-attivitajiet fil-qasam tal-enerġija [...] hija żgurata mill-Kummissjoni nazzjonali għas-swieq tal-enerġija u tal-ilma (Darzhavna Komisia za energiyno i vodno regulirane) [...] organu tal-Istat speċjalizzat indipendenti”.

17

L-Artikolu 104(a)(4) taz-ZE jipprovdi:

“Il-kundizzjonijiet ġenerali ppubblikati għandhom japplikaw għall-klijent finali anki fin-nuqqas ta’ aċċettazzjoni bil-miktub.”

18

Skont l-Artikolu 120(1) u (3) taz-ZE:

“1.   Għandu jsir qari tal-enerġija elettrika pprovduta lill-klijent finali permezz ta’ strumenti għall-kejl kummerċjali li jappartjenu lill-operatur tan-netwerk ta’ trasport jew ta’ distribuzzjoni tal-elettriku [...]

[...]

3.   L-operatur tan-netwerk ta’ trasport jew ta’ distribuzzjoni tal-elettriku għandu jistabbilixxi t-tip, in-numru u l-post tal-installazzjoni tal-istrumenti u tal-materjali għall-kejl [...]”

Il-kundizzjonijiet ġenerali ta ’ CHEZ RB

19

Il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ CHEZ RB, kif approvati mid-Darzhavna Komisia po energiyno i vodno regulirane, jipprovdu fl-Artikolu 27 tagħhom:

“1.   L-istrumenti għal kejl kummerċjali [...] għandhom jiġu installati b’tali mod li l-klijent ikun jista’ jaqrahom.

2.   Jekk sabiex tiġi protetta l-ħajja u s-saħħa taċ-ċittadini, il-proprjetà, il-kwalità tal-elettriku, il-kontinwità tal-provvista ta’ enerġija elettrika, kif ukoll is-sigurtà u l-affidabbiltà tas-sistema tal-provvista tal-elettriku, l-istrumenti għall-kejl kummerċjali jiġu installati f’postijiet fejn l-aċċess għalihom ikun diffiċli, l-impriża tad-distribuzzjoni tal-elettriku hija obbligata tiżgura, bi spejjeż tagħha, il-possibbiltà ta’ kontroll viżiv fi żmien tlett ijiem minn talba bil-miktub tal-konsumatur.”

20

Għal dak li jirrigwarda l-imsemmija possibbiltà ta’ kontroll viżiv, il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ CHEZ RB jipprovdu li din tal-aħħar għandha tibgħat vettura mgħammra bi pjattaforma li biha l-impjegati tagħha jkunu jistgħu jaqraw l-arloġġi tad-dawl installati fl-għoli u jikkomunikaw din l-informazzjoni lill-klijent. Barra minn hekk, huwa xorta possibbli li l-klijent jitlob l-installazzjoni fid-dar tiegħu tat-tieni arloġġ, imsejjaħ arloġġ “ta’ kontroll”, bi ħlas.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21

A. Nikolova hija negozjant indipendenti li għandha ħanut tal-merċa fid-distrett “Gizdova mahala” tal-belt ta’ Dupnitsa (il-Bulgarija), distrett li fih jgħixu essenzjalment persuni ta’ oriġini Roma.

22

Fl-1999 u fl-2000, CHEZ RB installat l-arloġġi tad-dawl tal-abbonati kollha ta’ dan id-distrett fuq pilastri tal-konkrit li jagħmlu parti min-netwerk tal-linja tal-elettriku fl-ajru, f’għoli ta’ sitta sa seba’ metri, filwaqt li f’distretti oħra, l-arloġġi installati minn CHEZ RB jitqiegħdu f’għoli ta’ 1.70 metru, ġeneralment fil-proprjetà tal-konsumaturi jew mal-faċċata jew mas-sisien ċirkustanzi (iktar ’il quddiem il-“prattika kontenzjuża”).

23

Fix-xahar ta’ Diċembru 2008, A. Nikolova ppreżentat rikors quddiem il-KZD li permezz tiegħu hija sostniet li l-prattika kontenzjuża kienet dovuta għall-fatt li l-parti l-kbira tar-residenti tad-distrett “Gizdova mahala” kienu ta’ oriġini Roma u li, minħabba f’hekk, hija stess kienet vittma ta’ diskriminazzjoni diretta minħabba n-nazzjonalità (“narodnost”). Il-persuna kkonċernata lmentat b’mod partikolari minħabba li ma setgħetx taqra l-arloġġ tad-dawl tagħha sabiex tkun tista’ tikkontrolla l-konsum tagħha u sabiex tiżgura ruħha li l-kontijiet li kienu mibgħuta lilha kienu korretti għaliex, fil-fehma tagħha, kienu eċċessivi.

24

Fis-6 ta’ April 2010, il-KZD tat deċiżjoni li fiha kkonkludiet li l-prattika kontenzjuża kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta pprojbita bbażata fuq in-nazzjonalità, fis-sens tal-Artikolu 4(1) u (3) taz-ZZD.

25

Din id-deċiżjoni ġiet annullata permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Mejju 2011 tal-Varhoven administrativen sad (Qorti amministrattiva suprema), b’mod partikolari minħabba li l-KZD ma kinitx indikat fir-rigward ta’ liema persuni ta’ nazzjonalità oħra A. Nikolova kienet ġiet iddiskriminata. Il-kawża ntbagħtet lura quddiem il-KZD.

26

Fit-30 ta’ Mejju 2012, il-KZD adottat deċiżjoni oħra li tikkonstata li CHEZ RB kienet wettqet diskriminazzjoni diretta fil-konfront ta’ A. Nikolova bbażata fuq is-“sitwazzjoni personali” tagħha, fis-sens tal-Artikolu 4(1) u (2) taz-ZZD, billi qiegħdet lill-persuna kkonċernata, minħabba l-post fejn kien jinsab il-ħanut tagħha, f’sitwazzjoni żvantaġġata meta mqabbla mal-klijenti l-oħra ta’ CHEZ RB li l-arloġġi tad-dawl tagħhom kienu installati f’postijiet aċċessibbli.

27

CHEZ RB ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad.

28

Fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju, l-imsemmija qorti tqis, preliminarjament, li d-Direttiva 2000/43 tapplika b’mod konkret il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 21 tal-Karta u li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija direttiva, kif iddefinit fl-Artikolu 3(1)(h) tagħha. Għaldaqstant, billi ma tarax li hemm raġunijiet għaliex għandu jkun hemm dubju dwar l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni, hija tindika li ma għamlitx domanda preliminari f’dan ir-rigward, filwaqt li tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tintalab, fi kwalunkwe każ, tevalwa dan il-punt qabel ma tiddeċiedi dwar id-domandi li għamlitilha.

29

Filwaqt li tesponi għalhekk, ir-raġunijiet li wassluha sabiex tagħmel din it-talba lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tindika, l-ewwel nett, li minkejja li l-KZD irreferiet għal diskriminazzjoni bbażata fuq is-“sitwazzjoni personali” ta’ A. Nikolova u li din tal-aħħar irreferiet hija stess, b’mod żbaljat, għal diskriminazzjoni bbażata fuq in-“nazzjonalità” fir-rikors tagħha, il-karatteristika personali protetta għandha, f’dan il-każ, tirrelata mal-“oriġini etnika” Roma komuni għall-parti l-kbira tal-persuni li jgħixu fid-distrett “Gizdova mahala”.

30

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma, l-ewwel nett, li l-komunità Roma tikkostitwixxi fil-fatt komunità etnika li, fil-Bulgarija, għandha, barra minn hekk, l-istatus ta’ minorità etnika.

31

It-tieni nett, hija tirrileva li, minkejja li statistika dwar id-daqs tal-popolazzjoni ta’ oriġini Roma li tgħix fid-distrett ikkonċernat ma hijiex disponibbli, dan huwa normalment ippreżentat bħala l-ikbar “distrett Roma” tal-belt ta’ Dupnista. Barra minn hekk, huwa paċifiku bejn il-partijiet fil-kawża li l-prattika kontenzjuża tipprevali biss, b’mod iktar ġenerali, fid-“distretti Roma” ta’ diversi bliet tal-Bulgarija. Dan huwa hawnhekk il-fattur prinċipali li ddetermina l-għażla ta’ CHEZ RB rigward l-installazzjoni tal-arloġġi tad-dawl f’għoli inaċċessibbli u, minkejja li CHEZ RB ma tiddikjarax b’mod espress li huma l-iktar il-persuni ta’ oriġini Roma li jagħmlu konnessjonijiet tal-elettriku illegali, dan jirriżulta mill-kuntest.

32

It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tqis li l-KZD kienet żbaljata meta qieset li l-oriġini Roma ta’ A. Nikolova ma kinitx stabbilita. Fil-fatt, filwaqt li identifikat lilha nnifisha, fir-rikors tagħha, mal-popolazzjoni ta’ oriġini Roma tad-distrett “Gizdova mahala”, il-persuna kkonċernata ddefinixxiet lilha nnifisha bħala persuna li għandha tali oriġini. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmija qorti, li f’dan ir-rigward tirreferi għas-sentenza Feryn (C‑54/07, EU:C:2008:397), tqis li l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni ma tippreżupponix li lanjant li jsostni li kien vittma ta’ tali diskriminazzjoni jkun identifikabbli. Skont din l-istess qorti, jirriżulta bl-istess mod mis-sentenza Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:415) li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma hijiex limitata għall-persuni li għandhom il-karatteristika personali protetta.

33

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-ewwel domanda preliminari hija relatata mal-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

34

Imbagħad, minkejja li min-naħa tagħha hija inklinata li taqbel mal-konklużjoni tal-KZD, li tipprovdi li l-prattika kontenzjuża toħloq diskriminazzjoni diretta, l-imsemmija qorti tirrileva li, fil-konklużjonijiet tagħha mogħtija fil-kawża Belov (C‑394/11, EU:C:2012:585, punt 99), l-Avukat Ġenerali Kokott ikkonkludiet li prattika bħal dik inkwistjoni kienet prima facie diskriminazzjoni indiretta. Din l-istess qorti tosserva, barra minn hekk, li fil-kuntest ta’ kawżi simili, il-Varhoven administrativen sad ikkonkludiet, min-naħa tagħha, li ma kien hemm ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq l-oriġini etnika.

35

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tindika li għandha ċerti dubji dwar il-kunċetti ta’ “diskriminazzjoni diretta” u ta’ “diskriminazzjoni indiretta” msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/43, rispettivament, u dwar jekk il-prattika kontenzjuża taqax taħt waħda minn dawn il-klassifikazzjonijiet.

36

Fl-aħħar nett, u bil-preżunzjoni li l-imsemmija prattika taqa’ fil-kamp tal-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva, il-qorti tar-rinviju tiddubita li tista’ titqies li hija oġġettivament ġġustifikata, xierqa u neċessarja fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Hija tenfasizza, b’mod partikolari, li minkejja li CHEZ RB issostni li din il-prattika hija ġġustifikata minħabba l-eżistenza ta’ numru kbir ta’ konnessjonijiet tal-elettriku illegali, ħsarat u tbagħbis tal-arloġġi tad-dawl, l-imsemmija kumpannija rtirat it-talbiet inizjali tagħha quddiem il-KZD sabiex jiġi ppreżentat rapport ta’ perizja u sabiex jinstemgħu xhieda filwaqt li sostniet li l-imsemmi aġir huwa fatt magħruf. Barra minn hekk, quddiem il-qorti tar-rinviju, il-partijiet ma pproduċewx provi addizzjonali, minkejja l-ordnijiet li ġew indirizzati lilhom abbażi tal-oneru tal-prova. L-imsemmija qorti tirrileva wkoll li l-artikoli fl-istampa jindikaw l-eżistenza ta’ metodi ġodda li huma effettivi u inqas restrittivi għall-konsumatur, b’mod partikolari l-użu ta’ arloġġi tad-dawl li jippermettu lid-distributur jaqrahom mill-bogħod u li javżawh meta jkun hemm tentattiv ta’ tbagħbis.

37

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Administrativen sad Sofia‑grad iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-kunċett ta’ ‘etniċità’, użat fid-Direttiva [2000/43] u fil-[Karta,] għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri grupp kompatt ta’ ċittadini Bulgari ta’ oriġini Roma bħal dawk li jgħixu fiż-żona ‘Gizdova Mahala’ f’Dupnitsa?

2)

Il-kunċett ta’ ‘sitwazzjoni komparabbli’ fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/43 huwa applikabbli fid-dawl tal-fatti fil-kawża prinċipali, fejn l-istrumenti għal kejl kummerċjali huma installati, f’żoni Roma, f’għoli ta’ bejn sitt u seba’ metri, meta normalment, f’żoni oħra fejn ma hemmx popolazzjoni kompatta ta’ Roma, jiġu installati f’għoli ta’ inqas minn żewġ metri?

3)

L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-installazzjoni, f’żoni Roma, ta’ strumenti għal kejl kummerċjali f’għoli ta’ bejn sitt u seba’ metri, tikkostitwixxi trattament inqas favorevoli tal-popolazzjoni ta’ oriġini Roma meta mqabbla mal-popolazzjoni ta’ oriġini etnika differenti?

4)

Jekk dan huwa trattament inqas favorevoli, id-dispożizzjoni msemmija għandha tiġi interpretata fis-sens li, fid-dawl tal-fatti fil-kawża prinċipali, dan it-trattament huwa dovut kompletament jew parzjalment għall-fatt li hija involuta l-etniċità Roma?

5)

Dispożizzjoni nazzjonali bħalma huwa l-punt 7 tal-paragrafu 1 tad-dispożizzjonijiet komplementari ta[z-ZZS] li jipprovdi li kull aġir (att jew ommissjoni) li jippreġudika direttament jew indirettament id-drittijiet jew l-interessi leġittimi jikkostitwixxi ‘trattament sfavorevoli’, hija kompatibbli mad-Direttiva 2000/43?

6)

Il-kunċett ta’ ‘prattika apparentement newtrali’ fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 japplika għall-prattika tal-kumpannija CHEZ Razpredelenie Bălgaria AD li tinvolvi t-tqegħid ta’ strumenti ta’ kejl kummerċjali f’għoli ta’ bejn sitt u seba’ metri? L-avverbju ‘apparentement’ għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prattika tkun manifestament newtrali jew inkella fis-sens li l-prattika tidher newtrali biss prime facie, jiġifieri, fi kliem ieħor, li hija newtrali biss fl-apparenza?

7)

Sabiex ikun hemm każ ta’ diskriminazzjoni indiretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43, huwa meħtieġ li l-prattika newtrali tqiegħed lill-persuna f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ partikolari minħabba karatteristika personali marbuta mar-razza jew mal-oriġini etnika, jew inkella huwa biżżejjed li din il-prattika tikkonċerna lil persuni ta’ oriġini etnika partikolari? F’dan is-sens, dispożizzjoni nazzjonali bħalma huwa l-Artikolu 4(3) taz-ZZD, li jipprovdi li diskriminazzjoni indiretta tikkonsisti f’li persuna titqiegħed f’sitwazzjoni iktar sfavorevoli minħabba l-karatteristiċi personali msemmija fil-paragrafu 1 (inkluża l-etniċità), hija kompatibbli mal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43?

8)

Kif għandhom jiġu interpretati l-kliem ‘żvantaġġ partikolari’ fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43? Dan il-kunċett huwa analogu għal dak ta’ ‘trattament inqas favorevoli’ fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-direttiva msemmija, jew inkella jikkonċerna biss każijiet ta’ inugwaljanza gravi, flagranti u partikolarment sinjifikattivi? Il-prattika deskritta f’dan il-każ tikkostitwixxi żvantaġġ partikolari? Jekk il-każ ta’ persuna mqiegħda f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ma huwiex każ gravi, flagranti u partikolarment sinjifikattiv, dan huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika l-assenza ta’ diskriminazzjoni diretta (mingħajr ma tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk il-prattika inkwistjoni hijiex iġġustifikata, xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq għan leġittimu)?

9)

Dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-Artikolu 4(2) u (3) taż-ZZD, li jeżiġi ‘trattament iktar sfavorevoli’ sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta, kif ukoll il-‘fatt li dak li jkun jitqiegħed f’sitwazzjoni iktar sfavorevoli’ sabiex tiġi stabbilita diskriminazzjoni indiretta, mingħajr ma jagħmel distinzjoni fuq il-bażi tal-gravità tad-diversi trattamenti sfavorevoli, kif tagħmel id-Direttiva 2000/43, huwa kompatibbli mal-Artikolu 2(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2000/43?

10)

L-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prattika kontenzjuża ta’ CHEZ Razpredelenie Bulgaria AD hija oġġettivament iġġustifikata sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà tan-netwerk ta’ trasport tal-elettriku u tal-kontroll adegwat tal-konsum tal-enerġija elettrika? Din il-prattika hija xierqa wkoll fid-dawl tal-obbligu tal-konvenuta li tiggarantixxi l-aċċess liberu tal-klijenti għall-indikazzjonijiet tal-arloġġi tad-dawl? Din il-prattika hija neċessarja sa fejn hemm mezzi oħra sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-istrumenti ta’ kejl kummerċjali, mezzi li huma aċċessibbli teknikament u finanzjarjament u li huma magħrufa permezz ta’ artikli li dehru fil-mezzi ta’ komunikazzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Il-kunsiderazzjonijiet preliminari

38

Kif jirriżulta mill-punt 28 ta’ din is-sentenza, minkejja li l-qorti tar-rinviju tesponi li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2000/43 kif iddefinit fl-Artikolu 3(1)(h) tagħha, b’tali mod li ma tqisx neċessarju li tindirizza domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, hija xorta waħda tenfasizza li dan l-aspett jikkostitwixxi kwistjoni preliminari li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tevalwa qabel ma teżamina d-domandi preliminari li hija tagħmlilha.

39

Filwaqt li l-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni Ewropea huma tal-fehma li l-prattika kontenzjuża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae, CHEZ RB issostni, min-naħa l-oħra, li dan ma huwiex il-każ. Fil-fehma ta’ din tal-aħħar, il-preċiżazzjoni li tinsab fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/43, li bis-saħħa tagħha din tapplika “[f]il-limiti tal-poteri mogħtija lill-[Unjoni]”, għandha l-konsegwenza li l-imsemmija direttiva tapplika biss fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u dan jitlob li regola sostantiva ta’ dan id-dritt tkun applikabbli għall-fatti inkwistjoni. Madankollu, l-Unjoni ma stabbilixxiet ebda regola li tirrigwarda l-post tal-installazzjoni tal-arloġġi tad-dawl jew l-aċċess viżiv għalihom.

40

F’dan ir-rigward, mill-premessa 12 tad-Direttiva 2000/43 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li, sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ soċjetajiet demokratiċi u tolleranti li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-persuni kollha irrispettivament mir-razza jew mill-oriġini etnika tagħhom, azzjoni speċifika fil-qasam tad-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika għandha testendi għall-oqsma bħal dawk elenkati fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva (ara s-sentenza Runevič-Vardyn u Wardyn, C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 41).

41

L-Artikolu 3(1)(h) tad-Direttiva 2000/43 jirreferi, b’mod ġenerali, għall-aċċess għall-beni u għas-servizzi kif ukoll għall-provvista ta’ beni u ta’ servizzi, li huma disponibbli għall-pubbliku (ara s-sentenza Runevič-Vardyn u Wardyn, C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 45).

42

Hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2000/43 u tan-natura tad-drittijiet li timmira li tipproteġi kif ukoll tal-fatt li din id-direttiva hija sempliċement, fil-qasam inkunsiderazzjoni, l-espressjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza li huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, rikonoxxut fl-Artikolu 21 tal-Karta, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva ma jistax jiġi ddefinit b’mod restrittiv (sentenza Runevič-Vardyn u Wardyn, C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 43).

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li ma hemm ebda dubju, kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punti 38 u 39 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-provvista tal-elettriku taqa’ taħt l-Artikolu 3(1)(h) tad-Direttiva 2000/43, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-installazzjoni ta’ arloġġ tad-dawl għand l-utenti finali, li tikkostitwixxi aċċessorju marbut b’mod indiviżibbli mal-imsemmija provvista, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u hija suġġetta għall-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li din tistabbilixxi.

44

Għal dak li jirrigwarda r-riferiment li jagħmel l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/43 għal-“limiti tal-poteri mogħtija lill-[Unjoni]”, huwa biżżejjed, f’dan il-każ, li jiġi osservat li dispożizzjonijiet bħall-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/32 jew l-Artikolu 3(3) u (7) tad-Direttiva 2009/72, moqri flimkien mal-punt 1(h) u (i) tal-Anness I tagħha, jirrigwardaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-utenti finali ta’ arloġġi tad-dawl individwali intiżi, fil-kuntest tas-servizz universali, li jippermettu lill-persuni kkonċernati jaqraw, isegwu u jirregolaw il-konsum tal-enerġija tagħhom. F’dan ir-rigward, ma hemm għalhekk ebda dubju li l-kundizzjonijiet li fihom iseħħ dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni jaqgħu fil-qasam tal-kompetenzi tal-Unjoni, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 95 KE, li sar l-Artikolu 114 TFUE jew l-Artikolu 175 KE, li sar l-Artikolu 191 TFUE, dispożizzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi legali tal-imsemmija direttivi.

Fuq l-ewwel domanda

45

Skont il-formulazzjoni tagħha, l-ewwel domanda tirrigwarda l-kunċett ta’ “oriġini etnika”, fis-sens tad-Direttiva 2000/43 u tal-Artikolu 21 tal-Karta, u hija intiża li jiġi ddeterminat jekk dan il-kunċett għandux jiġi interpretat fis-sens li “jkopri grupp kompatt ta’ ċittadini Bulgari ta’ oriġini Roma” bħal dawk li jgħixu fid-distrett inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fid-dettall li tinkludi d-deċiżjoni tar-rinviju f’dan ir-rigward, kif miġbura fil-qosor fil-punti 29 sa 33 ta’ din is-sentenza, jidher li d-domandi tal-qorti tar-rinviju ma jirrigwardawx il-punt dwar jekk oriġini Roma tistax tiġi kklassifikata bħala “oriġini etnika” fis-sens tad-Direttiva 2000/43 u, b’mod iktar ġenerali, tad-dritt tal-Unjoni, punt li l-imsemmija qorti, ġustament, tidher li tqis li huwa stabbilit. Fil-fatt, il-kunċett ta’ oriġini etnika, li jirriżulta mill-idea li gruppi tas-soċjetà huma kkaratterizzati b’mod partikolari minn nazzjonalità, fidi reliġjuża, lingwa, oriġini kulturali u tradizzjonali u ambjent ta’ għajxien komuni, japplika għall-komunità Roma (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, Qorti EDB, Natchova et vs Il-Bulgarija Nru 43577/98 u 43579/98, QEDB 2005-VII, kif ukoll Sejdić u Finbci vs Il-Bosnja-Ħerzegovina Nri 27996/06 u 34836/06, § 43 sa 45 u 50, QEDB 2009).

47

Min-naħa l-oħra, u hekk kif jirriżulta mill-punti 31 u 32 tas-sentenza preżenti, il-fattur determinanti li jidher li wassal lill-qorti tar-rinviju tagħmel l-ewwel domanda tagħha huwa li l-prattika kontenzjuża hija implementata f’distrett kollu li fih jgħixu essenzjalment, iżda mhux esklużivament, persuni ta’ oriġini Roma.

48

F’dan l-aħħar rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li, peress li A. Nikolova assimilat ruħha, permezz tar-rikors tagħha, mal-popolazzjoni ta’ oriġini Roma li tgħix fid-distrett ikkonċernat li bħalhom hija ssofri l-inkonvenjenzi li jirriżultaw mill-prattika kontenzjuża, hija tista’ titqies li ddefinixxiet lilha nnifisha bħala Roma. L-imsemmija qorti tesponi wkoll, madankollu, li, kieku kellu jitqies li A. Nikolova ma ta’ oriġini Roma, dan il-fatt ma jkunx tali li jaffettwa l-applikabbiltà f’dan il-każ tad-Direttiva 2000/43, u lanqas il-fatt li l-persuna kkonċernata ġustament tinvoka, f’dan il-każ, il-ksur ta’ din id-direttiva fil-konfront tagħha.

49

Min-naħa tagħha, fl-osservazzjonijiet li hija ssottomettiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, A. Nikolova indikat formalment li hija ta’ oriġini etnika Bulgara, filwaqt li ma ddefinixxietx lilha nnifisha bħala Roma u ma għandhiex titqies li hija tali.

50

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika” fis-sens tad-Direttiva 2000/43 u, b’mod partikolari, tal-Artikoli 1 u 2(1) tagħha, moqrija, skont il-każ, flimkien mal-Artikolu 21 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-imsemmi kunċett għandu japplika indipendentement minn jekk il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tolqotx lill-persuni li għandhom ċertu oriġini etnika jew lil dawk li, mingħajr ma jkollhom l-imsemmija oriġini jġarrbu, flimkien ma’ dawn li għandhom din l-oriġini, it-trattament inqas favorevoli jew l-iżvantaġġ partikolari li jirriżulta mill-imsemmija miżura.

51

F’dan ir-rigward u għal dak li jikkonċerna l-kliem li bih huma fformulati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/43, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1 tagħha jippreċiża li l-għan tagħha huwa li tistabbilixxi qafas sabiex tiġi miġġielda “d-diskriminazzjoni għar-raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità”.

52

L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bħala l-assenza ta’ “diskriminazzjoni diretta jew indiretta msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità”.

53

Hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmija direttiva jipprovdi, fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi, li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta “għal raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità”, persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn kif inhi ttrattata, ġiet ittrattata jew ser tiġi ttrattata persuna oħra f’sitwazzjoni paragunabbli, filwaqt li huwa biss numru żgħir ta’ verżjonijiet lingwistiċi tal-imsemmija dispożizzjoni li jirreferu għal trattament inqas favorevoli mġarrab minn persuna minħabba r-razza “tagħha” jew minħabba l-oriġini etnika “tagħha”.

54

Skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43, ikun hemm diskriminazzjoni indiretta “fejn dispożizzjonijiet, kriterju jew prattika apparentement newtrali, jitfgħu persuni ta’ oriġini, ta’ razza jew grupp etniku fi żvantaġġ partikolari pparagunati ma’ persuni oħra, għajr jekk din id-dispożizzjoni, dan il-kriterja jew din il-prattika jkunu ġġustifikati oġġettivament minn mira leġittima u jekk il-mezzi għall-kisba ta’ din il-mira jkunu sewwa u meħtieġa”.

55

Billi l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma tippermettix, bħala tali, fid-dawl b’mod partikolari tad-disparità bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva 2000/43 imsemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, li tiġi deċiża l-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li din id-direttiva hija intiża li tiggarantixxi japplikax, fost iċ-ċirku ta’ persuni milquta minn miżura diskriminatorja bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, għal dawk li effettivament huma tar-razza jew tal-oriġini etnika kkonċernata, għandhom wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex jiġu interpretati l-imsemmija dispożizzjonijiet, il-kuntest tagħhom u l-istruttura u l-finalità tad-Direttiva 2000/43 li jagħmlu parti minnha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑450/11, EU:C:2013:611, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra diġà fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, li bis-saħħa tagħha l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/43 ma jistax, fid-dawl tal-għan tagħha u tan-natura tad-drittijiet li hija intiża li tipproteġi, jiġi ddefinit b’mod strett, hija, f’dan il-każ, tali li tiġġustifika l-interpretazzjoni li tipprovdi li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li għalih tirreferi l-imsemmija direttiva ma japplikax għal kategorija speċifika ta’ persuni iżda abbażi tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tagħha, b’tali mod li japplika wkoll għall-persuni li, minkejja li ma jappartjenux huma stess għar-razza jew għall-grupp etniku kkonċernati, iġarrbu madankollu trattament inqas favorevoli jew żvantaġġ partikolari għal waħda minn dawn ir-raġunijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza Coleman, C‑303/06, EU:C:2008:415, punti 38 u 50).

57

Tali interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkorroborata mill-premessa 16 u mill-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva li jipprovdu li l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika li hija intiża tiggarantixxi għandha tapplika għall-persuni “kollha”.

58

Hija kkorroborata wkoll, kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 13 KE, li wara emendi sar l-Artikolu 19 TFUE, u li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-Direttiva 2000/43, li jagħti kompetenza lill-Unjoni li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiġġieled kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq ir-razza u l-oriġini etnika (ara, b’analoġija, is-sentenza Coleman, C‑303/06, EU:C:2008:415, punt 38), kif ukoll, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza u l-oriġini etniċi stabbilit mill-Artikolu 21 tal-Karta li fir-rigward tiegħu l-imsemmija direttiva tikkostitwixxi l-espressjoni konkreta fl-oqsma sostantivi koperti minnha (ara s-sentenza Runevič-Vardyn u Wardyn, C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 43, kif ukoll, b’analoġija, is-sentenza Felber, C‑529/13, EU:C:2015:20, punti 15 u 16).

59

Fir-rigward tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u jekk jiġi ammess li A. Nikolova ma hijiex ta’ oriġini Roma, kif tiddikjara quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jibqa’ l-fatt li hija tabilħaqq l-oriġini Roma, li f’dan il-każ hija l-oriġini tal-parti l-kbira tar-residenti l-oħra tad-distrett li fih hija teżerċita l-attività tagħha, li tikkostitwixxi l-fattur li abbażi tiegħu l-persuna kkonċernata tqis li ġarrbet trattament inqas favorevoli jew żvantaġġ partikolari.

60

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika” fis-sens tad-Direttiva 2000/43 u, b’mod partikolari, tal-Artikoli 1 u 2(1) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fihom l-arloġġi tad-dawl kollha f’distrett urban li fih jgħixu essenzjalment persuni ta’ oriġini Roma, huma installati fuq pilastri li jagħmlu parti min-netwerk tal-linja tal-elettriku fl-ajru f’għoli ta’ sitta sa seba’ metri, filwaqt li f’distretti oħra, l-arloġġi huma installati f’għoli ta’ inqas minn żewġ metri, l-imsemmi kunċett għandu japplika indipendentement minn jekk l-imsemmija miżura kollettiva taffettwax lill-persuni li għandhom ċertu oriġini etnika jew lil dawk li, mingħajr ma jkollhom l-imsemmija oriġini jġarrbu, flimkien ma’ dawk li għandhom din l-oriġini, it-trattament inqas favorevoli jew l-iżvantaġġ partikolari li jirriżulta minn din il-miżura.

Fuq il-ħames domanda

61

Skont il-kliem tal-ħames domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-punt 7 tal-paragrafu 1 tad-dispożizzjonijiet addizzjonali taz-ZZD li jiddefinixxi t-“trattament sfavorevoli” bħala li jfisser kull aġir li jippreġudika direttament jew indirettament “id-drittijiet jew l-interessi leġittimi” huwiex kompatibbli mad-Direttiva 2000/43.

62

Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura mibdija fuq il-bażi tal-Artikolu 267 TFUE, ma huwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tar-regoli tad-dritt nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tagħti lill-qorti nazzjonali l-gwida kollha għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tippermetti lill-qorti nazzjonali tevalwa l-kompatibbiltà ta’ regoli tad-dritt nazzjonali mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Placanica et, C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, EU:C:2007:133, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

63

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-kunċett ta’ “trattament sfavorevoli” japplika, skont id-dritt nazzjonali, għall-finijiet li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, kemm diretta kif ukoll indiretta, fis-sens tal-Artikolu 4(2) u (3) taz-ZZD rispettivament.

64

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-ħames domanda għandha tinftiehem li hija intiża li tistaqsi jekk id-Direttiva 2000/43, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) u (2)(a) u (b) tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li, sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li teżisti diskriminazzjoni diretta jew diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika fl-oqsma koperti mill-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, it-trattament inqas favorevoli jew l-iżvantaġġ partikolari, li għalihom jirreferu l-imsemmija punti (a) u (b) rispettivament, għandhom jippreġudikaw id-drittijiet jew l-interessi leġittimi.

65

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn li, kif jirriżulta mill-premessi 12 u 13 tad-Direttiva 2000/43, din hija intiża li tiżgura l-iżvilupp ta’ soċjetajiet demokratiċi u tolleranti li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-persuni kollha irrispettivament mir-razza jew mill-oriġini etnika tagħhom u li huwa għal dan il-għan li “[kull]” diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika fl-oqsma rregolati minn din id-direttiva għandha tiġi pprojbita fl-Unjoni. L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jikkonferma wkoll li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fis-sens tagħha jfisser l-assenza ta’ “[kull]” diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika.

66

Sussegwentement, u kif tfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva ma jistax jiġi ddefinit b’mod strett.

67

Fl-aħħar nett, il-premessa 28 tad-Direttiva 2000/43 tippreċiża li l-għan tagħha huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni komuni kontra d-diskriminazzjoni fl-Istati Membri. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li din timponi “ħtiġijiet minimi” bla ħsara għall-possibbiltà għall-Istati Membri li jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet li huma “aktar favorevoli” għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

68

Għandu jiġi kkonstatat li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikklassifika bħala trattament “inqas favorevoli” jew “żvantaġġ partikolari”, fis-sens tal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/43, biss l-aġir li jippreġudika “dritt” jew “interess leġittimu” ta’ persuna, tistipula kundizzjoni li ma tirriżultax mill-imsemmija dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u li, għaldaqstant, għandha l-konsegwenza li tillimita l-kamp ta’ protezzjoni ggarantit mill-imsemmija direttiva.

69

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li d-Direttiva 2000/43, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) u (2)(a) u (b) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li teżisti diskriminazzjoni diretta jew diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika fl-oqsma koperti mill-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, it-trattament inqas favorevoli jew l-iżvantaġġ partikolari, li għalihom jirreferu l-imsemmija punti (a) u (b) rispettivament għandhom jippreġudikaw id-drittijiet jew l-interessi leġittimi.

Fuq it-tieni sar-raba ’ domanda

70

Permezz tat-tieni sar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/43 għandux jiġi interpretat fis-sens li miżura bħall-prattika kontenzjuża tista’ toħloq sitwazzjoni li fiha l-persuni jkunu suġġetti, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, għal “trattament inqas favorevoli” minn persuni oħra“f’sitwazzjoni komparabbli” għal raġunijiet relatati kompletament jew parzjalment mal-oriġini etnika, b’tali mod li l-imsemmija prattika tnissel diskriminazzjoni diretta bbażata fuq tali oriġini fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni.

71

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 267 TFUE ma jawtorizzax lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ speċifiku, iżda sempliċement li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita minn dan l-artikolu, mill-informazzjoni fil-proċess, tipprovdi lill-qorti nazzjonali bi gwida għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tista’ tkun utli fl-evalwazzjoni tal-effetti tad-diversi dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Feryn, C‑54/07, EU:C:2008:397, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

F’dan il-każ, l-ewwel nett għandu jitfakkar li, hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2000/43 tikkostitwixxi l-espressjoni konkreta fl-oqsma materjali koperti minnha, tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tar-razza jew tal-oriġini etniċi stabbilit mill-Artikolu 21 tal-Karta.

73

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 3 ta’ din id-direttiva tirreferi għad-diversi ftehimiet internazzjonali, fosthom, b’mod partikolari, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-eliminazzjoni ta’ kull għamla ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ razza, adottata fil-21 ta’ Diċembru 1965. Skont l-Artikolu 1 ta’ din il-Konvenzjoni, id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika ta’ persuna tikkostitwixxi forma ta’ diskriminazzjoni razzjali.

74

It-tielet nett, hekk kif jirriżulta mill-premessi 9, 12 u 13 tad-Direttiva 2000/43, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried ukoll jenfasizza, minn naħa, li d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-għanijiet tat-Trattat, speċjalment il-kisba ta’ livell għoli ta’ impjieg u protezzjoni soċjali, it-titjib tal-livell ta’ għajxien u tal-kwalità tal-ħajja, il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà, kif ukoll l-għan li l-Unjoni tiżviluppa bħala żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja u, min-naħa l-oħra, li l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni ta’ dan it-tip li tistabbilixxi l-imsemmija direttiva fl-oqsma rregolati minnha, hija intiża b’mod partikolari sabiex tiżgura l-iżvilupp ta’ soċjetajiet demokratiċi u tolleranti li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-persuni kollha irrispettivament mir-razza jew mill-oriġini etnika tagħhom.

75

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari u għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-punt dwar jekk jistax jitqies li d-differenza fit-trattament li tirriżulta mill-prattika kontenzjuża ġiet stabbilita minħabba l-oriġini etnika fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/43, li huwa s-suġġett tar-raba’ domanda preliminari, għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett li s-sempliċi fatt li fid-distrett inkwistjoni fil-kawża prinċipali jgħixu wkoll persuni li ma humiex ta’ oriġini Roma ma huwiex tali li jeskludi li tali prattika ġiet stabbilita b’teħid inkunsiderazzjoni tal-oriġini etnika Roma kondiviża mill-parti l-kbira tar-residenti ta’ dan id-distrett.

76

Għandu jiġi ppreċiżat, sussegwentement u fid-dawl tar-riferiment li jinsab f’din ir-raba’ domanda għal trattament inqas favorevoli li jista’ jkun “kompletament jew parzjalment” dovut għall-fatt li jikkonċerna l-etniċità Roma li, sabiex ikun hemm diskriminazzjoni diretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/43, huwa biżżejjed li din l-oriġini etnika tkun iddeterminat id-deċiżjoni li jiġi stabbilit l-imsemmi trattament, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2000/43 relatati mal-ħtiġijiet ġenwini u determinanti tal-professjoni u ma’ azzjonijiet pożittivi tal-Istati Membri sabiex jipprekludu jew jikkumpensaw l-iżvantaġġi marbuta mar-razza jew mal-oriġini etnika, eċċezzjonijiet li ma humiex rilevanti f’din il-kawża.

77

Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43 jirriżulta li, meta persuna li tqis li hija leża minħabba nuqqas ta’ osservanza, fil-konfront tagħha, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tistabbilixxi, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta, huwa l-konvenut li għandu jressaq il-prova li ma kienx hemm ksur tal-imsemmi prinċipju.

78

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, minkejja li hija l-persuna li tqis li hija leża minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li għandha, inizjalment, tistabbilixxi fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta, fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ tali fatti, għandu jiġi żgurat li rifjut li tingħata informazzjoni min-naħa tal-konvenut ma huwiex ta’ natura li jikkomprometti t-twettiq tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Direttiva 2000/43 (sentenza Meister, C‑415/10, EU:C:2012:217, punti 36 u 40).

79

Hija l-qorti nazzjonali jew awtorità oħra kompetenti li għandha tevalwa, skont id-dritt nazzjonali u/jew skont il-prassi nazzjonali, il-fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta, kif tipprovdi l-premessa 15 tad-Direttiva 2000/43 (sentenza Meister, C-415/10, EU:C:2012:217, punt 37).

80

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju, f’dan il-każ, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-prattika kontenzjuża, sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx biżżejjed indizji għall-konstatazzjoni li l-fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-oriġini etnika ġew stabbiliti u sabiex jiġi żgurat, f’dan il-kuntest, li rifjut li tingħata informazzjoni min-naħa tal-konvenut, f’dan il-każ CHEZ RB, sabiex jiġu stabbiliti tali fatti, ma huwiex ta’ natura li jikkomprometti t-twettiq tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Direttiva 2000/43 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Meister, C‑415/10, EU:C:2012:217, punt 42).

81

Fost il-fatturi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward hemm, b’mod partikolari, il-fatt irrilevat mill-imsemmija qorti li, huwa paċifiku u mhux ikkontestat minn CHEZ RB li l-prattika kontenzjuża ġiet stabbilita minnha biss fid-distretti urbani li, bħad-distrett “Gizdova mahala”, huma magħrufa li fihom jgħixu, fil-parti l-kbira, persuni li huma ċittadini Bulgari ta’ oriġini Roma.

82

L-istess japplika għall-fatt, invokat mill-KZD fl-osservazzjonijiet tagħha sottomessi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li jipprovdu li CHEZ RB iddikjarat, fil-kuntest tad-diversi kawżi li kellha quddiemha l-KZD, li hija tqis li l-ħsarat u l-konnessjonijiet tal-elettriku illegali jsiru prinċipalment minn tali ċittadini ta’ oriġini Roma. Dawn id-dikjarazzjonijiet jistgħu fil-fatt ikunu tali li jissuġġerixxu li l-prattika kontenzjuża hija bbażata fuq l-istereotipi jew fuq preġudizzji ta’ natura etnika, u b’hekk ir-raġunijiet razzjali jingħaqdu flimkien ma’ raġunijiet oħra.

83

Fost il-fatturi li jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni, jinsab il-fatt, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, li minkejja l-istedini f’dan is-sens min-naħa ta’ din il-qorti abbażi tal-oneru tal-prova, CHEZ RB astjeniet milli tipproduċi provi tal-allegati ħsarat, tbagħbis ta’ arloġġi tad-dawl u konnessjonijiet tal-elettriku illegali billi sostniet li dawn kienu fatt magħruf.

84

Il-qorti tar-rinviju għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-impożizzjoni, il-ġeneralizzazzjoni u s-sostenibbiltà tal-prattika kontenzjuża li, minħabba, minn naħa, li kienet estiża mingħajr distinzjoni għar-residenti kollha tad-distrett, indipendentement minn jekk l-arloġġi tad-dawl individwali tagħhom kinux tbagħbsu jew tawx lok għal konnessjonijiet tal-elettriku illegali u mill-identità tal-awturi ta’ dan l-aġir u, min-naħa l-oħra, li hija għadha fis-seħħ anki kważi kwart ta’ seklu wara li ġiet stabbilita, hija tali li tissuġġerixxi li r-residenti ta’ dan id-distrett, li huwa magħruf li fih jgħixu essenzjalment ċittadini Bulgari ta’ oriġini Roma, huma kollha kemm huma meqjusa bħala l-awturi potenzjali ta’ tali aġir illegali. Fil-fatt, tali perspettiva tista’ wkoll tikkostitwixxi indizju rilevanti għall-evalwazzjoni globali tal-prattika inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Asociația Accept, C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 51).

85

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li jekk il-qorti tar-rinviju kellha tikkonkludi li teżisti preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni, l-implementazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament teħtieġ li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-konvenuti kkonċernati, li jkollhom jipprovaw li ma kienx hemm ksur tal-imsemmi prinċipju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Coleman, C‑303/06, EU:C:2008:415, punt 54, u Asociația Accept, C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 55). F’każ bħal dan, hija CHEZ RB, bħala l-konvenuta, li għandha tikkonfuta l-eżistenza ta’ tali ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi tipprova li l-istabbiliment tal-prattika kontenzjuża u ż-żamma fis-seħħ tagħha ma huma bl-ebda mod ibbażati fuq il-fatt li d-distretti kkonċernati huma distretti li huma abitati essenzjalment minn ċittadini Bulgari ta’ oriġini Roma, iżda esklużivament fuq fatturi oġġettivi u estranji għal kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika (ara, b’analoġija, is-sentenzi Coleman, C‑303/06, EU:C:2008:415, punt 55, u Asociația Accept, C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 56).

86

Fit-tieni lok, u għal dak li jirrigwarda kundizzjonijiet oħra imposti mill-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/43, li huwa s-suġġett tat-tieni u t-tielet domanda, jiġifieri l-eżistenza, rispettivament, ta’ “trattament inqas favorevoli” u n-natura “komparabbli” tas-sitwazzjonijiet eżaminati, ma hemmx dubju li prattika bħall-prattika kontenzjuża għandha tali karatteristiċi.

87

Fil-fatt, minn naħa, in-natura sfavorevoli tat-trattament li tirriżulta mill-imsemmija prattika għar-residenti, li l-parti l-kbira minnhom huma ta’ oriġini Roma, li jgħixu fid-distrett urban ikkonċernat, ma tistax tiġi kkontestata fid-dawl kemm tad-diffikultà estrema, jew saħansitra l-impossibbiltà, għall-persuni kkonċernati li jaqraw l-arloġġ tad-dawl tagħhom sabiex jikkontrollaw il-konsum tagħhom kif ukoll għan-natura offensiva u stigmatizzanti ta’ din il-prattika diġà rrilevata fil-punt 84 ta’ din is-sentenza.

88

Min-naħa l-oħra u għal dak li jirrigwarda l-punt dwar jekk il-kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ “sitwazzjoni komparabbli”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/43 tistax tiġi ssodisfatta fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dubji li għandha l-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward, huma dovuti għall-fatti li l-persuni li ma għandhomx oriġini Roma li jgħixu f’“distretti Roma” huma milquta wkoll mill-prattika kontenzjuża u li, bil-kontra, il-persuni ta’ oriġini Roma li jgħixu f’distretti fejn il-parti l-kbira tar-residenti ma għandhomx tali oriġini ma humiex milquta minnha.

89

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rekwiżit relatat man-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 25).

90

Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, bħala prinċipju, l-utenti finali tal-elettriku kollha li jiġu pprovduti b’servizz mill-istess fornitur fi ħdan entità urbana għandhom, indipendentement mid-distrett li fih jgħixu dawn ir-residenti, jitqiesu li jinsabu, fir-rigward ta’ dan il-fornitur, f’sitwazzjoni komparabbli għal dak li jikkonċerna t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ arloġġ tad-dawl intiż li jkejjel il-konsum tagħhom u li jippermettilhom isegwu l-evoluzzjoni ta’ dan il-konsum.

91

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għat-tieni sar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura bħall-prattika kontenzjuża tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jekk jirriżulta li l-imsemmija miżura tkun ġiet stabbilita u/jew miżmuma fis-seħħ għal raġunijiet marbuta mal-oriġini etnika komuni għall-parti l-kbira tar-residenti tad-distrett ikkonċernat, aspett li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti tal-kawża kif ukoll ir-regoli dwar l-inverżjoni tal-oneru tal-prova msemmija fl-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva.

Fuq is-sitt sad-disa ’ domanda

92

Permezz tas-sitt sad-disa’ domanda tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien u fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi dwar il-portata tal-kunċetti ta’ “prattika apparentement newtrali” u ta’ “persuni ta’ oriġini, ta’ razza jew grupp etniku fi żvantaġġ partikolari pparagunati ma’ persuni oħra”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43, kif ukoll dwar il-punt jekk, bil-preżunzjoni li ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta, prattika bħall-prattika kontenzjuża tissodisfax b’hekk l-imsemmija kundizzjonijiet u jekk tistax, konsegwentement, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk din l-istess dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li, sabiex teżisti tali diskriminazzjoni indiretta, l-iżvantaġġ partikolari għandu jkun ġie kkawżat minħabba raġunijiet ta’ razza jew ta’ oriġini etnika.

93

Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-eżistenza ta’ “prattika apparentement newtrali” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 u tal-punt dwar jekk dan il-kunċett għandux jinftiehem, hekk kif tistaqsi l-qorti tar-rinviju fis-sitt domanda tagħha, bħala li jirreferi għal prattika newtrali li n-natura newtrali tagħha hija partikolarment manifesta jew prattika newtrali “fl-apparenza” jew “prime facie”, ma hemmx dubji, hekk kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 92 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-imsemmi kunċett għandu jingħata dan it-tieni sens.

94

Barra l-fatt li tikkorrispondi għat-tifsira l-iktar naturali tal-espressjoni kif użata, l-imsemmi sens jipprevali fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-kunċett ta’ diskriminazzjoni indiretta, li tipprovdi li, b’differenza minn diskriminazzjoni diretta, id-diskriminazzjoni indiretta tista’ tirriżulta minn miżura li, minkejja li tkun ifformulata b’mod newtrali, jiġifieri b’riferiment għal kriterji oħra mhux marbuta mal-karatteristika protetta, xorta tirriżulta fi żvantaġġ, partikolarment għall-persuni li għandhom din il-karatteristika (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Z., C‑363/12, EU:C:2014:159, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95

Fit-tieni lok, u fir-rigward tad-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju, fis-seba’ domanda tagħha, fir-rigward tal-Artikolu 4(3) taz-ZZD, li jipprovdi li diskriminazzjoni indiretta tikkonsisti fit-tqegħid ta’ persuna, f’sitwazzjoni inqas favorevoli meta mqabbla ma’ persuni oħra, minħabba r-razza jew l-oriġini etnika, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mir-risposta mogħtija lit-tieni sar-raba’ domanda, jekk jidher li miżura li toħloq differenza fit-trattament ġiet stabbilita għal raġunijiet marbuta mar-razza jew mal-oriġini etnika, tali miżura għandha tiġi kklassifikata bħala “diskriminazzjoni diretta” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/43.

96

Min-naħa l-oħra, diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika ma teħtieġx li l-miżura inkwistjoni tkun ibbażata fuq motivazzjoni ta’ dan it-tip. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 94 ta’ din is-sentenza, sabiex miżura tkun tista’ taqa’ taħt l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43, huwa biżżejjed li, minkejja li tirrikorri għal kriterji newtrali li ma jkunux ibbażati fuq il-karatteristika protetta, l-imsemmija miżura tirriżulta fi żvantaġġ, partikolarment għall-persuni li għandhom din il-karatteristika.

97

Minn dak li ntqal jirriżulta li l-imsemmi Artikolu 2(2)(b) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika għar-rekwiżit li l-miżura inkwistjoni tkun ġiet adottata għal raġunijiet ta’ razza jew ta’ oriġini etnika.

98

Fit-tielet lok, u għal dak li jirrigwarda l-preċiżazzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43, relatata mal-eżistenza ta’ “żvantaġġ partikolari” għall-persuni ta’ razza jew ta’ oriġini etnika partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra, fit-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi d-diskriminazzjoni diretta b’riferiment għall-eżistenza ta’ “trattament inqas favorevoli”. Fid-dawl ta’ din id-distinzjoni terminoloġika, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk huwiex biss “każ gravi, flagranti u partikolarment sinjifikattiv” li jista’ jwassal għal żvantaġġ “partikolari” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43.

99

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li la jirriżulta mill-kliem “żvantaġġ partikolari” użat fl-imsemmi Artikolu 2(2)(b), u lanqas minn preċiżazzjonijiet oħra li jinsabu f’din id-dispożizzjoni, li tali żvantaġġ jeżisti biss f’każ gravi, flagranti u partikolarment sinjifikattiv ta’ inugwaljanza.

100

L-imsemmija kundizzjoni għandha, min-naħa l-oħra, tinftiehem bħala li tfisser li huma partikolarment il-persuni ta’ oriġini etnika partikolari li jinsabu fi żvantaġġ minħabba l-miżura inkwistjoni.

101

Minn naħa, tali interpretazzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, żviluppata fir-rigward tal-kunċett ta’ diskriminazzjoni indiretta, li minnha jirriżulta b’mod partikolari li tali diskriminazzjoni tista’ teżisti meta l-applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali, minkejja li tkun ifformulata b’mod newtrali, tkun fil-fatt ta’ żvantaġġ għal numru ferm ikbar ta’ persuni li għandhom il-karatteristika personali protetta milli għall-persuni li ma għandhomx din il-karatteristika (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi Z., C‑363/12, EU:C:2014:159, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Cachaldora Fernández, C‑527/13, EU:C:2015:215, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102

Min-naħa l-oħra, l-imsemmija interpretazzjoni hija, b’differenza minn dik li minnha jirriżulta li huma biss każijiet ta’ inugwaljanza gravi, flagranti jew partikolarment sinjifikattivi li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43, l-iktar waħda konformi mal-għanijiet tal-leġiżlatur tal-Unjoni mfakkra fil-punti 42, 67 u 72 sa 74 ta’ din is-sentenza.

103

Fir-raba’ lok, u għal dak li jirrigwarda d-disa’ domanda tal-qorti tar-rinviju dwar il-punt ta’ jekk l-Artikolu 4(2) u (3) taz-ZZD, li jirreferi għal trattament jew għal sitwazzjoni “inqas favorevoli” sabiex jiddefinixxi kemm id-diskriminazzjoni diretta kif ukoll id-diskriminazzjoni indiretta u għaldaqstant għall-istess grad ta’ gravità, huwiex konformi mad-Direttiva 2000/43, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li mill-interpretazzjoni mogħtija fil-punti 100 sa 103 ta’ din is-sentenza dwar l-Artikolu 2(2)(b) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li ebda grad partikolari ta’ gravità ma huwa meħtieġ għal dak li jikkonċerna l-iżvantaġġ partikolari msemmi f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-assenza ta’ użu ta’ tali kriterju ta’ gravità fil-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija iktar ’il fuq ma tistax tqajjem problemi ta’ konformità mal-imsemmija direttiva.

104

Fil-ħames lok, u fir-rigward tal-kwistjonijiet li jinsabu fis-sitt u t-tmien domanda rigward il-punti ta’ jekk prattika bħall-prattika kontenzjuża għandhiex natura “apparentement” newtrali u jekk tikkawżax “żvantaġġ partikolari” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 kif ippreċiżat qabel, għandu jitfakkar, kif diġà sar fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, li, minkejja li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-fatti u tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tintalab tipprovdi lill-qorti tar-rinviju bi gwida għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tista’ tkun utli fl-evalwazzjoni tal-effetti tad-diversi dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt.

105

F’dan il-każ, u jekk jiġi preżunt li l-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li ma huwiex stabbilit li l-prattika kontenzjuża tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-oriġini etnika, għandu jiġi rrilevat li l-fatti kif ġew ikkonstatati mill-imsemmija qorti jippermettu li jitqies li tali prattika għandha l-karatteristiċi meħtieġa sabiex tikkostitwixxi, sakemm ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43, diskriminazzjoni indiretta fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

106

Fil-fatt, ma hemm ebda dubju, l-ewwel nett, li din il-prattika u l-kriterju li jipprovdi li hija ġiet b’hekk esklużivament implementata, jiġifieri l-lokalizzazzjoni tar-residenzi kkonċernati f’distrett li fih ġew ikkonstatati diversi każijiet ta’ tbagħbis u ħsarat tal-arloġġi tad-dawl kif ukoll ta’ konnessjonijiet tal-elettriku illegali, jikkostitwixxu prattika u kriterju apparentement newtrali fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43, kif speċifikat fil-punti 93 u 94 ta’ din is-sentenza.

107

It-tieni nett, peress li huwa paċifiku, fid-dawl ta’ dak li ġie espost fid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-imsemmija prattika żviluppat biss f’distretti urbani li, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma essenzjalment persuni ta’ oriġini Roma li jgħixu fihom, prattika bħal din hija tali li taffettwa fi proporzjonijiet kunsiderevolment ikbar lill-persuni li għandhom tali oriġini etnika u li twassal għaldaqstant, fis-sens ta’ dan l-istess Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 kif speċifikat fil-punti 100 sa 102 ta’ din is-sentenza, għal żvantaġġ partikolari għall-persuni li għandhom tali oriġini etnika meta mqabbla ma’ persuni oħra.

108

Hekk kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 87 ta’ din is-sentenza, tali żvantaġġ jirrigwarda, b’mod partikolari, in-natura offensiva u stigmatizzanti tal-prattika kontenzjuża u l-fatt li din tagħmel estremament diffiċli, jekk mhux impossibbli, il-qari mill-utenti finali tal-arloġġ tad-dawl tiegħu sabiex ikun jista’ jikkontrolla l-konsum tiegħu.

109

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, ir-risposta għas-sitt sad-disa’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

din id-dispożizzjoni tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li, sabiex ikun hemm diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, l-iżvantaġġ partikolari għandu jkun ġie kkawżat minħabba raġunijiet ta’ razza jew ta’ oriġini etnika;

il-kunċett ta’ dispożizzjoni, kriterju jew prattika “apparentement newtrali”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni jirreferi għal dispożizzjoni, kriterju jew prattika li huma fformulati jew applikati, fl-apparenza, b’mod newtrali, jiġifieri b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi differenti mill-karatteristika protetta u mhux ekwivalenti għaliha;

il-kunċett ta’ “żvantaġġ partikolari”, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni, ma jirreferix għall-każ ta’ inugwaljanza gravi, flagranti jew partikolarment sinjifikattivi iżda jfisser li huma partikolarment il-persuni ta’ razza jew ta’ oriġini etnika partikolari li, minħabba d-dispożizzjoni, il-kriterju jew il-prattika inkwistjoni, jinsabu fi żvantaġġ.

jekk jiġi preżunt li prattika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmija direttiva, tali prattika għalhekk tista’ fil-prinċipju, tikkostitwixxi, fis-sens tal-imsemmi punt (b) tal-Artikolu 2(2), prattika apparentement newtrali li tirriżulta fi żvantaġġ partikolari għall-persuni ta’ oriġini etnika partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra.

Fuq l-għaxar domanda

110

Permezz tal-għaxar domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 għandux jiġi interpretat fis-sens li, prattika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tkun oġġettivament iġġustifikata sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tan-netwerk tat-trasport tal-elettriku u l-kontroll xieraq tal-konsum tal-elettriku, fid-dawl b’mod partikolari, tal-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess liberu mill-utenti finali għall-arloġġ u dan minkejja, b’mod partikolari, li l-mezzi ta’ komunikazzjoni sostnew li jeżistu mezzi oħra, aċċessibbli teknikament u finanzjarjament, li jippermettu li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-arloġġi tad-dawl.

111

Kif jirriżulta mill-imsemmi Artikolu 2(2)(b), dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentament newtrali iżda li jistgħu jirriżultaw fi żvantaġġ partikolari għal persuni ta’ razza jew ta’ oriġini etnika partikolari, jikkostitwixxu diskriminazzjoni indiretta u għaldaqstant huma pprojbiti sakemm din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prassi ma jkunux oġġettivament iġġustifikati b’għan leġittimu u sakemm il-mezzi użati sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu adattati u neċessarji.

112

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet u tal-għanijiet imfakkra fil-punti 72 sa 74 ta’ din is-sentenza, f’każ ta’ differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, il-kunċett ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva għandu jiġi interpretat b’mod strett.

113

F’dan il-każ, u hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet ippreżentati minn CHEZ RB quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija kumpannija ssostni li l-prattika kontenzjuża ġiet stabbilita sabiex jiġu miġġielda d-diversi ħsarat u tbagħbis tal-arloġġi tad-dawl kif ukoll il-konnessjonijiet tal-elettriku illegali li ġew ikkonstatati fid-distrett ikkonċernat. L-imsemmija prattika hija għaldaqstant intiża kemm sabiex tipprojbixxi l-frodi u l-abbużi kif ukoll sabiex tipproteġi lill-individwi mir-riskju li tali aġir jimplika għall-ħajja u għas-saħħa tagħhom u sabiex tiżgura l-kwalità u s-sigurtà tad-distribuzzjoni tal-elettriku fl-interess tal-utenti kollha.

114

Fl-ewwel lok, għandu jiġi ammess, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 117 tal-konklużjonijiet tagħha li, ikkunsidrati flimkien, tali għanijiet jikkostitwixxu għanijiet leġittimi rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni (ara, għal dak li jirrigwarda l-ġlieda kontra l-frodi u l-kriminalità, is-sentenza Placanica et, C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, EU:C:2007:133, punt 46 kif ukoll 55).

115

Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li l-miżuri eżaminati għandhom, skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 ikunu “oġġettivament” iġġustifikati minn tali għanijiet.

116

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u peress li, sabiex tiġġustifika l-prattika kontenzjuża, CHEZ RB tibbaża ruħha fuq l-eżistenza ta’ diversi ħsarat u diversi konnessjonijiet tal-elettriku illegali fuq l-arloġġi tad-dawl li seħħew fil-passat fid-distrett ikkonċernat u fuq ir-riskju li tali aġir jibqa’ jseħħ, huwa obbligu, almenu għal din il-kumpannija, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 115 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li tistabbilixxi oġġettivament, min-naħa, l-eżistenza u l-portata effettivi tal-imsemmi aġir illegali u, min-naħa l-oħra, u fid-dawl tal-fatt li għaddew madwar 25 sena minn dak iż-żmien, għal liema raġunijiet preċiżi, jeżisti fid-distrett ikkonċernat, fl-istat li jinsabu bħal issa l-affarijiet, riskju maġġuri li jseħħu tali ħsarat u konnessjonijiet tal-elettriku illegali.

117

Sabiex tissodisfa l-oneru tal-prova li għandha fuqha f’dan ir-rigward, CHEZ RB ma tistax sempliċement tallega li tali aġir u riskji huma “fatt magħruf”, kif jidher li għamlet quddiem il-qorti tar-rinviju.

118

Fit-tielet lok, jekk CHEZ RB tkun f’pożizzjoni li tistabbilixxi li l-prattika kontenzjuża tfittex oġġettivament li tilħaq l-għanijiet leġittimi invokati minnha, ikun għad irid jiġi stabbilit, kif jeżiġi l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43, li din il-prattika tikkostitwixxi mezz xieraq u meħtieġ sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet.

119

Hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 121 sa 124 tal-konklużjonijiet tagħha, jidher, a priori u b’riżerva għall-evalwazzjonijiet fattwali definittivi li f’dan ir-rigward għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, li prattika bħall-prattika kontenzjuża tkun tali li tippermetti ġlieda effettiva kontra l-aġir illegali li f’dan il-każ huwa allegatament prekluż, b’tali mod li l-kundizzjoni li tali prattika tkun xierqa sabiex jintlaħqu l-allegati għanijiet leġittimi tidher issodisfatta.

120

Għal dak li jirrigwarda l-kundizzjoni li l-prattika kontenzjuża għandha tkun meħtieġa, għall-istess finijiet, hija b’mod partikolari l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-distretti urbani bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali li fihom CHEZ RB tirrikorri għal din il-prattika kontenzjuża għandhomx karatteristiċi ta’ natura li ma jippermettux li l-problemi eżistenti jiġu solvuti b’miżuri oħra xierqa u inqas restrittivi.

121

F’dan ir-rigward, fl-osservazzjonijiet tagħha, l-KZD sostniet li kumpanniji oħra ta’ distribuzzjoni tal-elettriku rtiraw il-prattika kontenzjuża u għażlu tekniki oħra sabiex jiġġieldu kontra l-ħsarat u t-tbagħbis, filwaqt li reġgħu poġġew l-arloġġi tad-dawl f’għoli normali fid-distretti kkonċernati.

122

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha għalhekk tivverifika jekk jeżistux miżuri oħra xierqa u inqas restrittivi sabiex jintlaħqu l-għanijiet invokati minn CHEZ RB, u, jekk dan ikun il-każ, li tivverifika li l-prattika kontenzjuża ma tistax titqies li hija meħtieġa fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43.

123

Barra minn hekk, u jekk jiġi preżunt li ma tista’ tiġi identifikata ebda miżura oħra effettiva daqs il-prattika kontenzjuża, il-qorti tar-rinviju jkollha tivverifika wkoll jekk l-inkonvenjenzi kkawżati mill-prattika kontenzjuża humiex sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija u jekk din il-prattika tippreġudikax b’mod eċċessiv l-interessi leġittimi tal-persuni li jgħixu fid-distretti kkonċernati (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Ingeniørforeningen i Danmark, C‑499/08, EU:C:2010:600, punti 32 u 47, kif ukoll Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punti 76 et seq).

124

L-ewwel nett, l-imsemmija qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-interess leġittimu tal-utenti finali tal-elettriku li jkollhom aċċess għall-provvista tal-elettriku b’kundizzjonijiet li ma jkollhomx effett offensiv jew stigmatizzanti.

125

Hija għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni n-natura vinkolanti, ġeneralizzata u antika tal-prattika kontenzjuża li fir-rigward tagħha huwa paċifiku, hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punt 84 tas-sentenza preżenti, li hija imposta mingħajr ebda distinzjoni u għal żmien twil fuq ir-residenti kollha tad-distrett ikkonċernat minkejja, u dan għandu jiġi vverifikat minnha, li ebda aġir illegali individwali ma huwa imputabbli lill-parti l-kbira minnhom u li dawn lanqas ma jistgħu jinżammu responsabbli għal tali atti kkawżati minn terzi.

126

Fl-evalwazzjoni tagħha, l-imsemmija qorti għandha, fl-aħħar nett, tieħu inkunsiderazzjoni l-interess leġittimu tal-konsumaturi finali li jgħixu fid-distrett ikkonċernat li jkunu jistgħu jaqraw u jikkontrollaw b’mod effettiv u regolari l-konsum tal-elettriku tagħhom, interess u kontroll li, kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, ġew espressament irrikonoxxuti u inkoraġġuti mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

127

Għalkemm jidher li mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi kollha ta’ evalwazzjoni preċedenti għandu jirriżulta li l-prattika kontenzjuża ma tistax tiġi ġġustifikata fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43, sa fejn l-inkonvenjenzi kkawżati minnha jidhru sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija, hija l-qorti tar-rinviju li għandha, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari mibdija abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, twettaq l-evalwazzjonijiet finali li huma meħtieġa f’dan ir-rigward.

128

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għall-għaxar domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li prattika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi oġġettivament iġġustifikata mir-rieda li jiġu żgurati s-sigurtà tan-netwerk ta’ trasport tal-elettriku u kontroll xieraq tal-konsum tal-elettriku ħlief bil-kundizzjoni li l-imsemmija prattika ma teċċedix il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet leġittimi u li l-inkonvenjenzi kkawżati ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija. Dan ma huwiex il-każ jekk jiġi kkonstatat, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li jeżistu mezzi oħra xierqa u inqas restrittivi li jippermettu li jintlaħqu l-imsemmija għanijiet jew, u fin-nuqqas ta’ tali mezzi, li l-imsemmija prattika tippreġudika b’mod sproporzjonat l-interess leġittimu tal-utenti finali tal-elettriku li jgħixu fid-distrett ikkonċernat, li huwa essenzjalment abitat minn residenti ta’ oriġini Roma, li jkollhom aċċess għall-provvista tal-elettriku bil-kundizzjonijiet li ma humiex ta’ natura offensiva jew stigmatizzanti u li jippermettulhom jikkontrollaw regolarment il-konsum tal-elettriku tagħhom.

Fuq l-ispejjeż

129

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-kunċett ta’ “diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika” fis-sens tad-Direttiva 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità u, b’mod partikolari, tal-Artikoli 1 u 2(1) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, li fihom l-arloġġi tad-dawl kollha f’distrett urban li fih jgħixu essenzjalment persuni ta’ oriġini Roma, huma installati fuq pilastri li jagħmlu parti min-netwerk tal-linja tal-elettriku fl-ajru f’għoli ta’ sitta sa seba’ metri, filwaqt li f’distretti oħrajn, l-arloġġi huma installati f’għoli ta’ inqas minn żewġ metri, l-imsemmi kunċett għandu japplika indipendentement minn jekk l-imsemmija miżura kollettiva tolqotx lill-persuni li għandhom ċertu oriġini etnika jew lil dawk li, mingħajr ma jkollhom l-imsemmija oriġini jġarrbu, flimkien ma’ dawn li għandhom din l-oriġini, it-trattament inqas favorevoli jew l-iżvantaġġ partikolari li jirriżulta minn din il-miżura.

 

2)

Id-Direttiva 2000/43, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) u (2)(a) u (b) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li, sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li teżisti diskriminazzjoni diretta jew diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika fl-oqsma koperti mill-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, it-trattament inqas favorevoli jew l-iżvantaġġ partikolari, li għalihom jirreferu l-imsemmija punti (a) u (b) rispettivament għandhom jippreġudikaw id-drittijiet jew l-interessi leġittimi.

 

3)

L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura bħal dik deskritta fil-punt 1 ta’ dan id-dispożittiv tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jekk jirriżulta li l-imsemmija miżura tkun ġiet stabbilita u/jew miżmuma fis-seħħ għal raġunijiet marbuta mal-oriġini etnika komuni għall-parti l-kbira tar-residenti tad-distrett ikkonċernat, aspett li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti tal-kawża kif ukoll ir-regoli dwar l-inverżjoni tal-oneru tal-prova msemmija fl-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva.

 

4)

L-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

din id-dispożizzjoni tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li, sabiex ikun hemm diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, l-iżvantaġġ partikolari għandu jkun ġie kkawżat minħabba raġunijiet ta’ razza jew ta’ oriġini etnika;

il-kunċett ta’ dispożizzjoni, kriterju jew prattika “apparentement newtrali”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni jirreferi għal dispożizzjoni, kriterju jew prattika li huma fformulati jew applikati, fl-apparenza, b’mod newtrali, jiġifieri b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi differenti mill-karatteristika protetta u mhux ekwivalenti għaliha;

il-kunċett ta’ “żvantaġġ partikolari”, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni, ma jirreferix għall-każ ta’ inugwaljanza gravi, flagranti u partikolarment sinjifikattivi iżda jfisser li huma partikolarment il-persuni ta’ razza jew ta’ oriġini etnika partikolari li, minħabba d-dispożizzjoni, il-kriterju jew il-prattika inkwistjoni, jinsabu fi żvantaġġ;

jekk jiġi preżunt li miżura, bħal dik deskritta fil-punt 1 ta’ dan id-dispożittiv, ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmija direttiva, tali miżura għalhekk tista’ fil-prinċipju tikkostitwixxi, fis-sens tal-imsemmi punt (b) tal-Artikolu 2(2), prattika apparentement newtrali li tirriżulta fi żvantaġġ partikolari għall-persuni ta’ oriġini etnika partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra;

tali miżura ma tistax tiġi oġġettivament iġġustifikata mir-rieda li jiġu żgurati s-sigurtà tan-netwerk ta’ trasport tal-elettriku u kontroll xieraq tal-konsum tal-elettriku ħlief bil-kundizzjoni li l-imsemmija miżura ma teċċedix il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet leġittimi u li l-inkonvenjenzi kkawżati ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija. Dan ma huwiex il-każ jekk jiġi kkonstatat, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, jew li jeżistu mezzi oħra xierqa u inqas restrittivi li jippermettu li jintlaħqu l-imsemmija għanijiet jew, u fin-nuqqas ta’ tali mezzi, li l-imsemmija miżura tippreġudika b’mod sproporzjonat l-interess leġittimu tal-utenti finali tal-elettriku li jgħixu fid-distrett ikkonċernat, li huwa essenzjalment abitat minn residenti ta’ oriġini Roma, li jkollhom aċċess għall-provvista tal-elettriku bil-kundizzjonijiet li ma humiex ta’ natura offensiva jew stigmatizzanti u li jippermettulhom jikkontrollaw regolarment il-konsum tal-elettriku tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.