SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Ottubru 2015 ( * )

“Rikors għal annullament — Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar — Tribunal Internazzjonali tal-Liġi tal-Baħar — Sajd illegali, mhux irrapurtat u mhux irregolat — Proċedura ta’ opinjoni konsultattiva — Preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta’ dikjarazzjoni bil-miktub f’isem l-Unjoni Ewropea — Assenza ta’ approvazzjoni minn qabel tal-kontenut ta’ din id-dikjarazzjoni mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea — Artikol 13(2) TUE, 16 TUE u 17(1) TUE — Artikoli 218(9) TFUE u 335 TFUE — Rappreżentanza tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi u ta’ ekwilibriju istituzzjonali — Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali”

Fil-Kawża C-73/14,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fl-10 ta’ Frar 2014,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Westerhof Löfflerová, E. Finnegan u R. Liudvinaviciute-Cordeiro, bħala aġenti,

rikorrent,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, E. Ruffer u J. Vláčil, kif ukoll minn M. Hedvábná, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn G. Karipsiadis u K. Boskovits, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn M. Sampol Pucurull, bħala aġent,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, D. Colas u F. Fize, kif ukoll minn N. Rouam, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn D. Kriaučiūnas u G. Taluntytė, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Bulterman, M. Gijzen u M. de Ree, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn C. Pesendorfer u G. Eberhard, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes u M.L. Duarte, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn J. Heliskoski u H. Leppo, bħala aġenti,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn E. Jenkinson u M. Holt, bħala aġenti, assistiti minn J. Holmes, barrister,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Banks, A. Bouquet, E. Paasivirta u P. Van Nuffel, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts (Relatur), Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, A. Ó Caoimh, J.-C. Bonichot, C. Vajda, S. Rodin u K. Jürimäe, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, J. L. da Cruz Vilaça u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ April 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Lulju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tiegħu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tad-29 ta’ Novembru 2013 li tiġi ppreżentata “d-dikjarazzjoni bil-miktub tal-Kummissjoni Ewropea f’isem l-Unjoni Ewropea” (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) quddiem it-Tribunal Internazzjonali tal-Liġi tal-Baħar (iktar ’il quddiem l-“ITLOS”) fil-Każ Nru 21.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dispożizzjonijiet dwar it-TILB

2

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982 u li daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994 (iktar ’il quddiem l-“UNCLOS”), ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE, tat-23 ta’ Marzu 1998, li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tal-Parti XI tiegħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260).

3

L-Artikolu 191 tal-UNCLOS jistipula li:

“Il-Kamra tal-Kwistjonijiet dwar Qiegħ-il-Baħar għandha tagħti opinjonijiet konsultattivi fuq it-talba ta’ l-Assemblea jew tal-Kunsill rigward kwistjonijiet legali li jinqalgħu fi ħdan l-iskop ta’ l-attivitajiet tagħhom. Opinjonijiet bħal dawn għandhom jingħataw bħala materja ta’ urġenza.”

4

Skont l-Artikolu 287(1) tal-UNCLOS:

“Meta jiffirma, jirratifika jew jissieħeb [mal-UNCLOS], jew fi kwalunkwe żmien aktar il-quddiem, Stat għandu jkun ħieles li jagħżel, permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub, wieħed jew aktar mezzi għat-twettieq [riżoluzzjoni] ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni [tal-UNCLOS]:

a)

[l-ITLOS] stabbilit b’konformità ma’ l-Anness VI;

[...]”

5

L-Anness VI tal-UNCLOS fih l-Istatut tal-ITLOS.

6

L-Artikolu 16 ta’ dan l-Istatut, intitolat “Ir-regoli [tal-ITLOS]”, jistipula li:

“[L-ITLOS] għandu jifformula r-regoli għat-twettieq tal-funzjonijiet tiegħu. Partikolarment għandu jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura [tiegħu].”

7

Skont l-Artikolu 21 ta’ dan l-Istatut, intitolat “Ġurisdizzjoni”:

“Il-ġurisdizzjoni [tal-ITLOS] għandha tinkludi l-kwistjonijiet kollha u l-applikazzjonijiet kollha ppreżentati lilu b’konformità [mal-UNCLOS] u mal-materji kollha li hemm provvediment speċifiku dwarhom f’xi ftehim ieħor li jikkonferixxi l-ġurisdizzjoni fuq [l-ITLOS].”

8

Ir-Regolament tal-ITLOS, fil-verżjoni tiegħu tas-17 ta’ Marzu 2009, jiddetermina, fl-Artikoli 130 sa 137 tiegħu, il-“[p]roċedura konsultattiva” quddiem il-Kamra tal-Kwistjonijiet dwar Qiegħ-il-Baħar. Mill-Artikolu 133 ta’ dawn ir-regoli jirriżulta li l-Istati kontraenti tal-UNCLOS u l-organizzazzjonijiet intergovernattivi li jistgħu jagħtu informazzjoni fuq il-kwistjoni li tkun is-suġġett ta’ talba għal opinjoni konsultattiva jiġu mistiedna jippreżentaw dikjarazzjonijiet bil-miktub fuq din il-kwistjoni kif ukoll, fil-każ ta’ organizzazzjoni ta’ proċedura orali, espożizzjonijiet orali matul l-imsemmija proċedura.

9

L-Artikolu 138 tal-imsemmi regolament jistipula:

“1.   L-[ITLOS] jista’ jagħti opinjoni konsultattiva dwar kwistjoni legali jekk ftehim internazzjonali relatat mal-għanijiet tal-[UNCLOS] jipprovdi b’mod speċifiku għas-sottomissjoni lill-[ITLOS] ta’ talba għal dik l-opinjoni.

2.   It-talba għal opinjoni konsultattiva għandha tiġi trażmessa lill-[ITLOS] minn kull organu li jkun ġie awtorizzat għal dan il-għan minn dan il-ftehim jew bis-saħħa tiegħu.

3.   L-[ITLOS] għandu japplika mutatis mutandis l-Artikoli 130 sa 137.”

Il-ftehim internazzjonali fil-qasam tas-sajd illegali, mhux irrappurtat jew mhux irregolat

10

Diversi dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet internazzjonali li tagħhom l-Unjoni Ewropea hija parti kontraenti jittrattaw l-obbligi u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-Istat tal-bandiera u tal-Istati kostali fil-qasam tas-sajd fl-ibħra internazzjonali jew f’żona ekonomika esklużiva, u għandhom, f’dan is-sens, rilevanza f’dak li jirrigwarda l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (iktar ’il quddiem is-“sajd IUU”, li jipperikola l-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-istokk tal-ħut.

11

Dan huwa l-każ ukoll, b’mod partikolari, tal-Artikoli 56, 61 sa 68, 73, 91, 94 u 116 sa 120 tal-UNCLOS, l-Artikoli III, V, VI u VIII tal-Ftehim biex jippromwovi l-osservanza tal-miżuri internazzjonali ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni minn bastimenti tas-sajd f’ibħra, approvat fl-24 ta’ Novembru 1993 permezz tar-Riżoluzzjoni 15/93 tas-sebgħa u għoxrin sessjoni tal-konferenza tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ikel u l-Agrikoltura (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ konformità tal-FAO”), li magħha l-Komunità aderixxiet bis-saħħa tad-deċiżjoni 96/428/KE tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ġunju 1996 (ĠU L 177, p. 24), kif ukoll l-Artikoli 5 sa 14 u 17 sa 21 tal-Ftehim adottat fl-4 ta’ Awwissu 1995 fi New York (l-Istati Uniti tal-Amerika) dwar ir-ratifika mill-Komunità Ewropea tal-Ftehim sabiex jimplimenta d-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 li għandha x’taqsam mal-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-istokk tal-ħut fuq iż-żewġ naħat tal-istess żona u l-istokks tal-ħut li jpassi bil-qawwi (iktar ’il quddiem il-“ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti fuq l-istokk tal-ħut”), li ġie rratifikat, f’isem il-Komunità, permezz tad-Deċiżjoni 98/414/KE tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 1998 (ĠU 189, p. 14).

Il-ftehim ta ’ sħubija bejn l-Unjoni u l-Istati kostali fil-qasam tas-sajd

12

Il-Kummissjoni Sub-Reġjonali tas-Sajd (iktar ’il quddiem is-“SRFC), hija organizzazzjoni intergovernattiva għall-kooperazzjoni fil-qasam tas-sajd stabbilita permezz tal-Konvenzjoni tad-29 ta’ Marzu 1985 bejn ir-Repubblika ta’ Kap Verde, ir-Repubblika tal-Gambja, ir-Repubblika tal-Guinea, ir-Repubblika tal-Guinea-Bissau, ir-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, ir-Repubblika tas-Senegal u r-Repubblika tas-Sierra Leone.

13

L-Unjoni kkonkludiet ftehim ta’ sħubija ma diversi Stati membri tas-SRFC. Il-parti l-kbira ta’ dawn il-ftehimiet jinkludu dispożizzjoni komparabbli ma’ dik tal-Artikolu 5(4) tal-Ftehim ta’ sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Kap Verde (ĠU 2006 L 414, p. 3), li jgħid li “l-Komunità tintrabat li tieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex tassigura li l-bastimenti tagħha jħarsu d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, kif ukoll il-leġiżlazzjoni li tikkontrolla s-sajd fl-ibħra li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Kap Verde”.

Il-miżuri tal-Unjoni fil-qasam tas-sajd IUU

14

Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2008, li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament IUU”), jipprevedi qafas iddettaljat ta’ miżuri ta’ ġlieda kontra s-sajd IUU.

15

Hekk kif jirriżulta mill-premessa 5 tiegħu, dan ir-regolament għandu bħala għan li tittejjeb b’mod sostanzjali l-azzjoni tagħha kontra s-sajd IUU, “f’konformità ma’ l-impenji internazzjonali” tal-Unjoni mfakkra fil-premessa 1 tal-imsemmi regolament, jiġifieri dawk li jirriżultaw mill-UNCLOS, mill-ftehim ta’ konformità tal-FAO u mill-ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti fuq l-istokk tal-ħut.

16

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008, tad-29 ta’ Settembru 2008, dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93 u (KE) Nru 1627/94 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 3317/94 (ĠU L 286, p. 33), jirregola l-aċċess tal-bastimenti ta’ pajjiżi terzi fl-ibħra tal-Unjoni kif ukoll l-aċċess tal-bastimenti tal-Unjoni fl-ibħra tal-pajjiżi terzi.

17

L-implementazzjoni u l-kontroll tal-osservanza tar-Regolament IUU huma żgurati permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, p. 1).

18

B’applikazzjoni tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni, permezz tar-Regolament (UE) Nru 468/2010, tat-28 ta’ Mejju 2010, li jistabbilixxi l-lista tal-UE ta’ bastimenti involuti f’sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (ĠU L 131, p. 22), emendat diversi drabi, adottat lista tal-Unjoni tal-bastimenti involuti f’sajd IUU, mhux rappurtat u mhux regolat, fuq il-bażi tal-listi stabbiliti mill-organizzazzjonijiet reġjonali ta’ ġestjoni tas-sajd (iktar ’il quddiem l-“ORĠS”). L-Unjoni hija membri tal-parti l-kbira ta’ dawn l-ORĠS.

19

L-Unjoni wkoll adottat diversi regolamenti li jimplementaw miżuri meħuda mill-ORĠS fir-rigward ta’ ċerti pajjiżi terzi. B’hekk, pereżempju, hemm ir-Regolament (KE) Nru 826/2004 tal-Kunsill, li jipprojbixxi l-Importazzjonijiet tat-tonn (Thunnus thynnus) li joriġina mill-Guinea Ekwatorjali u s-Sierra Leon u li jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 2092/2000 (ĠU L 127, p. 19), kif ukoll ir- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 827/2004, tas-26 ta’ April 2004, li jipprojbixxi l-importazzjoni tat-tonn alalunga mill-Atlantiku (Thunnus obesus) li joriġina fil-Bolivja, l-Kambodja, il-Ginea Ekwatorjali, Ġorġja u Sierra Leone u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1036/2001 (ĠU L 127, p. 21).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

20

Fit-28 ta’ Marzu 2013, tressqet talba għal-opinjoni konsultattiva quddiem l-ITLOS mis-SRFC (iktar ’il quddiem it-“talba għal-opinjoni konsultattiva”).

21

Din it-talba, li tikkorrispondi għall-Każ Nru 21, kienet tirrigwarda l-kwistjonijiet segwenti:

“1)

Liema huma l-obbligi tal-Istat tal-bandiera fil-każ ta’ [sajd IUU] eżerċitat fi ħdan iż-Zona Ekonomika Esklużiva tal-Istati terzi?

2)

Sa liema grad jista’ l-Istat tal-bandiera jinżamm responsabbli għas-sajd IUU pprattikat mill-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu?

3)

Tista’ organizzazzjoni internazzjonali li żżomm liċenzji ta’ sajd tinżamm responsabbli għall-ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sajd tal-Istat kostali mill-bastimenti tas-sajd li jibbenefikaw mill-imsemmija liċenzji?

4)

Liema huma d-drittijiet u l-obbligi tal-Istat kostali sabiex jassumu l-ġestjoni sostenibbli ta’ stokk ta’ ħut komuni u stokkijiet ta’ interess komuni, b’mod partikolari dawk tat-tonn u tal-ħut pelaġiku żgħir?”

22

Permezz ta’ digriet tal-24 ta’ Mejju 2013, l-ITLOS stieden lill-partijiet kontraenti tal-UNCLOS, lis-SRFC kif ukoll lill-organizzazzjonijiet intergovernattivi oħra jippreżentaw, mhux iktar tard mid-29 ta’ Novembru 2013, dikjarazzjonijiet bil-miktub fil-Kaz Nru 21. Huwa ddeċieda wkoll li jorganizza proċedura orali għal dan il-każ.

23

Fil-5 ta’ Awwissu, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni “sabiex tippreżenta dikjarazzjonijiet bil-miktub f’isem l-Unjoni dwar it-talba għal opinjoni konsultattiva ppreżentat mill-Kummissjoni Sub-Reġjonali tas-Sajd lit-Tribunal Internazzjonali tal-Liġi tal-Baħar fil-Każ Nru 21” [C(2013) 4989 finali, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-5 ta’ Awwissu 2013”)].

24

Il-premessi 9 u 10 ta’ din id-deċiżjoni jsemmu li, “bis-saħħa tal-Artikolu 335 TFUE, l-Unjoni tiġi rrappreżentata mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji”, u “[...] li l-Kummissjoni għandha tippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub f’isem l-Unjoni fuq kwistjonijiet sottoposti lill-ITLOS u tipparteċipa fil-proċedura orali”. Il-premessa 11 tal-imsemmija deċiżjoni żżid li, “bis-saħħa tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill permezz tal-grupp ta’ ħidma kompetenti tagħha”.

25

L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni tal-5 ta’ Awwissu jgħid li “l-Kummissjoni sejra tippreżenta d-dikjarazzjonijiet bil-miktub f’isem l-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjonijiet sottoposti fis-27 ta’ Marzu 2013 għall-opinjoni konsultattiva mis- [SRFC] lill-[ITLOS] fil-Każ Nru 21 [u] [...] sejra tipparteċipa fil-proċedura orali fil-Każ Nru 21”. Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, “[i]d-dipartiment legali tal-Kummissjoni huwa inkarigat li jimplementa din id-deċiżjoni”.

26

Fi ħdan il-Kunsill, it-talba għall-opinjoni konsultattiva ġiet eżaminata, minn naħa, mill-grupp ta’ ħidma dwar il-Liġi tal-Baħar (iktar ’il quddiem il-“grupp COMAR”), għal dak li jirrigwarda kwistjonijiet ta’ kompetenza tal-ITLOS li jagħti din l-opinjoni konsultattiva kif ukoll għal dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tal-kwistjonijiet imqajma u, min-naħa l-oħra, mill-grupp ta’ ħidma dwar il-Politika Interna u Esterna tas-Sajd (iktar ’il quddiem il-“grupp FISH”), fir-rigward tal-aspetti sostanzjali.

27

Waqt laqgħat tal-grupp FISH tat-12 ta’ Settembru 2013 u tal-grupp COMAR tas-17 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni rrepetiet l-intenzjoni tagħha li tippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub f’isem l-Unjoni fil-Każ Nru 21 u affermat li hija kienet tqis li ma kienx neċessarju li tikseb għal dan il-għan l-approvazzjoni minn qabel tal-Kunsill. Fil-laqgħa tal-grupp FISH, il-Presidenza tal-Kunsill, min-naħa tagħha, indikat li kien il-Kunsill li kellu japprova l-kontenut ta’ dawn is-sottomissjonijiet bil-miktub u stiednet lill-Kummissjoni tissottometti abbozz tad-dikjarazzjoni bil-miktub għal dan il-għan lill-Kunsill sa mhux iktar tard minn l-aħħar ta’ Ottubru 2013.

28

Fit-22 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni bagħtet lill-Kunsill “dokument ta’ ħidma li kien jindika l-linji prinċipali tal-osservazzjonijiet tal-Unjoni fil-Każ Nru 21 tal-[ITLOS] (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ ħidma tat-22 ta’ Ottubru 2013”). F’dan id-dokument, il-Kummissjoni, hija u tirreferi għad-deċiżjoni tagħha tal-5 ta’ Awwissu 2013, irripetiet li, “bis-saħħa tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali”, il-kunsill kellu “jiġi avżat”. Hija saħqet li kienet qiegħda “tistenna li tikkunsidra bis-sħiħ kull suġġeriment u parir mingħand l-Istati Membri li jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-Unjoni”.

29

Fil-laqgħat ta’ ħidma tal-grupp FISH tal-24 ta’ Ottubru 2013 u tal-grupp COMAR tat-30 ta’ Ottubru 2013, li matulhom ġie eżaminat id-dokument ta’ ħidma tat-22 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni rripetiet li ma kinitx sejra tippreżenta abbozz tad-dikjarazzjoni bil-miktub lill-Kunsill għall-approvazzjoni tiegħu minn qabel.

30

Id-dokument ta’ ħidma tat-22 ta’ Ottubru 2013 ġie mibdul diversi drabi, fil-15, 18 u 26 ta’ Novembru 2013. Il-verżjonijiet suċċessivi tiegħu ġew diskussi matul il-laqgħat tal-grupp FISH tal-15 u tat-22 ta’ Novembru 2013. Fil-parti introduttiva tal-verżjoni emendata tal-imsemmi dokument tal-15 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni, mill-ġdid, enfasizzat li, bis-saħħa tal-Artikolu 335 TFUE, hija kienet ġiet awtorizzata tirrappreżenta l-Unjoni fil-proċeduri ġudizzjarji u li din ir-rappreżentanza ma kinitx teżiġi l-approvazzjoni minn qabel tal-kunsill tad-dikjarazzjoni bil-miktub ippreżentata f’isem l-Unjoni.

31

Fis-27 ta’ Novembru 2013, il-kwistjoni tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni bil-miktub eventwali f’isem l-Unjoni quddiem l-ITLOS ġiet eżaminata mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) tal-Istati Membri fuq il-bażi ta’ rapport ibbażat mill-grupp FISH. Id-delegazzjonijiet tal-Istati Membri u tal-Presidenza Coreper sostnew li kien imiss lill-Kunsill, skont l-Artikolu 16 TUE, jaqta’ din il-kwistjoni u, jekk ikun il-każ, japprova jew jemenda l-kontenut tad-dikjarazzjoni bil-miktub. Il-Coreper qies li, jekk il-Kunsill ma jkunx jista’ japprova xi preżentazzjoni eventwali ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, ma kienx hemm pożizzjoni f’dan ir-rigward u li, konsegwentement, l-ebda dikjarazzjoni bil-miktub fuq it-talba għal opinjoni konsultattiva ma setgħet tiġi ppreżentata lill-ITLOS f’isem l-Unjoni. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, żammet il-pożizzjoni tagħha li ebda approvazzjoni tal-Kunsill ma kienet meħtieġa f’dan il-każ u indikat li kienet sejra tippreżenta, f’isem l-Unjoni, dikjarazzjoni bil-miktub lill-ITLOS.

32

Wara li ħadet inkunsiderazzjoni l-kummenti indirizzati minn ċertu numru ta’ delegazzjonijiet ta’ Stati Membri, il-Kummissjoni indirizzat lill-ITLOS, fid-29 ta’ Novembru 2013, id-“dikjarazzjoni bil-miktub tal-Kummissjoni Ewropea f’isem l‑Unjoni Ewropea” fil-Każ Nru 21. Il-Kunsill ġie informat fl-istess jum permezz ta’ messaġġ elettroniku.

33

Seba’ Stati Membri, bħala partijiet kontraenti tal-UNCLOS, ukoll ippreżentaw dikjarazzjoni bil-miktub lill-ITLOS f’dan il-każ.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

34

Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

35

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-rikors jiġi miċħud u, sussidjarjament, li jinżammu l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata sakemm tiġi adottata deċiżjoni ġdida f’terminu raġjonevoli, kif ukoll li l-Kunsill jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

36

Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Ir-Repubblika Portugiża madankollu ma ħadet sehem fl-ebda fażi ta’ din il-proċedura.

Kunsiderazzjonijiet preliminari

37

Huwa paċifiku bejn il-partijiet li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, wara l-iskambju tal-veduti bejnha u l-Kunsill, implementat l-intenzjonijiet tagħha espressi fil-5 ta’ Awwissu 2013, billi ppreżentat, f’isem l-Unjoni, lill-ITLOS fil-Każ Nru 21 dikjarazzjoni bil-miktub li l-kontenut tiegħu ma ġiex sottopost għall-approvazzjoni tal-Kunsill, minkejja t-talba ta’ dan tal-aħħar.

38

Dan ir-rikors għandu, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jinftiehem li qiegħed jikkontesta lill-Kummissjoni li ma osservatx il-prerogattivi tal-Kunsill billi ma ssottomettietx il-kontenut tad-dikjarazzjoni bil-miktub ippreżentata, f’isem l-Unjoni, fil-każ imsemmi għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kunsill.

Fuq il-mertu

39

Il-Kunsill iressaq żewġ motivi insostenn tar-rikors tiegħu. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE kif ukoll tal-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit b’din l-istess dispożizzjoni.

Fuq l-ewwel motiv

40

L-ewwel motiv huwa artikolat f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 218(9) TFUE. It-tieni parti hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 16(1) TUE. Dawn iż-żewġ partijiet għandhom jiġu eżaminati flimkien.

L-argumenti tal-partijiet

41

Il-Kunsill, sostnut mill-Istati Membri intervenjenti kollha, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, isostni, fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, li l-prerogattivi li huma rrikonoxxuti lilu fl-Artikolu 218(9) TFUE ma ġewx osservati mill-Kummissjoni f’dan il-każ.

42

L-imsemmija partijiet jallegaw li din id-dispożizzjoni tkopri kull sitwazzjoni li fiha istanza ta’ regolazzjoni, ta’ liema natura li tkun, li tkun twaqqfet minn ftehim internazzjonali, tapplika dan permezz ta’ att li jipproduċi effetti legali, obbligatorji u le, fl-Unjoni. F’dan il-każ dan ma seħħx. Fil-fatt, l-ITLOS twaqqaf permezz ta’ ftehim internazzjonali, jiġifieri l-UNCLOS, u l-opinjoni konsultattiva inkwistjoni f’dan il-każ tista’ tipproduċi effetti kbar fuq l-applikazzjoni tal-UNCLOS u ta’ ftehimiet internazzjonali oħra li tagħhom l-Unjoni hija parti kontraenti u, konsegwentement, fuq l-ordinament ġuridiku tagħha. Peress li t-talba għal opinjoni konsultattiva tirrigwarda qasam irregolat ħafna mid-dritt tal-Unjoni, din l-opinjoni tista’ tkun ta’ natura li tinfluwixxi fuq l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni u fuq l-acquis ta’ din tal-aħħar f’dan il-qasam. Jista’ jkun ukoll neċessarju li jsir adattament tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sajd IUU.

43

Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, il-Kunsill, sostnut mill-Istati Membri intervenjenti kollha, isostni li l-Kummissjoni, f’kull każ, kisret f’dan il-każ l-Artikolu 16(1) TUE, billi tat lilha nnifisha kompetenzi li jaqgħu esklużivament taħt dawk tal-Kunsill.

44

F’dan ir-rigward, l-imsemmija partijiet isostnu, l-ewwel nett, li l-Artikolu 17(1) TUE ma jawtorizzax lill-Kummissjoni tiżgura b’mod awtonomu r-rappreżentanza esterna tal-Unjoni, u b’hekk qed tinjora l-funzjonijiet ta’ definizzjoni tal-politiki mogħtija lill-Kunsill permezz tat-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) TUE.

45

F’dan il-każ, fid-dawl tal-importanza tal-konsegwenzi li l-kontenut tad-dikjarazzjoni bil-miktub ippreżentat lill-ITLOS, f’isem l-Unjoni, jista’ jkollu fuq skala internazzjonali, b’mod partikolari fuq ir-relazzjonijiet bejn dan tal-aħħar u l-Istati Membri tas-SRFC, kellu jkun il-Kunsill, konformement ma’ din l-aħħar dispożizzjoni, li jiddefinixxi l-kontenut. Ir-rwol tal-Kummissjoni huwa, f’dak li jirrigwardaha, dak li teżegwixxi l-politika ddefinita mill-Kunsill u li tiżgura r-rappreżentanza esterna tal-Unjoni fuq il-bażi ta’ din il-politika.

46

Fit-tieni lok, il-Kunsill u l-Istati Membri intervenjenti kollha jsostnu li l-Artikolu 335 TFUE ma huwiex ta’ natura li jwaqqa’ l-argument li għadu kif ġie espost.

47

F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika tal-Finlandja jsostnu li l-Artikolu 335 TFUE jikkonċerna esklużivament ir-rappreżentanza tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji nazzjonali, u mhux il-preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet f’isem l-Unjoni, taħt l-azzjoni esterna tagħha, quddiem qorti mwaqqfa permezz ta’ ftehim internazzjonali.

48

Il-Kunsill u l-Istati Membri intervenjenti kollha jsostnu li, f’kull każ, l-Artikolu 335 TFUE ma jistax, fid-dawl tas-sens normali tal-kunċett ta’ “rappreżentanza” kif ukoll tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE, jinftiehem li jawtorizza lill-Kummissjoni, barra mill-affarijiet li jirrigwardaw il-funzjonament proprju tagħha, tieħu azzjoni quddiem qorti b’mod awtonomu, bi ksur tal-kompetenza tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kontenut tal-pożizzjoni tal-Unjoni fuq il-kwistjonijiet inkwistjoni. Kemm jekk tkun politika jew ġuridika, ir-rappreżentanza esterna tal-Kummissjoni mill-Kummissjoni taqa’ taħt is-sitt sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE, li teżiġi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-funzjoni tad-definizzjoni tal-politiki li huma tal-Kunsil konformement mal-Artikolu 16(1) TUE.

49

Fir-raba’ lok, il-Kunsill u l-Istati Membri intervenjenti jsostnu li r-rappreżentanza tal-Unjoni mill-Kummissjoni quddiem l-ITLOS ma għandhiex x’taqsam mal-applikazzjoni tat-Trattati, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx tinvoka l-funzjoni tagħha ta’ gwardjana tat-Trattati sabiex tiżviluppa, bl-awtonomija kollha, l-interpretazzjoni tagħha tar-regoli internazzjonali inkwistjoni. Barra minn hekk, il-preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet f’isem l-Unjoni fil-Każ Nru 21 ma hijiex miġbura fil-qosor bħala deskrizzjoni teknika tal-acquis tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat. Hija wkoll involviet għażliet politiċi u strateġiċi fuq ċertu numru ta’ kwistjonijiet imqajma b’dan il-każ, bħall-kompetenza tal-ITLOS li jagħti l-opinjoni konsultattiva mitluba f’dan il-każ u l-ammissibbiltà tal-mistoqsijiet magħmula.

50

Fir-raba’ lok, il-Kunsill, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika tal-Finlandja jsostnu li ma teżistix, fil-qasam tal-ġlieda kontra s-sajd IUU, politika prestabbilita tal-Unjoni, ħaġa li setgħet teżenta lill-Kummissjoni milli tikseb l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kunsill f’dan il-każ. Ma teżisti xejn f’dak li huwa politika prestabbilita tal-Unjoni fuq il-kwistjoni tal-kompetenza ġenerali tal-ITLOS li tagħti opinjonijiet konsultattivi u lanqas fuq il-kwistjonijiet li jmissu r-responsabbiltajiet rispettivi tal-Istat tal-bandiera, tal-Istat kostali u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qasam tas-sajd IUU.

51

B’risposta għall-ewwel parti tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 218(9) TFUE huwa applikabbli biss meta tinħoloq istanza ta’ regolazzjoni mwaqqfa minn ftehim internazzjonali li jkollha, bħala istanza eżekuttiva, is-setgħa li tistabbilixxi regoli jew li tadotta deċiżjonijiet fil-kuntest ta’ tali ftehim. Din id‑dispożizzjoni ma tikkonċernax għaldaqstant il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu espressi f’isem l-Unjoni quddiem qorti internazzjonali.

52

B’risposta għat-tieni parti tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni tinvoka, prinċipalment, li l-Artikolu 335 TFUE jittraduċi l-prinċipju ġenerali li jgħid li hija tirrappreżenta l-Unjoni f’kull proċedura ġudizzjarja, nazzjonali jew internazzjonali. Din id-dispożizzjoni ma teżiġix li hija tikseb l-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni oħra tal-Unjoni sabiex taġixxi f’isem l-Unjoni quddiem qorti. Fis-sistema maħluqa mit-Trattati, ir-rappreżentanza tal-Unjoni quddiem qorti internazzjonali taqa’ taħt missjoni ta’ natura kostituzzjonali mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 13(2) TUE, l-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE, u l-Artikolu 335 TFUE.

53

Għall-Kummissjoni, għandhom jiġu distinti żewġ sitwazzjonijiet. L-ewwel sitwazzjoni tirrigwarda r-rappreżentanza esterna tal-Unjoni għal finijiet politiċi u diplomatiċi bħan-negozjati ta’ ftehim internazzjonali, li huma rregolati mis-sitt sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE u tista’ taqa’ taħt l-Artikolu 16(1) TUE fl-assenza ta’ politika eżistenti tal-Unjoni. It-tieni sitwazzjoni, li tikkorrispondi mal-każ preżenti, tikkonċerna r-rappreżentanza tal-Unjoni quddiem tribunal internazzjonali, li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni hija marbuta li tiżgura, fl-interess ġenerali tal-Unjoni konformement mall-ewwel sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE, l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni sentenza ta’ din l-istess dispożizzjoni, inkluż il-ftehim internazzjonali li tiegħu l-Unjoni tkun parti kontraenti.

54

Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk jiġi ammess li s-sitt sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE kellu jkun applikabbli f’dan il-każ, hija għandha d-dritt li tirrappreżenta l-Unjoni fil-kuntest ta’ politika ta’ din tal-aħħar diġà stabbilita mil-Kunsill. Issa, f’dan il-każ, jeżisti qafas ġuridiku u politiku sħiħ, fuq skala tal-Unjoni, li ppermetta lill-Kummissjoni teżerċita l-missjoni tagħha ta’ rappreżentanza esterna tal-Unjoni mingħajr ma jkollha tikseb orjentamenti komplementari tal-Kunsill.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

55

Huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-kwistjonijiet imqajma mit-talba għal-opinjoni konsultattiva jaqgħu, almenu parti minnhom, fil-qasam tal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-kuntest tal-politika komuni tas-sajd, li tikkostitwixxi, skont il-kliem tal-Artikolu 3(1)(d) TFUE, qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni, u li din tal-aħħar, fil-kwalità tagħha ta’ parti kontraenti tal-UNCLOS, li fuq il-bażi tagħha twaqqaf l-ITLOS, kellha l-kompetenza li tieħu parti fil-proċedura ta’ opinjoni konsultattiva quddiem din il-qorti fil-Każ Nru 21, b’applikazzjoni tal-Artikolu 133 tar-Regoli tal-ITLOS.

56

Insostenn tad-deċiżjoni tagħha li tirrappreżenta l-Unjoni fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija proċedura u li tippreżenta, f’dan is-sens, dikjarazzjoni bil-miktub f’isem l-Unjoni, il-Kummissjoni invokat l-Artikolu 335 TFUE, hekk kif jirriżulta mill-proċess u hekk kif hija stess ikkonfermat kemm bil-kitbiet tagħha kif ukoll waqt is-seduta.

57

Ċertu numru ta’ Stati Membri intervenjenti madankollu jikkontestaw li l-Artikolu 335 TFUE huwa applikabbli għar-rappreżentanza tal-Unjoni quddiem qorti internazzjonali bħalma hija l-ITLOS. Huma jsostnu li dan l-artikolu jikkonċerna biss il-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali.

58

Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 335 TFUE, minkejja li huwa limitat għall-Istati Membri skont il-formulazzjoni tiegħu, jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jgħid li l-Unjoni għandha l-kapaċità ġuridika u għandha tiġi rrappreżentata, għal dan il-għan mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Reynolds Tobacco et vs Il‑Kummissjoni, C-131/03 P, EU:C:2006:541, punt 94).

59

Isegwi li l-Artikolu 335 TFUE joffri lill-Kummissjoni bażi sabiex tirrappreżenta lill-Unjoni quddiem l-ITLOS fil-Każ Nru 21.

60

Hekk kif enfasizza l-Kunsill, sostnut f’dan il-każ mill-Istati Membri intervenjenti, l-applikabbiltà tal-Artikolu 335 TFUE f’dan il-każ ma jeżawrixxix madankollu l-kwistjoni, imqajma fl-ewwel motiv, li jsir magħruf jekk l-osservanza tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE teżiġix li l-kontenut tad-dikjarazzjoni bil-miktub ippreżentat quddiem l-ITLOS fil-Każ Nru 21 mill-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, jiġi approvat minn qabel mill-Kunsill.

61

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 13(2) TUE, kull istituzzjoni tal-Unjoni taġixxi fil-limiti tal-attribuzzjonijiet mogħtija lilhom mit-Trattati, konformement mal-proċeduri, mal-kundizzjonijiet u mal-finijiet previsti minnhom. Din id-dispożizzjoni tittraduċi l-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali tal-Unjoni, li jimplika li kull istituzzjoni teżerċita l-kompetenzi tagħha b’osservanza tal-kompetenzi tal-oħrajn (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C-409/13, EU:C:2015:217, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

F’dan il-każ, l-argument tal-Kunsill u tal-Istati Membri intervenjenti jikkonsisti f’li jiġi invokat li, billi ppreżentat quddiem l-ITLOS fil-Każ Nru 21 dikjarazzjoni bil-miktub f’isem l-Unjoni li l-kontenut tiegħu ma ġiex approvat minn qabel mill-Kunsill, il-Kummissjoni ma rrikonoxxietx il-kompetenzi li l-Kunsill jislet mill-Artikolu 218(9) TFUE u, f’kull każ, mit-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) TUE.

63

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-Artikolu 218(9) TFUE, ir-riferiment li qed isir għall-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-Unjoni “fi ħdan” istanza regolatorja mwaqqfa permezz ta’ ftehim internazzjonali u mitluba tadotta atti li jġorru magħhom effetti legali jfisser li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-Unjoni fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tagħha, permezz tal-vuċi tal-istituzzjonijiet tagħha jew, jekk ikun il-każ, permezz tal-Istati Membri li jaġixxu solidalment fl-interess tagħha, fl‑adozzjoni ta’ dawn l-atti fi ħdan l-istanza regolatorja kkonċernata. Issa, l-Unjoni hija mistiedna tesprimi, bħala parti, pożizzjoni “quddiem” qorti internazzjonali, u mhux “fi ħdan” qorti internazzjonali.

64

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest u mill-għan li fih jinsab l-Artikolu 218(9) TFUE.

65

Fil-fatt, kif esponiet l-Avukat Ġenerali fil-punti 70 sa 74 tal-konlużjonijiet tagħha, l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi, b’deroga mill-proċedura ordinarja deskritta fl-Artikolu 218(1) sa (8) TFUE għan-negozjar u għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni, proċedura ssemplifikata għall-finijiet ta’ definizzjoni tal-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem din tal-aħħar fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tagħha fl-adozzjoni, fi ħdan l-istanza deċiżjonali mwaqqfa mill-ftehim internazzjonali kkonċernata, ta’ atti li jaqgħu taħt l-applikazzjoni jew l-implementazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

66

Issa, b’differenza mill-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C-399/12, EU:C:2014:2258), li kienet ittrattat il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tagħha, permezz tal-Istati membri, fl-adozzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet fi ħdan l-istanza mwaqqfa bil-ftehim internazzjonali inkwistjoni, din il-kawża tikkonċerna d-definizzjoni ta’ pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni quddiem istanza ġudizzjarja internazzjonali li ntalbet tagħti opinjoni konsultattiva li l-adozzjoni tagħha taqa’ biss taħt il-kompetenza u r-responsabbiltà tal-membri ta’ din l-istanza regolatorja, li jaġixxu għal dan il-għan b’indipendenza sħiħa fil-konfront tal-partijiet.

67

Isegwi li, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk l-opinjoni konsultattiva tal-ITLOS mitluba fil-Każ Nru 21 taqax taħt il-kunċett ta’ “att li għandu effetti legali”, fis-sens tal-Artikolu 218(9) TFUE, din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli f’dan il-każ.

68

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, it-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) TUE, għandu jiġi eżaminat jekk minn din id-dispożizzjoni jirriżultax li l-Kunsill kellu japprova l-kontenut tad-dikjarazzjoni bil-miktub ippreżentat lill-ITLOS, f’isem l-Unjoni, fil-Każ Nru 21 qabel ma din id-dikjarazzjoni ġiet indirizzata lil din il-qorti.

69

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat li t-talba għal-opinjoni konsultattiva kienet tirrigwarda l-obbligi u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-Istat tal-bandiera u tal-Istat kostali f’dak li jirrigwarda s-sajd IUU li jikkomprometti l-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut. Hekk kif ġie espost fil-punti 10 u 11 ta’ din is-sentenza, is-sajd IUU jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ numru ta’ dispożizzjonijiet tal-UNCLOS, li tagħha l-Unjoni hija parti kontraenti, tal-ftehim ta’ konformità tal-FAO, li magħha l-Komunità aderixxiet permezz tad-Deċiżjoni 96/428, tal-ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti fuq l-istokk tal-ħut, li l-Komunità rratifikat permezz tad-Deċiżjoni 98/414, kif ukoll tal-ftehimiet ta’ sħubija konklużi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tas-SRFC, li huma parti integrali tad-dritt tal-Unjoni bis-saħħa tal-Artikolu 216(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Air Transport Association of America et, C-366/10, EU:C:2011:864, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Hija s-suġġett, barra minn hekk, ta’ leġiżlazzjoni ddettaljata fid-dritt tal-Unjoni, li, barra minn hekk, ġiet imsaħħa fis-sena 2008 sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-impenji internazzjonali tal-Unjoni, kif tfakkar fil-punti 14 sa 19 ta’ din is-sentenza.

70

Hekk kif jirriżulta mid-dikjarazzjoni bil-miktub indirizzat, f’isem l-Unjoni, lill-ITLOS fil-Każ Nru 21, din id-dikjarazzjoni, f’dan il-kuntest, tikkonsisti f’suġġerimenti ta’ risposti lill-kwistjonijiet imqajma f’dan il-każ, billi tippreżenta l-mod kif l-Unjoni tifhem l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UNCLOS, tal-ftehim ta’ konformità tal-FAO u tal-ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti fuq l-istokk tal-ħut fil-qasam tas-sajd IUU, kif ukoll deskrizzjoni tal-miżuri li jinsabu, fuq dan is-suġġett, fil-ftehimiet ta’ sħubija u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni indikata fil-punt preċedenti.

71

L-għan ta’ din id-dikjarazzjoni għaldaqstant ma kienx li tiġi ddefinita politika fil-qasam tas-sajd IUU, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) TUE, imma li tiġi ppreżentata lill-ITLOS, fuq il-bażi ta’ analiżi tad-dispożizzjonijiet internazzjonali u tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti f’dan il-qasam, ġabra ta’ osservazzjonijiet ġuridiċi intiżi li jippermettu lil din il-qorti tagħti, jekk ikun il-każ, opinjoni konsultattiva b’konoxxenza tal-fatt fuq il-kwistjonijiet li tressqu quddiemha.

72

Il-Kunsill u ċerti Stati Membri intervenjenti jsostnu li d-dikjarazzjoni bil-miktub ippreżentata lill-ITLOS, f’isem l-Unjoni, fil-Każ Nru 21 jinkludi wkoll xi kunsiderazzjonijiet fuq il-kompetenza ta’ din il-qorti sabiex tirrispondi lit-talba għal-opinjoni konsultattiva kif ukoll fuq l-ammissibbiltà tal-kwistjonijiet imqajma, kunsiderazzjonijiet li jaqgħu taħt għażliet strateġiċi jew politiċi li l-eżerċizzju tagħhom kienu biss tal-Kunsill.

73

Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma, l-istess bħall-osservazzjonijiet ippreżentati fuq il-mertu tal-każ inkwistjoni, karatteristiċi tal-parteċipazzjoni fi proċedura quddiem qorti. Huma ma għandhomx, f’dawn iċ-ċirkustanti, jitqiesu li jikkorrispondu ma’ definizzjoni ta’ politika, fis-sens tal-Artikolu 16(1) TUE.

74

Il-Kunsill u ċerti Stati Membri intervenjenti jinsistu wkoll fuq il-konsegwenzi politiċi li jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari fuq il-livell tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tas-SRFC, tal-kontenut tad-dikjarazzjoni bil-miktub ippreżentata, f’isem l-Unjoni, lill-ITLOS fil-Każ Nru 21.

75

Madankollu, dan l-element, jekk wieħed iqisu eżatt, ma għandux jiġi ppreġudikat, fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-punti 69 sa 71 ta’ din is-sentenza, meta jitqies li r-redazzjoni tal-kontenut ta’ din id-dikjarazzjoni bil-miktub kienet taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ definizzjoni ta’ politika, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) TUE.

76

Mill-elementi kollha li ntqalu qabel jirriżulta li, billi indirizzat id-dikjarazzjoni bil-miktub, f’isem l-Unjoni, lill-ITLOS fil-Każ Nru 21 mingħajr ma ssottomettiet il-kontenut tagħha għall-approvazzjoni mill-Kunsill, il-Kummissjoni ma kisritx din id-dispożizzjoni.

77

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni motiv

L-argumenti tal-partijiet

78

Fil-kuntest tat-tieni motiv, il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Ċeka, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika tal-Awstrija, isostnu li l-Kummissjoni, f’dan il-każ, kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE.

79

F’dan ir-rigward, l-imsemmija partijiet jikkritikaw, fl-ewwel lok, il-fatt li, bil-kontra tar-rekwiżit li jidher fl-Artikolu 218(9) TFUE, il-Kummissjoni ma ppreżentatx lill-Kunsill proposta ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni quddiem l-ITLOS, ħaġa li żammet lill-Kunsill milli jadotta din id-deċiżjoni. Din l-astensjoni tal-Kummissjoni wkoll ikkostitwixxiet nuqqas milli twettaq l-obbligu tagħha, li joħroġ mill-Artikolu 17(1) TUE, li tieħu l-inizjattivi xierqa sabiex tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni, nuqqas li żamm lill-Kunsill milli jeżerċita l-funzjonijiet mogħtija lilu mill-Artikolu 16(1) TUE.

80

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ma kkooperatx lealment mal-Kunsill f’dak li jirrigwarda r-redazzjoni tal-kontenut tad-dikjarazzjoni bil-miktub ippreżentata quddiem l-ITLOS. Fil-fatt, hija sempliċement indirizzat lill-Kunsill, għall-informazzjoni biss, diversi dokumenti preparatorji suċċessivi ħafna inqas iddettaljati mid-dikjarazzjoni bil-miktub li fl-aħħar intbagħtet lill-ITLOS, filwaqt li d-delegazzjonijiet tal-Istati Membri fil-Kunsill riedu jkollhom abbozz tat-test sħiħ li kien jippermettilhom, b’mod partikolari, jippreparaw id-dikjarazzjoni tagħhom b’konoxxenza tajba ħafna tal-pożizzjoni tal-Unjoni pprospettata f’dan il-każ.

81

Il-Kummissjoni tikkontesta l-eżistenza ta’ xi nuqqas minn naħa tagħha tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

82

Hija ssostni, fl-ewwel lok, li, peress li ma kienx neċessarju li tiġi adottata deċiżjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 218(9) TFUE, proposta dwar din id-deċiżjoni kienet inutli.

83

Fit-tieni lok, hija ssostni li hija kkooperat kompletament mal-Kunsill f’dan il-każ u li hija ħadet inkunsiderazzjoni kemm l-opinjonijiet diverġenti espressi fi ħdan dan tal-aħħar fuq ċerti aspetti mqajma mit-talba għal-opinjoni konsultattiva kif ukoll is-suġġerimenti fformulati mill-Istati Membri.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

84

Bis-saħħa tal-Artikolu 13(2) TUE, l-istituzzjonijiet jipprattikaw bejniethom kooperazzjoni leali. Din il-kooperazzjoni leali madankollu tiġi eżerċitata fl-osservanza tal-limiti tas-setgħat mogħtija fit-Trattati lil kull istituzzjoni. L-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 13(2) TUE għaldaqstant ma huwiex ta’ natura li jibdel l-imsemmija setgħat (sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-48/14, EU:C:2015:91, punti 57 u 58).

85

F’dan il-każ, l-argument prinċipali żviluppat mill-Kunsill u minn ċerti Stati Membri intervenjenti fil-kuntest tat-tieni motiv jistrieħ fuq il-premessa li tgħid li r-redazzjoni tal-kontenut tad-dikjarazzjoni bil-miktub ippreżentata lill-ITLOS, f’isem l-Unjoni, fil-Każ Nru 21 jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Kunsill b’applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE jew tat-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) TUE. Dan madankollu ma kienx il-każ, hekk kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv. Għaldaqstant, ma jistax jiġi lmentat lill-Kummissjoni li naqset mid-dmir tagħha ta’ kooperazzjoni leali billi ma ħaditx l-inizjattivi inerenti għall-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

86

B’dan, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jimponi fuq il-Kummissjoni, meta hija tkun biħsiebha tesprimi pożizzjonijiet f’isem l-Unjoni quddiem qorti internazzjonali, l-obbligu li tikkonsulta minn qabel mal-Kunsill.

87

F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonformat ruħha sew ma’ dan l-obbligu. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-elementi deskritti fil-punti 28 sa 32 ta’ din is-sentenza, il-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni bil-miktub mill-Kummissjoni lill-ITLOS, f’isem l-Unjoni, fil-Każ Nru 21 kien ippreċedut mill-komunikazzjoni, mill-Kummissjoni lill-Kunsill, ta’ dokument ta’ ħidma tat-22 ta’ Ottubru 2013, li ġie mibdul diversi drabi sas-26 ta’ Novembru 2013, sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet espressi fi ħdan il-gruppi FISH u COMAR. Huwa għaldaqstant żbaljat li l-Kunsill isostni li l-Kummissjoni ma wrietx kooperazzjoni leali fil-kuntest tal-elaborazzjoni tal-kontenut tad-dikjarazzjoni bil-miktub.

88

Għandu fl-aħħar jiġi osservat li, mingħajr ma ġiet ikkontradixxuta fuq dan il-punt mill-Kunsill jew mill-Istati Membri intervenjenti, il-Kummissjoni indikat li l-pożizzjoni newtrali indikata, fl-imsemmija dikjarazzjoni bil-miktub, fuq il-kwistjoni tal-kompetenza tal-ITLOS sabiex tagħti l-opinjoni konsultattiva mitluba f’dan il-każ kienet ġiet imposta mix-xewqa tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni, fi spirtu ta’ lealtà, l-opinjonijiet diverġenti espressi mill-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill fuq din il-kwistjoni.

89

Minn dan isegwi li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

90

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

91

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna tal-Kunsill u dan tal-aħħar tilef fil-motivi tiegħu, għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess Regoli, li jipprovdi li l-Istati Membri intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja kif ukoll ir-Renju Unit għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

3)

Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.